Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Aktar innovazzjoni tixpruna t-tkabbir fl-Ewropa

Brussell, 07 Mejju 2015

Biex l-Ewropa tkun aktar kapaċi fl-innovazzjoni u tkun kompetittiva fil-livell globali, hemm bżonn li jiżdiedu l-isforzi ħalli jitħeġġu aktar ideat oriġinali u li jitrawwem l-użu kummerċjali tagħhom. Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet li jeħtiġilna nisiltu mill-aħħar klassifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-innovazzjoni madwar l-Ewropa.

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni għall-Innovazzjoni fl-2015 li għandha l-Kummissjoni Ewropea turi li l-livell ġenerali ta' innovazzjoni fl-UE baqa' stabbli. Madankollu, il-kriżi ħalliet impatt fuq l-attività innovattiva tas-settur privat: l-għadd ta' kumpaniji innovattivi qed jonqos, bħalma qed jonqsu l-investiment tal-kapital tar-riskju, l-innovazzjonijiet tal-SMEs, l-applikazzjonijiet għall-privattivi, l-esportazzjonijiet ta' prodotti tat-teknoloġija avvanzata u l-bejgħ ta' prodotti innovattivi. Filwaqt li tjiebu r-riżorsi umani, l-investimenti tan-negozji fir-riċerka u fl-iżvilupp, u l-kwalità tax-xjenza, dawn mhumiex biżżejjed biex tissaħħaħ il-prestazzjoni tal-innovazzjoni.

Skont il-klassifika ġenerali, il-mexxejja fl-innovazzjoni hi, għal darba oħra, l-Iżvezja, u warajha hemm id-Danimarka, il-Finlandja u l-Ġermanja. L-innovaturi li qed jikbru malajr huma Malta, il-Latvja, l-Bulgarija, Irlanda, ir-Renju Unit u l-Polonja. Meta mqabbla fuq livell globali, fejn tidħol il-prestazzjoni l-UE għadha ma laħqitx lill-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel.

Il-Kummissarju Carlos Moedas, responsabbli mir-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qal: "Jeħtiġilna nżidu l-investimenti biex intejbu bil-qawwa l-prestazzjoni tal-innovazzjoni fl-UE. Dan jimxi paripassu ma' kundizzjonijiet aħjar u suq uniku għal prodotti u servizzi innovattivi fl-Ewropa. Dwar dan qed naħdmu fil-livell tal-UE u lesti ngħinu lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa li jżidu l-impatt tal-investimenti pubbliċi tagħhom."

Għar-riċerka u l-innovazzjoni hu kruċjali li jintuża l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, l-aktar biex il-finanzjament tar-riskju jitreġġa' lura għal kif kien qabel il-kriżi. Barra minn hekk, permezz tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali,il-Kummissjoni għandha l-għan li tkompli ttejjeb l-aċċess għall-finanzi għan-negozji, u b'mod partikolari għall-SMEs, . U biex jiżdiedu l-livelli tal-investiment hemm bżonn ukoll li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-programm ta' finanzjament għar-riċerka tal-UE Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali.

Permezz tal-Faċilità ta' Appoġġ għall-Politika l-ġdida, lill-Istati Membri l-Kummissjoni se tgħinhom jirriformaw is-sistemi nazzjonali tagħhom tar-riċerka u l-innovazzjoni u biex jistimulaw l-innovazzjoni fin-negozju.

Bħala parti mill-Istrateġija tas-Suq Uniku, aktar tard din is-sena se jiġu ppreżentati l-passi li jmiss biex l-ambjent tan-negozju jinfetaħ aktar għall-innovazzjoni. U barra minn hekk, se jsiru sforzi biex il-privattiva unitarja tirnexxi u biex l-istandards ikunu aktar favorevoli għall-innovazzjoni.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni qed taħdem ġmielha biex tħaffef it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija u biex toħloq ambjent tan-negozju fejn il-kumpaniji innovattivi jkunu jistgħu jirnexxu u jsibuha eħfef u affordabbli li jiksbu l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwaliprotezzjoni tal-proprjetà intellettwali għall-innovazzjonijiet tagħhom.

Biex tkun taf aktar dettalji dwar il-klassifikazzjoni tas-Sommarju tal-Indiċi tal-Innovazzjoni fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni għall-Innovazzjoni (l-IUS) u dwar is-sommarji invidiwali fejn tidħol il-prestazzjoni tal-innovazzjoni tat-28 Stat Membru u ta' pajjiżi Ewropej oħra, żur din l-iskeda informattiva.

 Il-kuntest

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni għall-Innovazzjoni li ssir kull sena tagħti valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fejn jidħlu r-riċerka u l-innovazzjoni. It-Tabella ta' Valutazzjoni hi għodda siewja iżda mhix vinkolanti li lill-Istati Membri tgħinhom jivvalutaw is-saħħiet u d-dgħufijiet tas-sistemi tagħhom tar-riċerka u l-innovazzjoni u biex jagħrfu fejn għandhom jixħtu l-isforzi tagħhom ħalli jsaħħu l-prestazzjoni tal-innovazzjoni tagħhom. Minbarra l-Istati Membri tal-UE, it-Tabella ta' Valutazzjoni tkopri wkoll lis-Serbja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Fuq għadd aktar limitat ta’ indikaturi, disponibbli internazzjonalment, din tkopri wkoll lill-Awstralja, l-Brażil, l-Kanada, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, ir-Russja, l-Afrika t’Isfel, il-Korea t'Isfel u l-Istati Uniti. Mat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni għall-Innovazzjoni fl-2015 qed tinhemeż analiżi addizzjonali li tikklassifika lill-Istati Membri skont indikaturi individwali (l-Anness H).

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni għall-Innovazzjoni tkopri s-sistema tal-innovazzjoni kollha kemm hi, jiġifieri l-kapaċitajiet innovattivi kemm tas-settur pubbliku kif ukoll tas-settur privat. B'kollox, it-Tabella ta' Valutazzjoni tkopri 25 indikatur differenti, li jinkludu l-kundizzjonijiet esterni għall-innovazzjoni, il-livell ta' attività innovattiva tal-kumpaniji stess u kif din tissarraf f'ġid għall-ekonomija kollha.

 

Aktar tagħrif dwar it-Tabelli ta' Valutazzjoni tal-Unjoni għall-Innovazzjoni

http://ec.europa.eu/growth/industry/innovation/facts-figures/scoreboards/index_en.htm

IP/15/4927

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar