Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni tagħmel progress fuq l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Brussell, 04 Marzu 2015

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet il-ħidma tagħha fuq Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni komprensiva. Il-Kulleġġ tal-Kummissarji kellu l-ewwel dibattitu ta' orjentazzjoni dwar x'jistgħu jkunu l-azzjonijiet ewlenin biex jiġu skalati l-isforzi tal-UE biex timplementa l-għodod eżistenti u l-kooperazzjoni biex jiġu ġestiti l-flussi ta' migrazzjoni minn pajjiżi terzi.

Għall-ewwel darba, il-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni hija prijorità espliċita tal-Kummissjoni Ewropea, kif ġie ppreżentat fil-linji gwida politiċi tal-President Juncker, Bidu Ġdid għall-Ewropa. Il-migrazzjoni hija kwistjoni li tinvolvi diversi oqsma ta' politika u diversi atturi, kemm ġewwa, kif ukoll barra l-UE. L-istruttura u l-metodi ta' ħidma l-ġodda tal-Kummissjoni Ewropea huma l-ewwel pass sabiex l-isfidi u l-opportunitajiet tal-migrazzjoni jiġu indirizzati b'mod tassew komprensiv.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "Li niġġestixxu l-migrazzjoni sew hija sfida għall-Ewropa kollha kemm hi. Issa huwa ż-żmien għal approċċ ġdid ta' kif naħdmu flimkien: irridu nagħmlu użu aħjar u iktar koerenti tal-għodda kollha tagħna, naqblu dwar prijoritajiet komuni u, fuq livell tal-UE u nazzjonali, nagħmlu disponibbli iktar riżorsi għal xulxin sabiex ikollna solidarjetà ta' vera, u qsim ta' responsabbiltà aħjar bejn lIstati Membri. F'Mejju sejrin nippreżentaw aġenda ġdida tal-migrazzjoni b'governanza mtejba biex insaħħu s-sistema tagħna tal-asil, inħejju perkors solidu dwar il-migrazzjoni legali, naġixxu b'mod iktar vigoruż kontra l-migrazzjoni irregolari u li niżguraw li jkollna fruntieri iktar siguri."

Ir-Rappreżentanta Għolja, il-Viċi President Federica Mogherini qalet: "Bħala Ewropej, jeħtieġ li nkunu iktar effettivi fir-rispons immedjat u, fl-istess ħin, li nindirizzaw l-għeruq, ibda mill-kriżijiet li qed jinfirxu mal-fruntieri tagħna, l-iktar fil-Libja. Huwa għalhekk li qed inżidu x-xogħol tagħna ma' pajjiżi tal-oriġini u ta' tranżitu biex nipprovdu l-protezzjoni fir-reġjuni fejn hemm il-kunflitt, niffaċilitaw ir-risistemazzjoni u nindirizzaw ir-rotot tat-traffikar."

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: "Il-migrazzjoni hija dwar in-nies – wara kull wiċċ li jasal fil-fruntieri tagħna, hemm individwu: negozjant qed jivvjaġġa fuq xogħol, student ġej biex jistudja, vittma tat-traffikanti tal-bnedmin, ġenitur jipprova jbiegħed lil uliedu mill-periklu. Meta nippreżentaw Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni konkreta rridu naħsbu dwar dawn in-nies kollha ­ din mhix għas-soluzzjonijiet ta' malajr; din hija sabiex noħolqu Unjoni Ewropea iktar sigura, sinjura u attraenti."

Lejn approċċ Ewropew lejn il-migrazzjoni verament komprensiv

Id-Dibattitu ta' Orjentazzjoni tal-lum stabbilixxa l-erba' oqsma ewlenin fejn hu maħsub li jsiru azzjonijiet fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni biex jiġu implimentati l-linji gwida politiċi tal-President Juncker. Dawn huma kollha marbutin ma' xulxin u ta' importanza ndaqs.

    Sistema ta' Asil Komuni b'saħħitha

L-Unjoni Ewropea għandha wieħed mill-oqfsa leġiżlattivi l-aktar avvanzati fid-dinja sabiex toffri l-protezzjoni lil dawk li jeħtiġuha. Issa huwa ż-żmien sabiex tiġi implimentata b'mod sħiħ u koerenti s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil li ġiet adottata reċentement. Il-Kummissjoni se tagħmel kull sforz sabiex id-diverġenzi eżistenti fil-politiki dwar l-asil nazzjonali jitneħħew. It-tfannid tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi jkun ukoll essenzjali biex jiġu indirizzati l-kawżi fl-għeruq tal-migrazzjoni, flimkien mal-integrazzjoni tal-migrazzjoni fit-tfassil tal-istrateġiji tal-iżvilupp. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija impenjata li jkompli jiżdied l-użu tal-isforzi ta' rilokazzjoni u risistemazzjoni mill-Unjoni Ewropea, bi djalogu mill-qrib mal-Istati Membri u pajjiżi terzi li jospitaw numri sinifikanti ta' refuġjati.

    Politika Ewropea ġdida dwar il-migrazzjoni legali

Filwaqt li tindirizza l-qgħad eżistenti, l-Ewropa se jkollha tiġbed lejha l-aħjar talent sabiex tkun iktar kompetittiva fuq livell globali. Dan huwa sforz fit-tul li għandna nibdew inħejju minn issa. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea se tniedi reviżjoni tad-Direttiva tal-Karta Blu tal-UE. Dan huwa proċess diffiċli u fuq żmien twil, u jista' jaħdem biss permezz tad-diskussjoni mal-Istati Membri, inkluż dwar approċċ iktar orizzontali lejn il-politika dwar il-migrazzjoni legali.

    Niġġieldu l-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin b'mod iktar robust

In-nies jemigraw b'mod irregolari għal bosta raġunijiet. Fl-2014, kien hemm madwar 278 000 qsim irregolari tal-fruntieri skont il-Frontex – id-doppju tal-2011. Ħafna minn dawn il-migranti jużaw traffikanti – jew jittieħed vantaġġ minnhom mit-traffikanti tal-bnedmin. Billi tkompli tibni fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-migrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-Kummissjoni trid ittejjeb l-azzjonijiet tagħha f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq set ta' azzjonijiet komprensivi kontra t-traffikar tal-bnedmin, u trid tiżviluppa iktar għodod konkreti indirizzati lejn pajjiżi u rotot ta' prijorità, b'kollaborazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi terzi, kif ukoll permezz ta' ftehimiet ta' riammissjoni u oqfsa ta' kooperazzjoni (eż. il-proċessi ta' Rabat, Khartoum or Budapest).

    Insaħħu l-fruntieri esterni tal-Ewropa

Żona mingħajr fruntieri interni, u politika robusta tal-asil u l-migrazzjoni tista' tiġi biss sostnuta jekk l-Ewropa tiġġestixxi l-fruntieri esterni tagħha, b'rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali. Il-ġestjoni tal-fruntieri hija kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri, u l-infurzar tas-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-UE huwa ta' interess vitali għal kulħadd. It-tħejjija tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni se tkun opportunità biex jiġi diskuss jekk u kemm l-Aġenzija tal-Fruntieri tal-UE Frontex għandhiex bżonn żieda fil-baġit tagħha, u iktar assi operazzjonali u riżorsi umani sabiex l-isfida li qed tevolvi fil-fruntieri esterni tal-UE tiġi indirizzata aħjar. Jeħtieġ li l-Istati Membri jaqsmu r-riżorsi tagħhom ma' xulxin jekk tassew irridu nsaħħu x-xogħol tal-Frontex u li t-Timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntieri jibdew jaħdmu.

Għal iktar tagħrif

Lejn Politika Ewropea Komprensiva dwar il-Migrazzjoni: 20 sena ta' azzjoni tal-UE

Mistoqsijiet u Tweġibiet: It-Traffikar tal-Migranti ġewwa l-Ewropa u r-rispons tal-UE

Il-Websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni

Il-Websajt tal-Ewwel Viċi President Frans Timmermans

Il-Websajt tar-Rappreżentanta Għolja/Viċi President Federica Mogherini

Il-Websajt tal-Kummissarju Dimitris Avrampoulos

 

Anness: Lejn Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni: Il-Fatti (infografika)



IP/15/4545

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar