Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar: It-tisħiħ tat-trasparenza u l-iskrutinju għal leġiżlar aħjar tal-UE

Strasburgu, 19 Mejju 2015



Illum, id-19 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Ewropea tadotta l-Aġenda tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar. Dan il-pakkett komprensiv ta’ riformi li jkopru l-perjodu sħiħ taċ-ċiklu ta’ politika ser jagħti spinta għall-ftuħ u t-trasparenza fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, itejjeb il-kwalità ta’ liġijiet ġodda permezz ta’ evalwazzjonijiet tal-impatt ta’ abbozz ta’ leġiżlazzjoni aħjar u emendi, u jippromwovi reviżjoni kostanti u konsistenti ta’ liġijiet eżistenti tal-UE, b’tali mod li l-politiki tal-UE jilħqu l-objettivi tagħhom bl-iktar mod effettiv u effikaċi.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal:

“Din il-Kummissjoni hija determinata li tbiddel kemm dak li tagħmel l-Unjoni kif ukoll il-mod kif tagħmlu. Regolamentazzjoni aħjar hija għalhekk waħda mill-prijoritajiet prinċipali tagħna. Aħna qed nagħtu widen għat-tħassib taċ-ċittadini u n-negozji — speċjalment l-SMEs — li jinkwetaw li Brussell u l-istituzzjonijiet tagħha mhux dejjem jipprovdu regoli li jistgħu jifhmu jew japplikaw. Aħna rridu nreġġgħu lura l-fiduċja tagħhom fil-kapaċità tal-UE li twassal leġiżlazzjoni ta’ kwalità għolja. Regolamentazzjoni aħjar mhijiex dwar “aktar” jew “inqas” regoli tal-UE, jew li jiġi pperikolati l-istandards soċjali u ambjentali għoljin tagħna, saħħitna jew id-drittijiet fundamentali tagħna. Regolamentazzjoni Aħjar hi dwar li niżguraw li jintlaħqu l-miri ambizzjużi tal-politika, li stabbilixxejna bl-aktar mod effiċjent"

"Għandna nivvalutaw b’ċerta rigoriżità l-impatt tal-leġiżlazzjoni li qed issir, inklużi emendi sostanzjali introdotti matul il-proċess leġiżlattiv, b’tali mod li d-deċiżjonijiet politiċi jkunu informati tajjeb u bbażati fuq l-evidenza. U filwaqt li t-tendenza naturali tal-politiċi hija li jiffokaw fuq inizjattivi ġodda, irridu niddedikaw tal-anqas l-istess attenzjoni biex nirrevedu liġijiet eżistenti u nidentifikaw x’jista’ jiġi mtejjeb jew simplifikat. Irridu nkunu onesti dwar x’jaħdem u x’ma jaħdimx. Id-deċiżjonijiet meħuda minn Istituzzjonijiet tal-UE huma ta’ interess għalina kollha, għalhekk qed inressqu miżuri li se jitfħu l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, li jippermettu għal aktar trasparenza u skrutinju, u jipprovdui aktar opportunitajiet għal persuni biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom.”

Il-Pakkett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar se jiġi implimentat direttament mill-Kummissjoni fit-tħejjija u l-evalwazzjoni tagħha stess tal-leġiżlazzjoni u permezz ta’ kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni issa ser tidħol f’negozjati mal-Parlament u l-Kunsill dwar Ftehim Interistituzzjonali ġdid (IIA) dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

Aktar Trasparenza u Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni se tiftaħ il-proċess ta’ tfassil ta’ politika tagħha biex tkompli l-iskrutinju pubbliku u l-input, b’portal tal-internet fejn l-inizjattivi jkunu jistgħu jiġu traċċati u b'konsultazzjonijiet pubbliċi ġodda meta nkunu qed nevalwaw politiki eżistenti jew inkunu qed nevalwaw il-possibbiltà ta' proposti ġodda. Se jkun hemm ukoll opportunitajiet ġodda għal kummenti tal-partijiet interessati matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollha tal-politika, mill-ewwel pjan direzzjonali sal-proposta finali tal-Kummissjoni. Wara li l-Kummissjoni tkun adottat proposta, kull ċittadin jew parti interessata se jkollhom tmien ġimgħat biex jipprovdu feedback jew suġġerimenti li se jkunu ta’ kontribut fid-dibattitu leġiżlattiv quddiem il-Parlament u l-Kunsill.

Dan l-approċċ trasparenti se japplika wkoll għal-leġiżlazzjoni sekondarja, fil-forma ta’ atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni. Għall-ewwel darba, abbozzi ta’ miżuri li jemendaw jew jissupplimentaw leġiżlazzjoni eżistenti, jew li jistabbilixxu dispożizzjonijiet tekniċi speċifiċi, ser isiru pubbliċi għal 4 ġimgħat qabel l-adozzjoni. Dan se jippermetti għal kummenti mill-partijiet interessati qabel l-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni jew esperti mill-Istati Membri.

Il-liġijiet eżistenti jinżammu taħt reviżjoni

Il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), li jivvaluta l-istokk eżistenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE biex jagħmilha iktar effettiva u effiċjenti mingħajr ma jikkomprometti l-għanijiet politiċi, se jkun imsaħħah. Ser isir aktar immirat, u jħares lejn is-sorsi l-aktar serji ta’ ineffiċjenza u piż bla bżonn, u jikkwantifika l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-azzjonijiet kull fejn ikun possibbli. Il-Kummissjoni diġà qed taħdem b’mod attiv biex jitnaqqsu l-piżijiet f’oqsma bħalma huma l-VAT, l-akkwist pubbliku, l-istatistika tan-negozju u kimiċi; evalwazzjonijiet komprensivi f’oqsma oħra huma għaddejja wkoll. REFIT issa se jsir parti fundamentali tal-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Kummissjoni u tad-djalogu politiku tal-Kummissjoni mal-istituzzjonijiet oħra.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi pjattaforma permanenti għal djalogu bejn il-partijiet kollha interessati u l-Istati Membri dwar il-kwistjoni kif jistgħu jittejbu l-liġijiet tal-UE fil-kuntest ta’ REFIT. Il-Pjattaforma REFIT se tlaqqa’ flimkien esperti ta’ livell għoli mid-dinja tan-negozju, is-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Istati Membri. Din se tiġbor suġġerimenti mill-art għat-tnaqqis tal-piż regolatorju u amministrattiv, u tressaq ideat konkreti. Il-Kummissjoni se tirreaġixxi għalihom kollha u sistematikament tispjega kif bi ħsiebha tagħti segwitu. Il-Kummissjoni qed iġġedded ukoll l-impenn tagħha biex tisma’ l-fehmiet ta’ kull parti interessata fi kwalunkwe ħin, permezz ta’ għodda onlajn imsejħa “Ħaffef il-Piż — Għid Tiegħek”.

Stimi tal-impatt u kontroll tal-kwalità aħjar

Il-Kummissjoni qed issaħħaħ l-approċċ tagħha għall-valutazzjoni tal-impatt u evalwazzjonijiet sabiex ittejjeb il-bażi ta’ evidenza li tirfed il-proposti leġiżlattivi kollha, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet politiċi. B’mod partikolari, il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni, li ilu jopera mill-2006, se jinbidel f'Bord ta' Skrutinju Regolatorju Indipendenti. Il-membri tiegħu se jkollhom status aktar indipendenti u nofshom se jiġu reklutati minn barra l-Kummissjoni. Il-Bord se jkollu rwol ikbar fil-kontroll tal-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ proposti ġodda kif ukoll kontrolli tal-idoneità u valutazzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni eżistenti.

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jsiru evalwazzjonijiet tal-impatt matul il-proċess leġiżlattiv, mhux biss meta l-Kummissjoni tħejji l-proposta tagħha. Nappellaw lill-Parlament u lill-Kunsill biex iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ta’ kwalunkwe emendi sostanzjali li jipproponu matul il-proċess leġiżlattiv. Fuq bażi ad hoc, panel tekniku indipendenti jista’ jiġi stabbilit fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni biex janalizza jekk proposta emendata hijiex prattika biex tkun implimentata, toħloq drittijiet u l-obbligi li jinftiehmu għall-partijiet interessati, u tevita spejjeż sproporzjonati. L-evalwazzjoni tiegħu għandha tiġi finalizzata u magħmula pubblika fi żmien raġonevoli biex il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi jiġi infurmat.

IIA ġdid għal impenn kondiviż mill-istituzzjonijiet tal-UE

Regolamentazzjoni aħjar tista’ taħdem biss jekk tkun impenn maqsum bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni llum tippreżenta proposta għal Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar Regolamentazzjoni Aħjar lill-Parlament u lill-Kunsill, bl-mira ta' ftehim qabel tmiem l-2015. L-abbozz tal-FII ġdid jipproponi: impenn komuni għall-programm REFIT; il-valutazzjoni tal-impatt matul il-proċess leġiżlattiv; monitoraġġ kontinwu tal-prestazzjoni ta’ regolamentazzjoni tal-UE u evalwazzjonijiet aktar bir-reqqa; pjanifikazzjoni annwali u pluriennali koordinata, inkluż konsultazzjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni; aktar trasparenza dwar negozjati trilaterali; u sforzi konġunti biex titnaqqas il-“gold-plating” mhux ġustifikata tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri.

Sfond

Il-linji gwida politiċi tal-President Juncker, li fuq il-bażi tagħhom il-Parlament approva din il-Kummissjoni, fihom impenn ċar għal regolamentazzjoni aħjar. Il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 fih impenn għall-preżentazzjoni ta’ proposta għal Ftehim Interistituzzjonali ġdid biex jaġġorna u jsaħħaħ il-fehim komuni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam ma’ regolamentazzjoni aħjar.

Għal iktar informazzjoni:

Linji gwida politiċi tal-President Juncker

Programm ta’ Ħidma 2015 tal-Kummissjoni

Komunikazzjoni dwar regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar — Aġenda tal-UE

Aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Better Regulation Page

IP/15/4988

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar