Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Antitrust: Il-Kummissjoni tibgħat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet lil Google dwar is-servizz ta' tqabbil tax-xiri; tiftaħ investigazzjoni formali separata dwar Android

Brussell, 15 April 2015

Il-Kummissjoni Ewropea bagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet lil Google fejn allegat li l-kumpanija abbużat il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq għal servizzi ta’ tfittxija ġenerali fuq l-internet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE) billi b’mod sistematiku tiffavorixxi l-prodott ta' tqabbil tax-xiri tagħha stess fir-riżultati ta’ tiftix ġenerali tagħha. L-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni hija li aġir bħal dan jikser ir-regoli tal-antitrust tal-UE minħabba li jxekkel il-kompetizzjoni u huwa ta’ ħsara għall-konsumaturi. Il-ħruġ ta' Stqarrija ta’ Oġġezzjonijiet ma jippreġudikax l-eżitu tal-investigazzjoni.

Il-Kummissjoni fetħet ukoll formalment investigazzjoni tal-antitrust separata fl-aġir ta' Google fir-rigward tas-sistema operattiva tal-mowbajl Android. L-investigazzjoni se tiffoka fuq jekk Google għamlitx ftehimiet antikompetittivi jew abbużatx possibbilment pożizzjoni dominanti fil-qasam ta’ sistemi operattivi, applikazzjonijiet u servizzi għal apparat intelliġenti tal-mowbajl.

Il-Kummissarju tal-UE inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni Margrethe Vestager qalet: "L-għan tal-Kummissjoni huwa li tapplika r-regoli tal-antitrust tal-UE u tiżgura li l-kumpaniji li joperaw fl-Ewropa, indipendentement minn fejn huma bbażati, ma jiċħdux artifiċjalment lill-konsumaturi fl-Ewropea l-akbar firxa possibbli ta' għażla jew ifixklu l-innovazzjoni."

“Fil-każ ta’ Google ninsab imħassba li l-kumpanija tat vantaġġ inġust lis-servizz ta' tqabbil tax-xiri tagħha, bi ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Google issa għandha l-opportunità li tikkonvinċi lill-Kummissjoni b'mod li juri l-kuntrarju. Madankollu, jekk l-investigazzjoni kkonfermat it-tħassib tagħna, Google se jkollha taffaċċja l-konsegwenzi legali u tibdel il-mod li bih tagħmel in-negozju fl-Ewropa.”

“Jiena għandi wkoll kemm nedejt investigazzjoni formali ta’ antitrust fil-kondotta ta' Google fir-rigward ta' sistemi operattivi, applikazzjonijiet u servizzi tal-mowbajl. Smartphones, tablets u apparat simili qed ikollhom rwol dejjem akbar fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies u irrid niżgura li s-swieq f’dan il-qasam jistgħu jirnexxu mingħajr restrizzjonijiet antikompetittivi imposti minn xi kumpanija partikolari.”

Tqabbil tax-xiri

It-tqabbil tal-prodotti tax-xiri jippermetti lill-konsumaturi biex ifittxu prodotti fuq websajts tax-xiri onlajn u jqabblu l-prezzijiet bejn bejjiegħa differenti. Il-konklużjoni preliminari tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni li nfetħet f’Novembru 2010 hija li Google tagħti trattament favorevoli sistematiku lis-servizz ta' tqabbil tal-prodotti tagħha (attwalment imsejjaħ “Google Shopping”) fil-paġni ta’ riżultati ta’ tiftix ġenerali tagħha, pereżempju billi juru Google Shopping b’mod aktar prominenti fuq l-iskrin. Hija tista’ għalhekk artifiċjalment tiddevja t-traffiku minn rivali tas-servizzi ta' tqabbil u xxekkel l-abbiltà tagħhom li jikkompetu fis-suq. Il-Kummissjoni hija mħassba li l-utenti ma jarawx neċessarjament l-aktar riżultati rilevanti bi tweġiba għal mistoqsijiet — dan huwa ta’ ħsara għall-konsumaturi u joħnoq l-innovazzjoni. L-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni hija li biex tirrimedja aġir bħal dan, Google għandha tittratta s-servizz tat-tqabbil tax-xiri tagħha stess u dawk tar-rivali kummerċjali tagħha bl-istess mod. Google issa għandha l-opportunità li tirrispondi għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fi żmien 10 ġimgħat u mbagħad għandha tfittex seduta formali. Il-Kummissjoni tqis li b'mod ġenerali, il-proposti ta' impenn preċedenti minn Google ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw it-tħassib tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni.

Aktar dettalji tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fuq it-tqabbil tax-xiri jinstab hawnhekk.

Android

Mill-2005, Google mexxiet l-iżvilupp ta’ sistema operattiva tal-mowbajl Android. Android hija sistema b’sors miftuħ, li jfisser li tista' tintuża b’mod liberu u tiġi żviluppata minn kulħadd. Il-maġġoranza ta’ smartphones u tablets manifatturati jużaw is-sistema Android flimkien ma’ firxa ta’ applikazzjonijiet u servizzi li huma proprjetà ta’ Google. Dawn il-manifatturi jidħlu fi ftehimiet ma’ Google biex jiksbu d-dritt li jinstallaw l-applikazzjonijiet ta' Google fuq it-tagħmir tal-Android tagħhom. L-investigazzjoni dettaljata tal-Kummissjoni se tiffoka fuq jekk Google kisritx ir-regoli tal-UE tal-antitrust billi xekklet l-iżvilupp u l-aċċess għas-suq ta’ sistemi, applikazzjonijiet u servizzi operattivi tal-mowbajls ta' kumpaniji rivali, għad-detriment tal-konsumaturi u l-iżviluppaturi ta’ servizzi u prodotti innovattivi.

Aktar dettalji tal-investigazzjoni formali tal-Kummissjoni ta’ Google f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistema operattiva tal-mowbajls jinstabu hawnhekk.

Tagħrif eżistenti

Il-Kummissjoni qed tkompli għaddejja bl-investigazzjoni formali tagħha skont ir-regoli tal-UE tal-antitrust ta’ aspetti oħra ta’ mġiba ta’ Google fiż-ŻEE, inkluż it-trattament favorevoli minn Google fir-riżultati ta' tiftix ġenerali ta’ servizzi ta’ tiftix speċjalizzati oħrajn, u t-tħassib fir-rigward ta' kkuppjar ta’ kontenut tal-web tar-rivali (magħruf bħala “scraping”), ir-reklamar ta’ esklużività u restrizzjonijiet żejda

IP/15/4780

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar