Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jitterminaw it-trattati bilaterali intra-UE tagħhom fuq l-investiment

Brussell, 18 Ġunju 2015

Il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għal proċeduri ta’ ksur kontra ħames Stati Membri llum u talbithom jitterminaw trattati bilaterali intra-UE fuq l-investiment bejniethom (“BITs intra-UE”). Il-BITs huma ftehimiet li jistabbilixxu t-termini u l-kondizzjonijiet għall-investiment privat minn ċittadini u kumpanniji ta’ stat fi stat ieħor. BITs intra-UE huma ftehimiet li jeżistu bejn Stati Membri tal-UE. 

Ħafna minn dawn il-BITs intra-UE ġew miftiehma fis-snin 90, qabel it-tkabbir tal-UE tal-2004 u l-2007 u l-2013. Dawn kienu saru prinċipalment bejn il-membri eżistenti tal-UE u dawk li eventwalment saru l-“UE 13”. Kienu mmirati biex iserrħu moħħ l-investituri li xtaqu jinvestu f'dawk li kienu se jkunu l-“UE 13” fi żmien meta l-investituri privati — xi kultant għal raġunijiet politiċi, storiċi — setgħu ħassewhom kawti dwar l-investiment f’dawk il-pajjiżi. Il-BITs għalhekk kienu mmirati lejn it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-investituri, pereżempju permezz ta’ kumpens għal esproprjazzjoni u proċeduri ta’ arbitraġġ għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment.

Minn mindu sar it-tkabbir, tali assigurazzjonijiet “extra” m’għandhomx ikunu neċessarji, peress li l-Istati Membri kollha huma soġġetti għall-istess regoli tal-UE fis-suq uniku, inklużi dawk dwar investimenti transfruntier (b’mod partikolari, il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital). L-investituri kollha tal-UE jibbenefikaw mill-istess protezzjoni bis-saħħa tar-regoli tal-UE (pereż, n-nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità). B’kuntrast ma’ dan, il-BITs intra-UE jikkonferixxu drittijiet fuq bażi bilaterali lil investituri minn xi Stati Membri biss: skont ġurisprudenza konsistenti mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, tali diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità hija inkompatibbli mal-liġi tal-UE.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni ddeċidiet li titlob lil ħames Stati Membri (l-Awstrija, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Iżvezja) li jtemmu l- BITs intra-UE bejniethom. L-ittri ta’ avviż ta' tqegħid fil-mora, li nbgħatu llum, isegwu skambji preċedenti mal-Istati Membri inkwistjoni. Din mhix kwistjoni ġdida peress li l-Kummissjoni b’mod konsistenti u tul għadd ta’ snin indikat lill-Istati Membri kollha li l-BITs intra-UE huma inkompatibbli mal-liġi tal-UE. Madankollu, peress li l-biċċa l-kbira mill-Istati Membri ma ħadu l-ebda azzjoni, il-Kummissjoni issa qed tniedi l-ewwel stadju ta’ proċeduri ta’ ksur kontra ħames Stati Membri. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed titlob informazzjoni minn u l-bidu ta’ djalogu amministrattiv mal-21 Stati Membri li fadal li għad għandhom BITs intra-UE eżistenti. Ta’ min jinnota wkoll li żewġ Stati Membri — l-Irlanda u l-Italja — diġà temmew il-BITs intra-UE kollha tagħhom fl-2012 u l-2013 rispettivament.

Jonathan Hill, il-Kummissarju tal-UE għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji, u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali qal: "It-trattati ta' investiment bilaterali intra-UE huma skaduti u kif urew l-Italja u l-Irlanda bit-terminazzjoni tal-BITs intra-UE tagħhom, m'għadhomx neċessarji f'suq uniku ta' 28 Stat Membru. Li jkun hemm qafas legali ċar li japplika għall-investituri kollha f’kull wieħed mit-28 Stat Membru. Għandma naġixxu flimkien biex jiġi żgurat li l-qafas regolatorju għall-investiment transfruntier fis-suq uniku jaħdem b'mod effettiv u malajr għall-medjazzjoni ta' tilwim dwar investiment."

Sfond

It-Trattati bilaterali fuq l-investiment (Bilateral Investment Treaties - BITs) jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet għall-investiment bejn żewġ Stati. Għad hemm madwar 200 trattat bilaterali ta’ investiment fis-seħħ bejn l-Istati Membri tal-UE.  Ħafna minnhom imorru lura għas-snin 90 meta wieħed jew iż-żewġ pajjiżi kienu għadhom mhux membru tal-UE. L-għan tagħhom kien li jħeġġu investimenti billi joffru garanziji reċiproċi kontra riskji politiċi li setgħu jaffettwaw dawk l-investimenti b'mod negativ.  Dawn il-BITs huma skaduti f'suq uniku ta’ 28 pajjiż. Il-proċedimenti attwali jittrattaw biss il-BITs intra-UE u ma jikkonċernawx il-BITs li jeżistu bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi.

B’mod partikolari, il-BITs intra-UE jifframmentaw is-suq uniku billi jikkonferixxu drittijiet lil xi investituri tal-UE fuq bażi bilaterali. Id-dispożizzjonijiet tagħhom jirkbu fuq xulxin u huma f'kunflitt mal-liġi tas-suq uniku tal-UE dwar investimenti transkonfinali. Din is-sitwazzjoni hija speċifika għall-BITs bejn l-Istati Membri tal-UE. Fl-ittra tagħha ta’ avviż ta' tqegħid fil-mora, il-Kummissjoni tenfasizza li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma limitati għal trattati bilaterali li l-Istati Membri tal-UE jżommu fis-seħħ ma’ xulxin. Ma jikkonċernawx trattati ta' investiment li Stati Membri jew l-Unjoni Ewropea jistgħu jkollhom ma' pajjiżi terzi li għalihom japplikaw kunsiderazzjonijiet differenti.

Filwaqt li l-BITs intra-UE ma kinux użati ħafna għall-ewwel snin wara t-tkabbir, reċentement rajna li xi investituri reġgħu bdew jistrieħu fuq dawn it-trattati. Il-problema bil-BITs m'hijiex teorika u għandha ħafna konsegwenzi prattiċi. Pereżempju proċediment ta’ arbitraġġ reċenti bbażat fuq BIT intra-UE pproduċa eżitu li l-Kummissjoni tqis huwa inkompatibbli mad-dritt tal-UE, minħabba li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali [1]. Din is-sitwazzjoni tista’ toħloq inċertezza legali għall-investituri transfruntiera — fi żmien meta l-prijorità ewlenija tal-UE hija li tippromwovi ambjent li jinkoraġġixxi l-investiment.

Il-Kummissjoni għalhekk qed tappella lill-Istati Membri biex jitterminaw il-BITs intra-UE billi bagħtet ittri ta' avviż ta' tqegħid fil-mora lil ħames Stati Membri (l-Awstrija, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Iżvezja) li minnhom kienet diġà talbet kjarifika fil-passat permezz ta’ djalogi amministrattivi[2]2], minħabba li l-ftehimiet bilaterali inkwistjoni ġew invokati fi proċedimenti ta’ arbitraġġ u wasslu għal kwistjonijiet rigward il-kompatibilità mal-liġi tal-UE. Ittri ta’ avviż ta' tqegħid fil-mora huma l-ewwel stadju tal-proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni kitbet lill-21 Stat Membru l-oħra kollha li għandhom BITs intra-UE[3] 3], permezz tal-proċedimenti EU Pilot, biex iressqu l-fehmiet tagħhom dwar din il-kwistjoni.

Il-passi li jmiss

L-Istati Membri issa huma mistennija li jagħtu risposta lill-Kummissjoni fi zmien: xagħrejn biex iwieġbu għall-ittri ta’ avviż ta' tqegħid fil-mora, u 10 ġimgħat għall-EU Pilot. Il-Kummissjoni se ssejjaħ laqgħa mal-Istati Membri kollha fil-bidu ta’ Ottubru biex tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri sabiex it-terminazzjoni tat-TBIs intra-UE titwettaq b’mod koordinat.

Il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tkun involuta f’diskussjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati dwar kif tista’ tittejjeb aktar il-protezzjoni tal-investiment fi ħdan is-suq uniku.

Dwar il-pakkett ta' deċiżjonijiet dwar il-ksur li ttieħdu f'Ġunju, ara MEMO/15/5162

Dwar il-proċedura ġenerali ta’ ksur, ara MEMO/12/12

Għal aktar tagħrif dwar il-proċeduri ta' ksur, ara:http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_mt.htm


[1] It-tribunal tal-arbitraġġ fil-Kawża Micula ordna lir-Rumanija tħallas kumpens lil investitur Svediż, filwaqt li injora l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tali għoti jikser ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat

[2] L-EU Pilot ġie mfassal biex jitjiebu l-komunikazzjoni u s-soluzzjoni tal-problemi bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri rigward kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE jew dwar il-konformità tal-liġi ta’ Stat Membru mal-liġi tal-UE fi stadju bikri qabel jingħata bidu għall-proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-TFUE (http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/application_monitoring_mt.htm).

[3] L-Istati Membri l-oħra kollha huma kkonċernati ħlief l-Irlanda u l-Italja li temmew il-BITs intra-UE tagħhom.

IP/15/5198

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar