Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

It-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2015: Fatturi favorevoli jsostnu l-irkupru

Brussell, 05 Mejju 2015

It-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea qed igawdi minn xi fatturi favorevoli ekonomiċi din is-sena. Skont it-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2015 tal-Kummissjoni Ewropea, dawn il-fatturi qosra qed jagħtu spinta lit-titjib ċikliku altrimenti ħafif fl-UE.

 L-ekonomiji tal-Ewropa qed igawdu minn ħafna fatturi ta' sostenn f'salt. Il-prezzijiet taż-żejt għadhom relattivament baxxi, it-tkabbir globali huwa sod, l-euro kompla bid-deprezzament u l-politiki ekonomiċi fl-UEhuma ta' sostenn.

 Min-naħa monetarja, it-tnaqqis kwantitattiv mill-Bank Ċentrali Ewropew qed iħalli impatt pożittiv fuq is-swieq finanzjarji u b'hekk qed jikkontribwixxi għal rati tal-imgħax aktar baxxi u aspettattivi ta' titjib fil-kundizzjonijiet tal-kreditu. Minħabba li l-pożizzjoni fiskali kumplessiva fl-UE hija ġeneralment newtrali - la tiżdied u lanqas tonqos - il-politika fiskali qed tgħin it-tkabbir. Matul iż-żmien it-twettiq tar-riformi strutturali u l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa għandhom jibdew iħallu l-frott ukoll.

 Bħala riżultat, il-PDG reali fl-2015 issa huwa mistenni jikber b'1.8 % fl-UE u b'1.5 % fiż-żona tal-euro, 0.1 u 0.2 punti perċentwali respettivament ogħla milli kien projjettat tliet xhur ilu. Għall-2016, il-Kummissjoni qed tbassar tkabbir ta' 2.1 % fl-UE u ta' 1.9 % fiż-żona tal-euro.

 Id-domanda domestika hija l-kontributur ewlieni għat-tkabbir tal-PDG, fejn din is-sena hija mistennija żieda fil-konsum privat u s-sena d-dieħla huwa mistenni rkupru.

 Lil hinn mit-terminu qasir, il-perkors tal-ekonomija tal-Ewropa se jiddependi minn politiki u riformi li jagħtu spinta lir-rata tat-tkabbir potenzjali tagħha u li joħolqu kundizzjonijiet pożittivi għall-investiment.

 Valdis Dombrovskis, il-Viċi-President għall-Euro u Djalogu Soċjali, qal: ‘L-irkupru tal-ekonomiji tal-Ewropa qed jissaħħaħ.Filwaqt li dan huwa inkoraġġanti, irridu niżguraw ruħna li t-tkabbir ekonomiku jkun fit-tul - sostennibbli. Dan jista' jiġri billi nimplimentaw l-approċċ tat-tliet prijoritajiet approvat fil-livell ta' UE - ir-riformi strutturali, inżidu l-investiment u nħeġġu r-responsabilità fiskali filwaqt li nindirizzaw l-isfidi speċifiċi ta' kull pajjiż.Ir-rakkomandazzjonijiet politiċi għall-pajjiżi speċifiċi li għandhom ikunu ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea f'nofs Mejju se jkunu pass importanti ieħor biex dan l-approċċ jiġi tradott f'politiki konkreti li jgħinu t-tkabbir."

 

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Tassazzjoni u Dwana, qal: ""L-ekonomija Ewropea għaddejja mill-aħjar perjodu f'ħafna snin, bit-titjieb sostnut kemm minn fatturi esterni kif ukoll minn miżuri politiċi li qed jibdew jagħtu l-frott. Iżda jeħtieġ isir aktar xogħol biex naċċertaw li dan l-irkupru ma jkunx sempliċiment fenominu staġonali. Il-prestazzjoni tal-investiment u r-riformi u li nżommu ma' politiki fiskali responsabbli huma ta' importanza ewlenija biex niksbu l-impjiegi u t-tkabbir dejjiemi li għandha bżonn l-Ewropa."

It-tkabbir ekonomiku mhux l-istess fil-pajjiżi kollha

Il-pajjiżi tal-UE kollha huma mistennija jiggwadanjaw minn dawn il-fatturi pożittivi. Madankollu, kemm se tiggwadanja kull ekonomija se jiddependi fuq il-kapaċità tagħha li tirreaġixxi għall-prezzijiet taż-żejt irħas u d-deprezzament tal-euro b'mod partikolari. It-tnaqqis kwantitattiv tal-BĊE x'aktarx li jkollu impatt akbar f'dawk il-pajjiżi li kellhom kundizzjonijiet ta' finanzjament issikkati. F'xi Stati Membri, madankollu, il-bafers kapitali relattivament baxxi u l-livelli għoljin ta' self mhux produttiv jistgħu jnaqqsu l-impatt pożittiv tat-tnaqqis kwantitattiv fuq l-għoti ta' self mill-banek.

L-inflazzjoni mistennija tirkupra aktar tard din is-sena

L-inflazzjoni mistennija tibqa' qrib iz-zero fl-ewwel nofs tal-2015, l-aktar minħabba l-effetti tal-waqgħa fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-prezzijiet għall-konsumatur għandom madankollu jibdew jiżdiedu fit-tieni nofs tas-sena u jiżdiedu iżjed fl-2016 meta tissaħħaħ id-domanda domestika, jonqos id-distakk fil-potenzjal tal-produzzjoni, l-effetti tal-prezzijiet oħros tal-komoditajiet jintemmu u d-deprezzament tal-euro jwassal għal prezzijiet tal-importazzjoni ogħla. L-inflazzjoni annwali kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro hija mistennija tiżdied minn 0.1 % din is-sena għal 1.5 % fl-2016.

Is-swieq tal-xogħol qed jitjiebu bil-mod il-mod

It-tkabbir tal-impjiegi qed igawdi mit-tisħiħ tal-attività ekonomika. Il-qgħad, għalkemm qed jonqos, għadu għoli. Il-qgħad fl-UE u fiż-żona tal-euro din is-sena mistenni jonqos għal 9.6 % u 11.0 % rispettivament, hekk kif it-titjib fis-suq tax-xogħol jinfirex mas-setturi kollha. Bi tkabbir ekonomiku li mistenni jissaħħaħ aktar fl-2016, din ix-xejra għandha tkompli, speċjalment fil-pajjiżi li riċentament implimentaw riformi fis-suq tax-xogħol. Il-qgħad fl-2016 jidher li se jkun ta' 9.2 % fl-UE u ta' 10.5 % fiż-żona tal-euro.

Id-defiċits tal-baġit baqgħu jonqsu

Il-perspettiva fiskali fl-UE u ż-żona tal-euro qed tkompli titjieb, bis-saħħa tal-isforzi ta' aġġustament f'dawn l-aħħar snin, attività ekonomika aktar b'saħħitha u pagamenti tal-imgħax aktar baxxi fuq id-dejn pubbliku pendenti. Anki b'pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali, il-proporzjon tad-defiċit mal-PDG tal-UE mistenni jonqos minn 2.9% fl-2014 għal 2.5 % din is-sena u 2.0 % is-sena d-dieħla. Fiż-żona tal-euro huwa mbassar li jonqos minn 2.4% fl-2014 għal 2.0 % fl-2015 u 1.7 % fl-2016. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku mal-PDG f'dawn iż-żewġ oqsma hu maħsub li laħaq il-massimu tiegħu fl-2014 u li din is-sena u s-sena d-dieħla se jonqos biex jilħaq 88.0 % fl-UE u 94.0 % fiż-żona tal-euro fl-2016.

Ir-Riskji tal-perspettiva huma ġeneralment bilanċjati

Il-livell ta' inċertezza li jdawwar il-perspettiva ekonomika għadu għoli, iżda r-riskji kumplessivi tal-perspettiva jidhru li huma ġeneralment bilanċjati.

It-tkabbir fil-PDG jista' jirriżulta li jkun aktar qawwi milli mistenni jekk il-fatturi favorevoli jdumu aktar jew ikunu aktar b'saħħithom milli antiċipat. It-tkabbir tal-PDG, madankollu jista' jiddisappunta jekk jinqalgħu tensjonijiet ġeopolitiċi, jew jekk ikun hemm xi stress fis-swieq finanzjarji, pereżempju b'riżultat tan-normalizzazzjoni tal-politika monetarja tal-Istati Uniti. Ir-riskji għall-perspettiva tal-inflazzjoni naqsu b'reazzjoni għat-tnaqqis kwantitattiv mill-BĊE u wkoll minħabba r-reviżjonijiet 'il fuq tal-perspettiva tat-tkabbir.

 L-isfond

Dan it-tbassir huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet esterni dwar ir-rati tal-kambju, ir-rati tal-imgħax u l-prezzijiet tal-komoditajiet. In-numri użati jirriffletu l-aspettattivi tas-suq mis-swieq tad-derivattivi meta sar it-tbassir.

Dan it-tbassir iqis id-dejta rilevanti kollha sal-21 ta' April 2015. Iddaħħlu biss dawk il-politiki li huma kredibbli, li tħabbru u li huma speċifikati fid-dettall u l-projjezzjonijiet jassuma li ma jkun hemm l-ebda bidla fil-politika.

Il-Kummissjoni terġa' taġġorna t-tbassir ekonomiku tagħha f'Novemebru.

 Għal aktar informazzjoni:

 Tbassirtat-Tkabbir Ekonomiku – ir-Rebbiegħa 2015

Tbassir ekonomiku tar-Rebbiegħa - websajt

Segwi id-DĠ ECFIN fuq Twitter: @ecfin

Segwi lill-Viċe-President Dombrovskis fuq Twitter: @VDombrovskis

Segwi lill-Kummissarju Moscovici fuq Twitter: @Pierremoscovici

 

 

IP/15/4903

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar