Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni għal tassazzjoni korporattiva aktar ġusta u aktar effiċjenti fl-UE

Brussell, 17 Ġunju 2015

Illum il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni li jixpruna r-riforma fundamentali tat-tassazzjoni korporattiva fl-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni jiddeskrivi sensiela ta’ inizjattivi biex jiġi indirizzat l-evitar tat-taxxa, biex jiżgura introjtu sostenibbli u biex isaħħaħ is-Suq Uniku għan-negozji. Kollettivament, dawn il-miżuri se jtejbu b’mod sinifikanti l-ambjent tat-taxxa korporattiva fl-UE, billi jagħmluh aktar ġust, aktar effiċjenti u aktar tajjeb għat-tkabbir ekonomiku.

L-azzjonijiet ewlenin jinkludu strateġija għat-tnedija mill-ġdid ta’ Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u qafas li jiżgura tassazzjoni effettiva fejn il-kumpaniji jiġġeneraw profitti. Il-Kummissjoni qed tippubblika wkoll l-ewwel lista pan-UE tal-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa nonkooperattivi tal-pajjiżi terzi u qed tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-kwistjoni jekk il-kumpaniji għandhomx jiġu obbligati jiżvelaw pubblikament ċertu informazzjoni dwar it-taxxa.

Il-Viċi President Valdis Dombrovkis, responsabbli għall-Euro u d-Djalogu Soċjali qal: "Illum waqqafna pjan ambizzjuż u fl-istess ħin realistiku favur tassazzjoni aktar ġusta u li jrawwem aktar it-tkabbir ekonomiku fl-UE. Huwa bbażat fuq il-prinċipju ewlieni li l-kumpaniji kollha – kbar jew żgħar, lokali jew globali - għandhom iħallsu s-sehem ġust tat-taxxia fejn isseħħ attività ekonomika reali u meta l-profitti tagħhom ikunu fil-fatt saru.”

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: "It-tassazzjoni korporattiva fl-UE teħtieġ riforma radikali. Fl-interessi tat-tkabbir, tal-kompetittività u tal-ekwità, l-Istati Membri jridu jaħdmu flimkien u kulħadd għandu jagħti s-sehem ġust tiegħu. Illum il-Kummissjoni wittiet it-triq għal approċċ ġdid għat-tassazzjoni korporattiva fl-UE. L-Istati Membri issa jridu jibnu fuqha.”

Ir-regoli li jirregolaw it-tassazzjoni korporattiva fl-UE llum mhumiex aġġornati mal-ekonomija moderna. Miżuri nazzjonali mhux ikkoordinati qegħdin jiġu sfruttati minn xi kumpaniji biex jevitaw it-tassazzjoni fl-UE. Dan iwassal għal telf ta’ dħul sinifikanti għall-Istati Membri, għal piż tat-taxxa ikbar għaċ-ċittadini u għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni għal dawk in-negozji li jħallsu s-sehem tagħhom.

Biex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-lum jistabbilixxi approċċ ġdid tal-UE għal tassazzjoni korporattiva ġusta u aktar effiċjenti. Dan se jinkiseb permezz ta’ sensiela ta’ inizjattivi li għandhom jittieħdu fi żmien qasir, medju u fit-tul. Dawn jibnu fuq miżuri diġà stabbiliti fil-Pakkett dwar it-Trasparenza Fiskali, li l-Kummissjoni ppreżentat f’Marzu. Il-miżuri deskritti f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni jfakkru wkoll fil-ħidma għaddejja fi ħdan l-OECD biex jiġu limitati l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti.  

AZZJONIJIET EWLENIN

Titnieda mill-ġdid il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)

Il-Kummissjoni se tniedi mill-ġdid il-proposta tagħha għal Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), bħala soluzzjoni olistika lejn ir-riforma tat-taxxa korporattiva.

Il-BKKTK tista’ tagħti riżultati fl-oqsma kollha, filwaqt li ttejjeb b’mod sinifikanti s-Suq Uniku għan-negozji, billi jingħalqu wkoll l-opportunitajiet għall-evitar tat-taxxa korporattiva. Bħalissa n-negozjati rigward il-proposta tal-Kummissjoni tal-2011 favur il-BKKTK jinsabu staġnati. Madankollu, hemm kunsens ġenerali li jeħtieġ li n-negozjati jingħataw ħajja ġdida, minħabba l-benefiċċji kbar li l-BKKTK toffri. Se tinbeda immedjatament ħidma fuq proposta ġdida li tintroduċi BKKTK obbligatorja permezz ta’ approċċ gradwali. Dan se jippermetti li l-Istati Membri jiksbu progress aktar mgħaġġel għall-iżgurar ta’ bażi taxxabbli komuni. Il-konsolidazzjoni se tkun introdotta bħala t-tieni pass, billi dan kien l-aktar element diffiċli fin-negozjati s’issa. Il-Kummissjoni se tippreżenta din il-proposta ġdida kemm jista’ jkun kmieni fl-2016. 

Niżguraw Rimedji Effettivi

Il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi t-triq lejn tassazzjoni effettiva fl-UE, li huwa l-kunċett li l-kumpaniji għandhom iħallsu sehem ġust tat-taxxa fil-pajjiż fejn jagħmlu l-profitti tagħhom. Hemm diversi modi kif dan jinkiseb, mingħajr l-armonizzazzjoni tar-rati tat-taxxa korporattiva fl-UE. Pereżempju, il-Kummissjoni qed tipproponi miżuri biex jiġu eliminati l-lakuni leġiżlattivi, titjieb is-sistema tal-ipprezzar tat-trasferimenti u jiġu implimentati regoli aktar stretti għal reġimi tat-taxxa preferenzjali, fost affarijiet oħra. Dawn l-inizjattivi għandhom jgħinu wkoll biex jitmexxa d-dibattitu kontinwu bejn l-Istati Membri biex jiddefinixxu u jaqblu dwar approċċ tal-UE favur tassazzjoni effettiva. 

Tiżdied it-Trasparenza

Il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi l-passi li jmiss għal aktar trasparenza fiskali – fi ħdan l-UE u fil-konfront tal-pajjiżi terzi. Dan jibni fuq miżuri diġà stabbiliti fil-Pakkett dwar it-Trasparenza Fiskali, li l-Kummissjoni adottat f’Marzu. Biex jitnieda approċċ tal-UE aktar trasparenti u uniformi lejn ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa nonkooperattivi, il-Kummissjoni ppubblikat lista pan-UE ta’ pajjiżi terzi u territorji li jinsabu fuq il-lista s-sewda tal-Istati Membri. Il-lista tista’ tintuża għall-iskrinjar ta' ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa nonkooperattivi u għall-iżvilupp ta' strateġija komuni tal-UE biex tittratta magħhom. Għalhekk, din se ssaħħaħ is-sistema ta’ difiża kollettiva tal-Istati Membri kontra t-theddid estern għad-dħul tagħhom.

Il-Kummissjoni illum qed tniedi wkoll konsultazzjoni pubblika sabiex tiġbor reazzjonijiet dwar jekk il-kumpaniji għandhomx jiġu obbligati jiżvelaw pubblikament ċerta informazzjoni dwar it-taxxa, fosthom permezz ta’ Rappurtar Pajjiż Pajjiż (Country-by-Country Reporting/CbCR). Il-konsultazzjoni, flimkien mal-ħidma li għaddejja tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, se tgħin biex tissawwar kull deċiżjoni ta’ politika futura dwar din il-kwistjoni.  

KUNTEST

Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Korporattiva Ġusta u Aktar Effiċjenti huwa parti mill-aġenda ambizzjuża tal-Kummissjoni biex tindirizza l-evitar tat-taxxa korporattiva, tiżgura Suq Uniku aktar ġust u tippromwovi l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment fl-Ewropa.

Fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu ta' Lulju 2014, il-President Juncker stqarr: "Neħtieġu aktar ġustizzja fis-suq intern tagħna. Filwaqt li nirrikonoxxi l-kompetenza tal-Istati Membri għas-sistemi tat-taxxa tagħhom, għandna nsaħħu l-isforzi tagħna biex niġġieldu l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa, sabiex il-kontributuri kollha jħallsu s-sehem ġust tagħhom."

Il-Kummissjoni qed twassal b'mod rapidu l-impenji li ħadet fil-programm ta’ ħidma tagħha tal-2015 biex trażżan l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, u biex jiġi żgurat li l-kumpaniji jħallsu t-taxxa meta dawn jiġġeneraw profitti.

Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni f'Marzu pproponiet Pakkett dwar it-Trasparenza Fiskali biex toħloq aktar trasparenza u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fuq kwistjonijiet relatati mat-taxxa korporattiva. Element ewlieni f’dan il-pakkett kien il-proposta għal skambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar deċiżjonijiet li jolqtu t-taxxa. Din il-proposta rċeviet l-appoġġ unanimu tal-Ministri tal-Finanzi fl-ECOFIN Informali f’April. L-Istati Membri issa qed jiddiskutu fil-livell tekniku bil-għan li jintlaħaq qbil sal-aħħar tas-sena.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-lum jirrappreżenta t-tieni pass, u pass iktar komprensiv lejn ir-riforma tat-tassazzjoni korporattiva fl-UE.

Għal aktar informazzjoni:

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Pjan ta' Azzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-BKKTK

Is-sit web dwar il-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa nonkooperattivi

http://ec.europa.eu/fair-taxation

IP/15/5188

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar