Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Strateġija tas-Suq Uniku Diġitali: il-Kummissjoni Ewropea taqbel dwar l-oqsma li jeħtieġu azzjoni

Brussell, 25 Marzu 2015

It-teknoloġija diġitali hija parti mill-ħajja ta' kuljum. Nużawha biex nistudjaw u naraw il-films, biex nixtru u nbiegħu l-oġġetti, biex nikkomunikaw ma' sħabna jew mat-tabib - l-internet huwa minjiera tad-deheb ta' opportunitajiet diġitali. Iżda kuljum fl-UE in-nies u l-kumpaniji isibu l-ostakli - mill-imblukkar ġeografiku jew l-ineffiċjenzi fil-kunsinna transfruntiera tal-pakketti sa servizzi elettroniċi mhux konnessi. Is-servizzi diġitali spiss jibqgħu limitati sal-fruntieri nazzjonali. Il-Kummissjoni Juncker għamlitha prijorità li tneħħi l-ostakli u li toħloq Suq Uniku Diġitali: billi l-libertajiet tas-suq uniku tal-UE "isiru diġitali", u billi tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi fil-kontinent tagħna. Il-Kulleġġ tal-Kummissarji llum kellu l-ewwel diskussjoni dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali mistennija f'Mejju - u ffissa l-oqsma ewlenin li se tiffoka fuqhom il-Kummissjoni biex tagħti bidu għal bidliet veri li se jseħħu kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, stqarr: "Jeħtieġ li nneħħu dawn l-ostakli kollha li qed itellfuna fuq l-internet. In-nies iridu jkunu jistgħu jaqsmu l-fruntieri fuq l-internet b'mod liberu, kif fil-fatt jistgħu jagħmlu fil-ħajja ta' kuljum meta ma jkunux fuq l-internet. Irridu ngħinu lin-negozji innovattivi fl-UE kollha biex ma jibqgħux maqfulin fis-suq lokali tagħhom. Din se tkun ġlieda iebsa mill-bidu sal-aħħar, iżda jeħtieġ li jkollna bidu ambizzjuż. L-Ewropa għandha tibbenefika bis-sħiħ mill-era diġitali: servizzi aħjar, iktar parteċipazzjoni u impjiegi ġodda".

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali stqarr: "L-Ewropa ma tistax tkun minn ta' quddiem fir-revoluzzjoni diġitali b'taħlita ta' 28 regola differenti għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, id-drittijiet tal-awtur, is-sikurezza tal-IT u l-protezzjoni tad-dejta. Għandna bżonn suq Ewropew li jippermetti lill-mudelli ġodda tan-negozju jiffjorixxu u lin-negozji żgħażagħ jikbru, u li permezz tiegħu l-industrija tkun tista' tikseb vantaġġ mill-internet tal-oġġetti. Barra minn hekk, in-nies iridu jinvestu wkoll - fil-ħiliet tal-IT tagħhom, kemm fuq xogħlhom kif ukoll matul il-ħin liberu tagħhom".

Id-dibattitu ta' orjentazzjoni tal-lum stabbilixxa tliet oqsma prinċipali li se tiffoka fuqhom l-azzjoni tal-Kummissjoni matul dan il-mandat:

1. Aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għal oġġetti u servizzi diġitali

  • L-iffaċilitar tal-kummerċ elettroniku transfruntier, speċjalment għall-SMEs, b'regoli armonizzati tal-konsumaturi u tal-kuntratti u b'kunsinna tal-pakketti iktar effiċjenti u għall-but ta' kulħadd. Illum il-ġurnata huma 15% biss tal-konsumaturi li jixtru minn fuq l-internet minn pajjiż ieħor tal-UE. Din iċ-ċifra mhix daqshekk sorprendenti meta wieħed iqis li ġieli l-miżata tal-kunsinna tispiċċa tkun ogħla mill-prezz proprju tal-prodott (ara l-Iskeda Informattiva għal iktar ċifri).
  • Trattar tal-imblukkar ġeografiku: wisq Ewropej ma jistgħux jużaw servizzi fuq l-internet li huma disponibbli f'pajjiżi oħrajn tal-UE, spiss mingħajr ebda ġustifikazzjoni; jew jingħaddu mill-ġdid għal negozju lokali li jkollu prezzijiet differenti. Diskriminazzjoni ta' dan it-tip ma għandhiex teżisti fis-Suq Uniku.
  • L-immodernizzar tal-liġi tad-drittijiet tal-awtur sabiex ikun żgurat bilanċ tajjeb bejn l-interessi tal-awturi u dawk tal-utenti jew il-konsumaturi. B'hekk l-aċċess tan-nies għall-kultura jittejjeb u d-diversità kulturali tingħata appoġġ, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-artisti u għall-awturi u jiġi żgurat infurzar aħjar tad-drittijiet.
  • L-arranġamenti simplifikati tal-VAT huma importanti biex tingħata spinta lill-attivitajiet transfruntiera tan-negozji, speċjalment tal-SMEs. L-ispiża u l-kumplessità biex wieħed jittratta regoli tat-taxxa barranin huma problema kbira għall-SMEs. Huwa stmat li l-ispejjeż marbuta mal-VAT minħabba rekwiżiti differenti huma ta' EUR 80 biljun.

 

Kontributuri prinċipali:

Andrus Ansip, Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali

Günther Oettinger, Ekonomija u Soċjetà Diġitali

Elżbieta Bieńkowska, Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

Věra Jourová, Ġustizzja, Konsumaturi u Ugwaljanza bejn il-Ġeneri

Tibor Navracsics, Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Ċittadinanza

Carlos Moedas, Riċerka, Xjenza u Innovazzjoni

Pierre Moscovici, Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Tassazzjoni u Dwana

Margrethe Vestager, Kompetizzjoni


2. Tfassil tal-ambjent biex in-netwerks u s-servizzi diġitali jiffjorixxu

  • Is-servizzi, l-applikazzjonijiet u l-kontenut diġitali kollha kemm huma jiddependu minn internet ta' veloċità qawwija u netwerks sikuri: il-fatturi indispensabbli għal servizzi diġitali ġodda u innovattivi. Għalhekk il-Kummissjoni, biex tħeġġeġ l-investiment fl-infrastruttura, se tirrevedi r-regoli preżenti tat-telekomunikazzjonijiet u l-midja biex tadattahom għal sfidi ġodda b'mod partikolari b'rabta mal-użi tal-konsumaturi (pereżempju ż-żieda fl-għadd ta' telefonati minn fuq l-internet) u l-atturi ġodda fil-qasam.
  • L-ispettru huwa l-arja li minnha jiddependi l-internet. Huwa importanti li l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri tittejjeb. L-Ewropa qed tesperjenza dewmien sinifikanti fit-tnedija tat-teknoloġija 4G l-iktar riċenti, għaliex ma kienx disponibbli spettru adattat. L-ispettru ma jieqafx mal-fruntieri nazzjonali: huwa meħtieġ approċċ Ewropew għall-ġestjoni tiegħu biex issir promozzjoni ta' suq uniku ġenwin b'servizzi panEwropej.
  • Il-Kummissjoni se tanalizza l-importanza dejjem tikber tal-pjattaformi fuq l-internet (bħall-magni tat-tiftix, il-midja soċjali, il-ħwienet tal-apps, eċċ.) għal ekonomija b'saħħitha megħjuna mill-internet. Dan jinkludi li tingħata ħarsa lejn kif tista' tissaħħaħ il-fiduċja fis-servizzi tal-internet permezz ta' iktar trasparenza, kif dawn is-servizzi jistgħu jiġu inklużi fil-katina tal-valur fuq l-internet, u kif se tiġi ffaċilitata t-tneħħija malajr tal-kontenut illegali.
  • Illum il-ġurnata, 72% tal-utenti tal-internet fl-Ewropa huma mħassbin dwar l-użu tas-servizzi fuq l-internet għaliex jinkwetaw li jridu jiżvelaw wisq dejta personali fuq l-internet. Biex tissaħħaħ il-fiduċja, hija essenzjali l-adozzjoni malajr tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta.

 

Kontributuri prinċipali:

Andrus Ansip, Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali

Günther Oettinger, Ekonomija u Soċjetà Diġitali

Margrethe Vestager, Kompetizzjoni

Elżbieta Bieńkowska, Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

Věra Jourová, Ġustizzja, Konsumaturi u Ugwaljanza bejn il-Ġeneri

Pierre Moscovici, Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Tassazzjoni u Dwana

Phil Hogan, Agrikoltura u Żvilupp Rurali

Corina Crețu, Politika Reġjonali


3. Ħolqien ta' Ekonomija u Soċjetà Diġitali Ewropej b'potenzjal tat-tkabbir fit-tul

  • L-industrija hija pilastru prinċipali tal-ekonomija Ewropea - is-settur tal-manifattura tal-UE jinkludi 2 miljun kumpanija u 33 miljun impieg. Il-Kummissjoni tixtieq tgħin lis-setturi industrijali kollha jintegraw it-teknoloġiji ġodda u tamministra t-tranżizzjoni lejn sistema industrijali intelliġenti ("Industrija 4.0").
  • Standards: għall-kompetittività tal-Ewropa huwa importanti l-iżgurar tal-interoperabbiltà permezz ta' teknoloġiji ġodda li jridu jiġu żviluppati iktar malajr.
  • Il-Kummissjoni trid ukoll li l-industrija u s-soċjetà jagħmlu l-aħjar użu mill-ekonomija tad-dejta. Kull sekonda jiġu ġġenerati ammonti kbar ta' dejta, kemm min-nies kif ukoll minn magni, bħal sensuri li jiġbru l-informazzjoni dwar il-klima, l-immaġni bis-satellita, l-istampi u l-vidjows diġitali, ir-rekords tat-tranżazzjonijiet tax-xiri, jew is-sinjali tal-GPS. Big data, jew dan l-ammont enormi ta' dejta, huwa minjiera tad-deheb, iżda jqanqal sfidi importanti dwar is-sjieda, il-protezzjoni tad-dejta u l-istandards.Jeħtieġ li dawn jiġu indirizzati sabiex ikun jista' jiġi użat il-potenzjal ta' din id-dejta kollha.
  • L-istess japplika għall-cloud computing, li l-użu tiegħu qed jikber b'rata mgħaġġla: il-proporzjon tad-dejta diġitali maħżuna fil-cloud huwa imbassar li se jiżdied minn 20% fl-2013 għal 40% fl-2020. Filwaqt li netwerks u riżorsi kondiviżi jistgħu jagħtu spinta lill-ekonomija tagħna, dawn jeħtieġu wkoll il-qafas it-tajjeb biex jiffjorixxu u biex ikunu jistgħu jintużaw minn iktar nies, kumpaniji, organizzazzjonijiet u servizzi pubbliċi fl-Ewropa kollha.
  • Iċ-ċittadini Ewropej għandu jkollhom l-possibbiltà wkoll li jibbenefikaw bis-sħiħ minn servizzi elettroniċi interoperabbli, li jvarjaw mill-gvern elettroniku għas-saħħa elettronika, u għandhom jiżviluppaw il-ħiliet diġitali tagħhom biex jisfruttaw l-opportunitajiet tal-internet u jtejbu l-prospetti tagħhom li jsibu impjieg.

 

Kontributuri prinċipali:

Andrus Ansip, Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali

Günther Oettinger, Ekonomija u Soċjetà Diġitali

Elżbieta Bieńkowska, Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

Věra Jourová, Ġustizzja, Konsumaturi u Ugwaljanza bejn il-Ġeneri

Vytenis Andriukaitis, Saħħa u Sikurezza tal-Ikel

Marianne Thyssen, Impjiegi, Affarijiet Soċjali, Ħiliet u Mobilità tal-Ħaddiema

Violeta Bulc, Trasport

Carlos Moedas, Riċerka, Xjenza u Innovazzjoni


Il-Passi li Jmiss

Id-diskussjonijiet tal-lum jistipulaw l-oqsma ta' prijorità għal azzjoni biex ix-xogħol jiġi ffukkat fuq it-tħejjija tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali li se tiġi mnedija f'Mejju.

Sfond

Diversi Kummissarji qed jipparteċipaw fit-tim tal-proġett tas-Suq Uniku Diġitali u huma involuti f'din il-ħidma b'mod attiv. Il-Kummissjoni hija wkoll impenjata b'mod attiv ma' firxa wiesgħa ta' partijiet konċernati fit-tħejjija tal-Istrateġija (ara r-rapportingħaqad mad-dibattitu dwar "Digital4EU").

Anness I: Skeda informattiva - Għaliex għandna bżonn Suq Uniku Diġitali

Anness II: It-tim tal-proġett tas-Suq Uniku Diġitali - Infografika


Għal aktar informazzjoni

Kemm huwa diġitali pajjiżek? Ċifri ġodda jiżvelaw il-progress meħtieġ lejn Ewropa diġitali

Paġna tal-internet tal-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip (@Ansip_EU)

Paġna tal-internet tal-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali Günther H. Oettinger (@GOettingerEU)

Sit tal-internet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa

Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015


Anness II: It-tim tal-proġett tas-Suq Uniku Diġitali


IP/15/4653

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar