Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Mal-ftuħ tad-disa' ċiklu tan-negozjati tat-TTIP, rapport tal-Kummissjoni jindika li l-SMEs jinsabu f’pożizzjoni li jagħmlu qligħ sinifikanti

Brussell, 20 April 2015

Skont rapport li ħareġ illum fi Brussell, is-Sħubija Transatlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) għandha potenzjal sinifikanti għall-intrapriżi żgħar u medji. Huwa jippreżenta r-riżultati ta’ stħarriġ li sar fl-2014 tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), dwar l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom meta dawn jesportaw lejn l-Istati Uniti. Dan ir-rapport jibbaża ruħu wkoll fuq dejta ġdida disponibbli sabiex jeżamina l-iskala tal-esportazzjonijiet mill-SMEs tal-UE lejn l-Istati Uniti.

Cecilia Malmström, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni qalet: "L-intrapriżi żgħar u medji huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea. Dawn il-kumpaniji se jgħaddu l-benefiċċji li jkunu ħadu mit-TTIP lura lill-komunitajiet lokali tagħhom. Huwa għalhekk li l-UE u l-Istati Uniti qed jaħdmu bis-sħiħ biex jilħqu ftehim ambizzjuż li jwieġeb għat-tħassib tagħhom. Dan ir-rapport jgħinna nagħmlu dan, billi jidentifika l-ostakli konkreti u l-problemi li rridu nsolvu. Din hija waħda mill-kwistjonijiet li jridu jiġu diskussi min-negozjaturi tagħna meta jiltaqgħu din il-ġimgħa."

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs żiedet tgħid li: "L-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw l-aktar meta nnaqqsu l-ostakli non-tariffarji u meta neliminaw il-burokrazija żejda. Fis-Suq Uniku tal-UE qed naħdmu proprju fuq dan l-objettiv, u hawnhekk nistgħu naraw għaliex huwa daqshekk importanti li nagħmlu l-istess ħaġa fin-negozjati tat-TTIP."

Mir-rapport jirriżulta li l-kummerċ transatlantiku diġà ġab miegħu vantaġġi kbar għall-SMEs. Fl-2012, kien hemm 150 000 SME li esportaw lejn l-Istati Uniti; ċifra li tammonta għal 28 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-UE hemmhekk. Fis-setturi marbuta mal-ikel, ix-xorb u l-agrikoltura; mal-ilbies, it-tessuti u l-ġlud; kif ukoll mas-sustanzi kimiċi, l-SMEs kellhom kwota ogħla mill-medja tal-esportazzjonijiet tal-UE.

Madankollu, l-istħarriġ juri wkoll li l-esportazzjonijiet tal-SMEs tal-UE lejn is-suq tal-Istati Uniti mhumiex nieqsa mid-diffikultajiet, u li ħafna minnhom jistgħu jittaffew permezz ta’ ftehim tat-TTIP ambizzjuż u komprensiv u li jżomm l-istandards għoljin tagħna ta’ protezzjoni regolatorja. Il-kwistjonijiet li tqajmu jinkludu:

  • il-konformità mar-regoli u mar-regolamenti tekniċi għall-prodotti kollha, li hija l-kwistjoni li l-aktar tiġi kkwotata ta’ spiss;
  • l-aċċess għall-informazzjoni dwar liema regolament japplika għall-prodott tagħhom. Kważi terz ta’ dawk li wieġbu ma kinux kapaċi jidentifikaw is-sors effettiv (jiġifieri l-Gvern Federali tal-Istati Uniti jew l-Istati federali differenti) tal-kwistjoni regolatorja li qed iħabbtu wiċċhom magħha;
  • li wieħed ikun legalment eskluż mis-suq, bħalma jiġri f'ħafna mis-setturi tal-akkwist pubbliku;
  • il-konformità mar-regoli doganali, li jafu jkunu jiswew ħafna flus u li de facto jirrappreżentaw ostakli għall-kummerċ;
  • id-differenzi fir-regolamentazzjonijiet bejn l-Istati federali;

Apparti dawn il-kwistjonijiet trasversali, l-SMEs li wieġbu għall-istħarriġ qajmu kwistjonijiet speċifiċi għas-settur. Dan kien partikolarment il-każ għall-prodotti tal-ikel, għax-xorb u għall-prodotti agrikoli, għall-farmaċewtiċi, għat-tessuti, għall-makkinarju u għat-tagħmir elettriku. F'dak li jirrigwarda s-servizzi, l-aktar kwistjonijiet li ssemmew kienu d-diffikultajiet marbuta mal-moviment tal-persuni biex jipprovdu s-servizzi.

Ir-rapport sar bħala parti mill-valutazzjoni ta’ impatt tal-Kummissjoni li għaddejja bħalissa dwar is-sostenibbiltà tan-negozjati tat-TTIP. Dan huwa proġett konġunt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u tad-Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea.

Ħafna mill-isfidi li jiffaċċjaw l-SMEs meta jkunu qed jesportaw lejn is-suq tal-Istati Uniti jistgħu jittaffew permezz ta’ ftehim TTIP. Il-parti tat-TTIP marbuta mar-regolamentazzjoni hija preċiżament wieħed mill-punti fuq l-aġenda tad-disa' ċiklu tan-negozjati dwar it-TTIP, li se jibda llum fi New York. In-negozjaturi tal-UE u tal-Istati Uniti se jikkonsolidaw ix-xogħol li għamlu fit-tliet pilastri tan-negozjati (l-aċċess għas-suq, il-kooperazzjoni regolatorja u r-regoli). Fl-istess ħin, nhar l-Erbgħa se jiġu organizzati avvenimenti għall-partijiet ikkonċernati u nhar il-Ġimgħa n-negozjaturi ewlenin se jindirizzaw konferenza stampa.

Tista' tikkonsulta r-rapport sħiħ hawnhekk: http://trade.ec.europa.eu/consultations/index.cfm?consul_id=181

IP/15/4802

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar