Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Rapport dwar l-ambjent juri l-benefiċċji tal-azzjoni tal-UE

03 Marzu 2015

Rapport ġdid ippubblikat illum juri li politika ambjentali kkoordinata tal-UE ssarrfet f'benefiċji sostanzjali għaċ-ċittadini tul il-ħames snin li għaddew. L-Ewropej igawdu minn arja u ilma aktar indaf, jibagħtu anqas skart fil-miżbliet u jirriċiklaw aktar; filwaqt li l-politiki ambjentali qegħdin jixprunaw l-impjiegi u t-tkabbir. Madanakollu, ir-rapport iwissi li l-mira fuq terminu twil tal-Ewropa li "ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" - li huwa l-għan tal-Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni (is-Seba' EAP)- ma tistax tintlaħaq bil-livelli attwali ta' ambizzjoni tal-politiki dwar l-ambjent u dawk relatati.

Ir-Rapport tal-2015 dwar l-Ambjent Ewropew - il-Qagħda u l-Prospetti (SOER 2015) imħejji mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent huwa valutazzjoni integrata tal-ambjent tal-Ewropa li tinkludi dejta fil-livelli globali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll tqabbil bejn il-pajjiżi. Dan iħares ukoll lejn il-ħames snin li ġejjin u lil hinn minnhom, u jagħti twissija ċara dwar ir-riskji tad-deterjorament ambjentali, li jħalli effett fuq il-benesseri u l-prosperità tal-bnedmin. L-analiżi ssejjaħ għal tfassil ta’ politika aktar integrata - sejħa li l-Kummissjoni qed twieġeb għaliha b'serje ta' inizjattivi ambjentali għall-2015, inkluż pakkett ġdid u usa' dwar l-Ekonomija Ċirkulari, reviżjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità, pjan ta' azzjoni dwar il-Governanza tal-Oċeani u pakkett immodifikat dwar il-Kwalità tal-Arja.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella, qal:

"Inqis ir-Rapport tal-2015 dwar il-Qagħda tal-Ambjent bħala l-'punt tat-tluq' tal-mandat tiegħi. Ir-rapport juri b'mod ċar li l-politiki ambjentali tal-UE qed iħallu l-benefiċċji. Il-politiki ambjentali qed jissarrfu wkoll f'aktar ħolqien ta' impjiegi. It-tkabbir qawwi tal-ekonomija ekoloġika, anki tul l-agħar snin tar-reċessjoni, huwa sinjal tajjeb għall-kompetittività tal-Ewropa.

Għandna nibqgħu dejjem viġilanti biex niżguraw li l-politiki tajba, li jkunu implimentati sew, jissarrfu f'riżultati ambjentali tajbin kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar. L-investiment innovattiv biex jitħarsu l-prosperità u l-kwalità tal-ħajja huma prijorità. L-investiment fit-tul li nagħmlu llum jista’ jiżgura li fl-2050 inkunu qed ngħixu tajjeb, u fil-limiti tal-pjaneta tagħna."

 

L-effiċjenza fir-riżorsi / l-ekonomija ċirkolari

Ir-Rapport jagħmilha ċara li l-ħarsien tal-ambjent huwa investiment ekonomiku solidu. Bejn l-2000 u l-2011, l-industriji ekoloġiċi kibru b’aktar minn 50% fl-UE. Dan jagħmilhom wieħed mill-ftit setturi li kibru b’mod konsistenti minkejja l-kriżi.Ir-Rapport juri wkoll li l-immaniġġjar tal-iskart qed jitjieb, għalkemm l-ekonomija Ewropea għadha ’l bogħod milli tkun ċirkolari, b’wisq skart li jintradam u potenzjal mhux sfruttat għar-riċiklaġġ u l-irkupru tal-enerġija.

Il-Kummissjoni qed timmira li tirrimedja l-bilanċ fl-2015 permezz ta' pakkett ambizzjuż għall-ekonomija ċirkulari - biex l-Ewropa tinbidel f'ekonomija aktar effiċjenti fir-riżorsi, u tindirizza firxa ta' oqsma ekonomiċi flimkien mal-iskart. Biex isseħħ il-kisba tal-akbar valur mir-riżorsi jeħtieġ li jitqiesu l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott, mill-estrazzjoni tal-materja prima sad-disinn, il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum ta' prodott; skemi ta' tiswija u ta' użu mill-ġdid; u l-ġestjoni tal-iskart u ż-żieda fl-użu ta’ materja prima sekondarja.

 

In-Natura u l-Bijodiversità

Ir-rapport jenfasizza li l-Ewropa mhix fit-triq li twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità, billi l-ħabitats tal-annimali u l-pjanti qed ikomplu jgħibu. Il-bijodiversità tal-baħar, b’mod partikolari, għadha mhedda. Matul l-2015 (sena ddedikata għall-Kapital Naturali), il-Kummissjoni se tikkumplimenta s-sejbiet tar-Rapport b’rapport iddettaljat dwar il-“Qagħda tan-Natura”. Imbagħad, dan se jikkontribwixxi għal eżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità u l-evalwazzjoni li għaddejja tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, biex tittejjeb l-effettività u jitnaqqas il-piż amministrattiv.

Il-Ġimgħa l-Ħadra, l-akbar avveniment annwali tal-UE dwar il-politika ambjentali, din is-sena se sseħħ fi Brussell mit-3 sal-5 ta' Ġunju bl-isem "In-Natura - saħħitna u ġidna". Din se toffri opportunità biex ikun hemm riflessjoni dwar kif l-UE tista' tissokta tindirizza l-isfidi lin-natura u l-bijodiversità, biex ikunu żgurati t-tkabbir u s-sostenibbiltà fuq terminu twil.


Il-governanza tal-oċeani

Kif spjegat fir-rapport, l-Ewropa qed tiffaċċja l-isfida doppja tar-riabilitazzjoni u l-ħarsien tal-ekosistemi tal-ibħra tagħna filwaqt li l-attivitajiet marittimi u dawk kostali jinżammu fil-qalba tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE. L-UE hija impenjata fl-immaniġġjar responsabbli tal-ibħra, u li tiżvolġi rwol ta' tmexxija fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-governanza tal-oċeani. Din is-sena l-Kummissjoni Ewropea se tniedi eżerċizzju wiesgħa ta’ konsultazzjoni biex tgħin fit-tfassal tal-passi li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-governanza tal-oċeani. Flimkien ma' dan, l-UE se tissokkta fil-ħidma mal-imsieħba internazzjonali tagħha u mal-istituzzjonijiet globali, fosthom in-NU, biex tassigura impenn politiku mifrux għal din l-aġenda.


Azzjoni klimatika

Dwar il-klima, il-politiki qed jiksbu r-riżultati, bl-emissjonijiet tal-gassijiet serra jonqsu b'19% sa mill-1990, filwaqt li l-ekonomija tal-UE kibret b'45%. Il-miri għall-2020 dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza jistgħu jintlaħqu wkoll. Għaldaqstant, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għanijiet UE2020 tagħna dwar il-klima u l-enerġija. Madanakollu, skont SOER 2015, il-politiki u l-miżuri eżistenti mhux se jkunu biżżejjed biex tintlaħaq il-mira fuq terminu twil ta' tnaqqis ta' 80-95% tal-emissjonijiet sal-2050, sabiex l-Ewropa tinbidel f'ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Il-Kummissjoni diġà qed twieġeb għal din is-sejħa, u qed tħejji proposti ġodda ta' politika biex tilħaq l-40% fi tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030, hekk kif maqbul is-sena l-oħra mill-Kunsill Ewropew.


Il-kwalità tal-arja

Ir-Rapport juri li l-arja li nieħdu llum hi ħafna aktar nadifa milli kienet fid-deċennji li għaddew. L-emissjonijiet ta' għadd ta' sustanzi niġġiesa bħad-diossidu tal-kubrit (SO2) u l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) naqsu b'mod konsiderevoli fl-aħħar deċennji, primarjament bħala riżultat tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja tal-UE. Minkejja dawn il-kisbiet, il-kwalità ħażina tal-arja għadha l-akbar kawża ta' mwiet bikrija fl-Unjoni Ewropea. L-UE se tkun qed tipproponi Pakkett dwar il-Kwalità tal-Arja mmodifikat biex jiżgura l-aqwa approċċ li se jikseb ir-riżultati fil-qasam.

 

Sfond

Ir-Rapport tal-2015 dwar l-Ambjent Ewropew - il-Qagħda u l-Prospetti jipprovdi valutazzjoni komprensiva tal-qagħda, ix-xejriet u l-prospetti tal-ambjent Ewropew, filwaqt li jqiegħed lill-istess ambjent f'kuntest globali. Ir-rapport jinforma l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali Ewropea u janalizza l-opportunitajiet biex ikunu modifikati politiki eżistenti sabiex tinkiseb il-viżjoni tal-UE għall-2050 li ngħixu tajjeb fil-limiti tal-pjaneta tagħna. L-istess rapport tħejja mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) bħala impriża konġunta f'kollaborazzjoni mill-qrib man-netwerk Ewropew ta' informazzjoni u għall-osservazzjoni tal-Ambjent (Eionet), kif ukoll is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea.

 

Materjal addizjonali għall-istampa

http://www.eea.europa.eu/media/newsreleases/future-prosperity-depends-on-bolder

IP/15/4534

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar