Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa korporattiva: Il-Kummissjoni tippreżenta l-Pakkett dwar it-Trasparenza tat-Taxxa

Brussell, 18 Marzu 2015

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ta’ miżuri dwar it-trasparenza tat-taxxa bħala parti mill-aġenda ambizzjuża tagħha sabiex tindirizza l-evitar tat-taxxa korporattiva u l-kompetizzjoni dannuża tat-taxxa fl-UE. Element ewlieni ta’ dan il-Pakkett dwar it-Trasparenza tat-Taxxa huwa proposta biex jiġi introdott l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri rigward id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa tagħhom.

L-evitar tat-taxxa korporattiva huwa maħsub li jċaħħad il-baġits pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE minn biljuni ta’ ewro fis-sena. Dan jimmina wkoll il-qsim ġust tal-piżijiet fost dawk li jħallsu t-taxxa u l-kompetizzjoni ġusta bejn l-impriżi. Il-kumpaniji jafdaw fuq il-kumplessità tar-regoli tat-taxxa u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex iċaqilqu l-profitti u jimminimizzaw it-taxxi tagħhom. Għalhekk, fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-prattiki abbużivi tat-taxxa, l-ixprunar tat-trasparenza u l-kooperazzjoni huwa vitali.

Dan il-Pakkett dwar it-Trasparenza tat-Taxxa għandu l-għan li jiżgura li l-Istati Membri jkunu mgħammra bit-tagħrif li jeħtieġu sabiex iħarsu l-bażijiet tat-taxxa tagħhom u jimmiraw b’mod effettiv lejn dawk il-kumpaniji li jippruvaw jiskansaw li jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta’ taxxi.    

"Kulħadd irid iħallas is-sehem ġust tiegħu ta' taxxa. Dan japplika għal kumpaniji multinazzjonali bħal kulħadd. Bil-proposta tal-lum dwar l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jidentifikaw aħjar il-lakuni jew d-duplikazzjoni tat-taxxa bejn l-Istati Membri. Fix-xhur li ġejjin, se nressqu azzjonijiet konkreti sabiex jiġu indirizzati tali lakuni jew duplikazzjonijiet. Aħna impenjati li nagħtu segwitu lill-wegħdiet tagħna b'azzjoni reali, kredibbli u ġusta," qal il-Viċi President Valdis Dombrovkis, responsabbli għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali.

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: "Ma għadx fadal wisq tolleranza għal kumpaniji li jevitaw li jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxi u għar-reġimi li jippermettulhom li jagħmlu dan. Irridu nerġgħu nibnu r-rabta bejn il-post fejn il-kumpaniji verament jagħmlu l-profitti tagħhom u dak fejn huma jiġu ntaxxati. Biex dan isir, jeħtieġ li l-Istati Membri jinfetħu u jaħdmu flimkien. Dan il-Pakkett dwar it-Trasparenza tat-Taxxa hekk qiegħed jimmira li jikseb.”

Trasparenza dwar id-Deċiżjonijiet tat-Taxxa

Il-komponent ċentrali ta' dan il-Pakkett dwar it-Trasparenza huwa proposta leġiżlattiva sabiex il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar id-deċiżjonijiet transfruntieri tat-taxxa tagħhom titjieb u timmira li tkun il-bidu ta’ era ġdida ta’ trasparenza.

Bħalissa, l-Istati Membri jaqsmu ftit wisq tagħrif ma’ xulxin dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa tagħhom. L-Istat Membru għandu d-diskrezzjoni li jiddeċiedi jekk deċiżjoni tat-taxxa tkunx rilevanti għal pajjiż ieħor tal-UE. Għalhekk, l-Istati Membri ta’ sikwit ma jkunux konxji dwar deċiżjonijiet transfruntieri tat-taxxa maħruġa x’imkien ieħor fl-UE li jistgħu jkollhom impatt fuq il-bażijiet tat-taxxa tagħhom stess. In-nuqqas ta’ trasparenza dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa qiegħed jiġi sfruttat minn ċerti kumpaniji sabiex inaqqsu b’mod artifiċjali l-kontribut tat-taxxi tagħhom.

Biex tagħmel tajjeb għal din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li tneħħi dan il-marġni ta’ diskrezzjoni u interpretazzjoni. L-Istati Membri issa se jkunu meħtieġa jiskambjaw awtomatikament l-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa tagħhom. Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stipulata skeda rigoruża taż-żmien: kull tliet xhur, l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa se jkollhom jibagħtu rapport qasir lill-Istati Membri l-oħra kollha dwar id-deċiżjonijiet transfruntieri tat-taxxa kollha li huma jkunu ħarġu. L-Istati Membri mbagħad ikunu jistgħu jitolbu għal iktar informazzjoni dettaljata dwar deċiżjoni partikolari.

L-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa se jippermetti lill-Istati Membri jidentifikaw ċerti prattiki abbużivi tat-taxxa mill-kumpaniji u jieħdu l-azzjoni meħtieġa bħala tweġiba. Barra minn hekk, għandu jħeġġeġ ukoll kompetizzjoni tat-taxxa iktar b’saħħitha, peress li l-awtoritajiet tat-taxxa se jkun inqas probabbli li joffru trattament selettiv għat-taxxa lill-kumpaniji ladarba hija miftuħa għal skrutinju minn kumpaniji oħra bħalhom.

Inizjattivi oħra ta’ Trasparenza tat-Taxxa

Il-Pakkett tal-lum fih ukoll komunikazzjoni li tiddeskrivi għadd ta’ inizjattivi oħra biex l-aġenda dwar it-trasparenza tat-taxxa timxi 'l quddiem fl-UE. Dawn huma:

  • Il-valutazzjoni ta’ rekwiżiti ġodda possibbli ta’ trasparenza għall-kumpaniji multinazzjonali

Il-Kummissjoni se teżamina l-fattibbiltà ta’ rekwiżiti ġodda ta’ trasparenza għall-kumpaniji, bħad-divulgazzjoni pubblika ta’ xi informazzjoni tat-taxxa mill-kumpaniji multinazzjonali. L-għanijiet, il-benefiċċji u r-riskji ta’ kwalunkwe inizjattiva ta’ dan it-tip hemm bżonn jiġu meqjusa sew. Għalhekk, il-Kummissjoni se tivvaluta l-impatt ta’ rekwiżiti ta’ trasparenza addizzjonali possibbli li jgħinu biex jinfurmaw deċiżjoni iktar 'il quddiem.

  • Ir-rieżami tal-Kodiċi tal-Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Impriżi

Il-Kodiċi tal-Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Impriżi hija waħda mill-għodod ewlenin tal-UE biex tiġi żgurata il-kompetizzjoni ġusta tat-taxxa korporattiva. Dan jistipula l-kriterji li jiddeterminaw jekk reġim tat-taxxa huwiex ta’ ħsara jew le u jitlob lill-Istati Membri jneħħu kwalunkwe miżura dannuża tat-taxxa li tmur kontra l-Kodiċi. L-Istati Membri jiltaqgħu regolarment biex jivvalutaw il-konformità tagħhom mal-Kodiċi. Iżda matul dawn l-aħħar snin, il-Kodiċi sar inqas effettiv biex jiġu indirizzati r-reġimi dannużi tat-taxxa għaliex il-kriterji tiegħu ma jqisux skemi iktar sofistikati tal-evitar tat-taxxa korporattiva. Għalhekk, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex twettaq rieżami tal-Kodiċi tal-Kondotta kif ukoll tal-mandat tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta biex tagħmlu iktar effettiv, sabiex tiżgura kompetizzjoni ġusta u trasparenti tat-taxxa fi ħdan l-UE.

  • L-iskala tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa tiġi kkwantifikata

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Eurostat, se taħdem mal-Istati Membri biex tara kif tista' tikseb stima affidabbli tal-livell tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. L-evidenza li l-evażjoni u l-evitar huma mifruxa u jikkawżaw telf ta’ introjtu sinifikanti qiegħda dejjem tikber. Madankollu, sa issa għadha ma ġietx iddeterminata kwantifikazzjoni preċiża tal-iskala u l-impatt ta’ dawn il-problemi. Statistika affidabbli dwar l-iskala u l-impatt ta’ dawn il-problemi tgħin biex il-miżuri ta’ politika kontrihom jiġu mmirati aħjar.

  • It-tħassir tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tħassar id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil, ladarba hemm leġiżlazzjoni tal-UE iktar ambizzjuża, li tirrikjedi l-aktar ambitu wiesa' għall-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji, inkluż id-dħul marbut mat-tfaddil (IP/13/530). It-tħassir tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil se joħloq qafas issimplifikat għall-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni finanzjarja u se jevita kwalunkwe inċertezza legali jew amministrazzjoni żejda għall-awtoritajiet tat-taxxa u l-impriżi.

Il-Passi li Jmiss

Iż-żewġ proposti leġiżlattivi ta’ dan il-pakkett se jintbagħtu lill-Parlament Ewropew għall-konsultazzjoni u lill-Kunsill għall-adozzjoni. L-Istati Membri għandhom jaqblu dwar il-proposta dwar id-Deċiżjonijiet tat-Taxxa sal-aħħar tal- 2015, sabiex tkun tista’ tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016. Minħabba li f’Diċembru 2014 il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tagħmel din il-proposta, huwa mistenni l-impenn politiku sħiħ biex jintlaħaq ftehim f’waqtu.

Il-pass importanti li jmiss se jkun Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Tassazzjoni Korporattiva li se jiġi ppreżentat qabel is-sajf. Dan it-tieni Pjan ta’ Azzjoni se jiffoka fuq miżuri li jagħmlu t-tassazzjoni korporattiva aktar ġusta u effiċjenti fi ħdan is-Suq Uniku, inkluż tnedija mill-ġdid tal-Bażi Komuni Konsolidata Tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u ideat ġodda għall-integrazzjoni ta' azzjonijiet ġodda tal-OECD jew il-Ġ20 sabiex tiġi miġġielda l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti (BEPS) fil-livell tal-UE.

Aktar tagħrif

Il-Komunikazzjoni

Il-proposta dwar l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni

Memo/15/4609

Is-sit elettroniku

IP/15/4610

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar