Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa: Il-Kummissjoni tistabbilixxi 16-il inizjattiva biex dan iseħħ

Brussell, is-6ta' mejju 2015

L-Internet u t-teknoloġiji diġitali qegħdin jibdlu d-dinja tagħna – f'kull qasam tal-ħajja u f'kull linja ta' negozju. L-Ewropa trid tħadda

L-Internet u t-teknoloġiji diġitali qegħdin jibdlu d-dinja tagħna – f'kull qasam tal-ħajja u f'kull linja ta' negozju. L-Ewropa trid tħaddan ir-rivoluzzjoni diġitali u tiftaħ opportunitajiet diġitali għal nies u negozji. Kif? Billi tuża l-poter tas-Suq Uniku tal-UE. Illum, il-Kummissjoni Ewropeja nediet il-pjanijiet dettaljati tagħha biex toħloq Suq Uniku Diġitali, b'hekk twettaq waħda mill-prijoritajiet prinċipali tagħha.

Bħalissa, l-ostakoli onlajn ifissru li ċ-ċittadini jitilfu prodotti u servizzi: 15 % biss jixtru onlajn minn pajjiż ieħor tal-UE; Kumpaniji tal-internet u start-ups ma jistgħux jieħdu vantaġġ sħiħ minn opportunitajiet ta' tkabbir onlajn: huma biss 7 % tal-SMEs li jbiegħu b'mod transkonfinali (ara l-Iskeda informattiva għal aktar ċifri). Finalment, in-negozji u l-gvernijiet mhumiex jibbenefikaw bis-sħiħ minn għodod diġitali. L-għan tas-Suq Uniku Diġitali huwa li jitneħħew ħitan regolatorji u finalment nersqu minn 28 suq nazzjonali għal wieħed. Suq Uniku Diġitali kompletament funzjonali jista' jikkontribwixxi EUR 415 biljun fis-sena għall-ekonomija tagħna u joħloq mijiet ta' elfu ta' impjiegi ġodda.

L-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali adottata llum tinkludi sett ta' azzjonijiet immirati li jitwasslu sal-aħħar tas-sena d-dieħla (ara l-Anness). Hija mibnija fuq tliet pilastri: (1) aċċess aħjar għal konsumaturi u negozji għal prodotti u servizzi diġitali madwar l-Ewropa; (2) il-ħolqien ta' kundizzjonijiet xierqa u ekwi sabiex netwerks diġitali u servizzi innovattivi jirnexxu; (3) il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija diġitali.

Il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker qal: "Illum, inqiegħdu l-fundamenti għall-futur diġitali tal-Ewropa. Irrid nara netwerks pan-kontinentali ta' telekomunikazzjoni, servizzi diġitali li jaqsmu l-fruntieri u mewġa ta' negozji ġodda Ewropej innovattivi. Irrid nara lil kull konsumatur jikseb l-aħjar prezzijiet u kull negozju jaċċessa l-ikbar suq – ikunu fejn ikunu fl-Ewropa. Eżatt sena ilu, wegħedt li nagħmel Suq Uniku Diġitali komplet waħda mill-ogħla prijoritajiet tiegħi. Illum qed inwettqu din il-wegħda. Is-16-il pass tal-Istrateġija tagħna għal Suq Uniku Diġitali se jgħinu sabiex is-Suq Uniku jiġi adattat għal era diġitali.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, stqarr: "L-Istrateġija tagħna hija programm ambizzjuż u neċessarju ta' inizjattivi li jimmiraw lejn oqsma fejn l-UE tista' tagħmel differenza reali. Iħejju l-Ewropa biex tgawdi mill-benefiċċji ta' futur diġitali. Se jagħtu lin-nies u l-kumpaniji l-libertajiet onlajn biex japprofittaw b'mod sħiħ mis-suq intern enormi tal-Ewropa. L-inizjattivi huma interkonnessi u jsaħħu lil xulxin. Għandhom jittieħdu malajr biex jgħinu aħjar joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir. L-Istrateġija hija l-punt tat-tluq tagħna, mhux il-linja tat-tmiem.

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali stqarr: "L-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna se jsiru diġitali. Il-prosperità futura se tiddependi fil-maġġorparti fuq kemm aħna kapaċi nieħdu f'idejna f'din it-tranżizzjoni. L-Ewropa għandha punti ta' saħħa biex tibni fuqhom, iżda wkoll xogħol x'tagħmel, b'mod partikolari biex tiżgura li l-industriji tagħha jadattaw, u ċ-ċittadini tagħha jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal ta' prodotti u servizzi diġitali ġodda. Jeħtieġ li nħejju ruħna għal soċjetà moderna u se nressqu proposti li jibbilanċjaw l-interessi tal-konsumaturi u l-industrija.

L-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tistipula 16-il azzjoni ewlenija taħt 3 pilastri li l-Kummissjoni se twettaq sal-aħħar tal-2016:

Pilastru I: Aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għal prodotti u servizzi diġitali madwar l-Ewropa

Il-Kummissjoni se tipproponi:

1. regoli li jiffaċilitaw il-kummerċ elettroniku transfruntier. Dan jinkludi regoli armonizzati tal-UE dwar il-kuntratti u l-protezzjoni tal-konsumatur meta int tixtri onlajn: sew jekk oġġetti fiżiċi bħal żraben jew għamara; jew inkella kontenut diġitali bħal kotba elettroniċi jew apps. Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn firxa usa' ta' drittijiet u offerti, filwaqt li n-negozji se jbiegħu aktar faċilment lil pajjiżi oħra tal-UE. Dan se jagħti spinta lill-kunfidenza fix-xiri u l-bejgħ transfruntier (ara l-Iskeda informattiva għal fatti & ċifri).

2. li tinforza r-regoli tal-konsumatur aktar malajr u b'mod konsistenti, permezz ta' rieżami tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi.

3. konsenja ta' pakketti aktar effiċjenti u affordabbli. Bħalissa 62 % tal-kumpaniji jippruvaw ibigħu onlajn jgħidu li l-ispejjeż għolja wisq tal-konsenja tal-pakketti huma ostaklu (ara l-Ewrobarometru dwar il-kummerċ elettroniku li għadu kif ġie rilaxxat).

4. li ttemm l-ibblukkar ġeografiku mhux ġustifikat – prassi diskriminatorja użata għal raġunijiet kummerċjali, meta bejjiegħa onlajn iċaħħdu lill-konsumaturi l-aċċess għal websajt ibbażata fuq il-lokazzjoni tagħhom, jew jibgħatuhom għal ħanut lokali bi prezzijiet differenti. Tali imblukkar ifisser li, pereżempju, klijenti li jikru karozza fi Stat Membru partikolari jistgħu jispiċċaw iħallsu aktar għall-kiri tal-karozza identika fl-istess destinazzjoni.

5. li tidentifika t-tħassib potenzjali dwar il-kompetizzjoni li jaffettwa s-swieq tal-kummerċ elettroniku Ewropew. Il-Kummissjoni għaldaqstant nediet illum inkjesta dwar prattiki antikompetittivi fis-settur tal-kummerċ elettroniku fl-Unjoni Ewropea (stqarrija għall-istampa).

6. liġi tad-drittijiet tal-awtur moderna, iktar Ewropea: il-proposti leġiżlattivi se jiġu segwiti qabel tmiem l-2015 biex jitnaqqsu d-differenzi bejn ir-reġimi nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur u jippermettu aċċess onlajn usa' għal xogħlijiet madwar l-UE, inkluż permezz ta' aktar miżuri ta' armonizzazzjoni. L-għan hu li jittejjeb l-aċċess tan-nies għall-kontenut kulturali online – u b'hekk titrawwem id-diversità kulturali – filwaqt li jinfetħu opportunitajiet ġodda għal kreaturi u l-industrija tal-kontenut. B'mod partikolari, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-utenti li jixtru films, mużika jew oġġetti minn darhom jistgħu wkoll jibbenefikaw minnhom waqt li jkunu qed jivvjaġġaw madwar l-Ewropa. Il-Kummissjoni se tħares ukoll lejn ir-rwol ta' intermedjarji onlajn f'dak li għandu x'jaqsam ma' xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur. Se żżid l-inforzar kontra l-ksur tal-proprjetà intellettwali fuq skala kummerċjali.

7. reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi bil-Kejbil u bis-Satellita biex tivvaluta jekk l-qasam ta' applikazzjoni tiegħu għandux bżonn jitwessa' għat-trażmissjonijiet onlajn tax-xandara u biex tesplora kif tista' tingħata spinta l-aċċess transkonfinali għal servizzi tax-xandara fl-Ewropa.

8. li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi li jiffaċċjaw in-negozji minn reġimi differenti tal-VAT: sabiex bejjiegħa ta' prodotti fiżiċi lil pajjiżi oħra jibbenefikaw ukoll minn reġistrazzjoni unika elettronika u ta' pagament; u b'limitu komuni tal-VAT sabiex jiġu megħjuna negozji ta' daqs iżgħar li jbigħu onlajn.

Pilastru II Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet xierqa u ekwi sabiex netwerks diġitali u servizzi innovattivi jirnexxu

Il-Kummissjoni se:

9. tippreżenta riforma ambizzjuża tar-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE. Dan jinkludi koordinazzjoni aktar effettiva tal-ispettru, u kriterji komuni għall-UE kollha għall-assenjazzjoni tal-ispettru tar-radju fil-livell nazzjonali; il-ħolqien ta' inċentivi għal investiment fil-broadband b'veloċità għolja; l-assigurazzjoni ta' livell ekwu għall-partijiet kollha tas-suq, tradizzjonali u ġodda; u l-ħolqien ta' qafas istituzzjonali effettiv.

10. rieżami wkoll tal-qafas tal-midja awdjoviżiva biex dan isir xieraq għas-seklu 21, b'fokus fuq ir-rwoli tal-atturi differenti tas-suq fil-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej (xandara tat-TV, fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva fuq talba, eċċ.). Se tħares ukoll lejn kif tadatta regoli eżistenti (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva) għal mudelli ta' negozju ġodda għad-distribuzzjoni tal-kontenut.

11. tanalizza b'mod komprensiv ir-rwol ta' pjattaformi onlajn (search engines, midja soċjali, l-app stores, eċċ.) fis-suq. Dan se jkopri kwistjonijiet bħalma huma n-nuqqas tat-trasparenza tar-riżultati tat-tiftix u tal-politiki tal-ipprezzar, kif jużaw l-informazzjoni li jiksbu, relazzjonijiet bejn pjattaformi u fornituri, u l-promozzjoni ta' servizzi proprji tagħhom għad-detriment tal-kompetituri – safejn dawn mhumiex diġà koperti mil-liġi ta' kompetizzjoni Se tħares ukoll lejn kif l-aħjar tittratta l-kontenut illegali fuq l-Internet.

12. isaħħaħ il-fiduċja u s-sigurtà f'servizzi diġitali, b'mod partikolari rigward it-trattament ta' dejta personali. Filwaqt li tibni fuq ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, li għandhom jiġu adottati sa tmiem l-2015, il-Kummissjoni se tirrevedi d-Direttiva dwar il-Privatezza elettronika.

13. tipproponi sħubija mal-industrija dwar iċ-ċibersigurtà fil-qasam ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet għas-sigurtà ta' netwerks onlajn.

Pilastru III Il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tat-tkabbar tal-ekonomija diġitali

Il-Kummissjoni se:

14. tipproponi ‘ċirkolazzjoni libera Ewropea ta' inizjattiva ta' dejta' biex tippromwovi l-moviment liberu tad-dejta fl-Unjoni Ewropea. Xi kultant servizzi ġodda huma mxekkla minn restrizzjonijiet fuq fejn tinsab id-dejta jew fuq l-aċċess għal dejta – restrizzjonijiet li ħafna drabi ma jkollhomx x'jaqsmu mal-protezzjoni tad-dejta personali. Din l-inizjattiva l-ġdida se tindirizza dawk ir-restrizzjonijiet u b'hekk tinkoraġġixxi l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni se tvara wkoll inizjattiva Ewropea dwar il-cloud computing li tkopri ċ-ċertifikazzjoni tas-servizzi cloud, il-bdil ta' fornituri ta' servizzi cloud u ta' “riċerka cloud”.

15. tiddefinixxi l-prijoritajiet għal standards u interoperabbiltà f'oqsma ta' importanza kritika għas-Suq Uniku Diġitali, bħas-saħħa elettronika, l-ippjanar tat-trasport u l-enerġija (metraġġ intelliġenti).

16. tappoġġja soċjetà diġitali inklużiva fejn iċ-ċittadini jkollhom il-ħiliet xierqa biex jaħtfu l-opportunitajiet tal-Internet u jagħtu spinta lill-opportunitajiet tagħhom li jsibu impjieg. Pjan ta' azzjoni ġdid tal-gvern elettroniku se jgħaqqad ukoll ir-reġistri kummerċjali madwar l-Ewropa, jiżgura li sistemi nazzjonali differenti jistgħu jaħdmu flimkien, u jiżgura li n-negozji u ċ-ċittadini jkollhom jikkomunikaw d-dejta tagħhom darba biss lil amministrazzjonijiet pubbliċi, li tfisser li gvernijiet ma jkunux jistgħu jagħmlu aktar minn talba waħda għall-istess informazzjoni meta dawn jistgħu jużaw l-informazzjoni li għandhom diġà. Din l-inizjattiva “darba biss” se tnaqqas il-burokrazija u potenzjalment tiffranka madwar EUR 5 biljun kull sena sal-2017. L-introduzzjoni tal-akkwist elettroniku u l-interoperabbiltà tal-firem elettroniċi ser tiġi aċċellerata.

Il-passi li jmiss

It-tim tal-proġett Suq Uniku Diġitali se jwettaq dawn l-azzjonijiet differenti sal-aħħar tal-2016. Bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, is-Suq Uniku Diġitali għandu jitlesta malajr kemm jista' jkun.

Is-Suq Uniku Diġitali ser ikun fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fil-25-26 ta' Ġunju.

Għal aktar informazzjoni

Dokumenti adottati llum:

Kommunikazzjoni – Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal – Strateġija għal Suq Uniku Diġitali – Analiżi u Evidenza

Skedi informattivi:

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali (MEMO)

Għaliex għandna bżonn Suq Diġitali Uniku

Skedi Informattivi dwar 28 Pajjiż Nazzjonali

Ħolqiet utli oħra:

Paġna elettronika dwar is-Suq Uniku Diġitali (#DigitalSingleMarket)

Strateġija għal Suq Uniku Diġitali: Il-Kummissjoni Ewropea taqbel dwar l-oqsma li jeħtieġu azzjoni (25 ta' Marzu 2015)

Kemm huwa diġitali pajjiżek? Ċifri ġodda jiżvelaw il-progress meħtieġ lejn Ewropa diġitali (24 ta' Frar 2015)

Paġna elettronika tal-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip (@Ansip_EU)

Paġna elettronika tal-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali Günther H. Oettinger (@GOettingerEU)

Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker

Tħejjija ta' Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015

 

L-Anness I: Pjan direzzjonali ta' inizjattivi

Anness II: It-tliet pilastri tas-Suq Uniku Diġitali

IP/15/4919

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar