Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Unjoni tal-Enerġija: sigura, sostenibbli, kompetittiva, bi prezz raġonevoli għal kull Ewropew

Brussell, 25 Frar 2015



L-enerġija tintuża biex issaħħan u tberred il-bini u d-djar, għat-trasport tal-merkanzija, u biex tmexxi l-ekonomija. Iżda b’infrastruttura li qed tiqdiem, swieq li tantx huma integrati, u politiki mhux koordinati, il-konsumaturi, il-familji u n-negozji ma jgawdux minn għażla akbar jew minn prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi. Wasal iż-żmien li jitlesta suq uniku tal-enerġija fl-Ewropa. Illum il-Kummissjoni Ewropa qed twettaq dan l-impenn ewlieni tal-linji gwida politiċi tal-President Juncker, billi qed tippreżenta l-istrateġija tagħha biex tinkiseb Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b'politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares 'il quddiem.

L-Unjoni tal-Enerġija tfisser b’mod partikolari:

  • Klawżola ta' solidarjetà: titnaqqas id-dipendenza fuq fornituri uniċi u d-dipendenza sħiħa fuq il-ġirien tagħhom, speċjalment meta jkun hemm interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija. B’aktar trasparenza meta l-pajjiżi tal-UE jilħqu ftehimiet biex jixtru l-enerġija jew il-gass minn pajjiżi barra l-UE;
  • L-enerġija għaddejja ħielsa, daqslikieku l-Ħames libertà: il-libertà ta' fluss ħieles tal-enerġija bejn il-pajjiżi — b'infurzar strett tar-regoli attwali f’oqsma bħas-separazzjoni tal-enerġija u l-indipendenza tar-regolaturi — b'azzjoni legali meħuda jekk ikun meħtieġ. It-tfassil mill-ġdid tas-suq tal-elettriku, biex ikun aktar integrat, rinnovabbli, u risponsiv. Reviżjoni mill-qiegħ u serja tal-interventi mill-istat fis-suq intern, u l-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent.
  • L-effiċjenza enerġetika l-ewwel u qabel kollox: naħsbu mill-ġdid u mill-qiegħ dwar l-effiċjenza enerġetika u nittrattawha bħala sors ta' enerġija fiha nfisha sabiex tkun tista' tikkompetti fuq l-istess livell mal-kapaċità tal-ġenerazzjoni;
  • Tranżizzjoni lejn bini dewwiemi ta' soċjetà b'karbonju baxx: jiġi żgurat li l-enerġija prodotta lokalment — inkluż minn sorsi rinnovabbli — tista’ tiġi assorbita b’mod faċli u effiċjenti fis-sistema elettrika; il-promozzjoni tat-tmexxija teknoloġika tal-UE, permezz tal-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss tat-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli u biex insiru mexxejja fl-elettromobbiltà, filwaqt li l-kumpaniji Ewropej jespandu l-esportazzjonijiet u jikkompetu globalment.

Iċ-ċittadini huma fil-qalba ta' Unjoni tal-Enerġija. Il-prezzijiet li jħallsu għandhom ikunu raġonevoli u kompetittivi. L-enerġija għandha tkun sigura u sostenibbli, b’aktar kompetizzjoni u għażla għal kull konsumatur.

Dawn l-impenji u oħrajn jimxu id f'id ma' pjan ta’ azzjoni biex jintlaħqu dawn l-għanijiet ambizzjużi tal-politika tagħna dwar l-enerġija u l-klima.

Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni, qal: “L-enerġija ilha wisq żmien eżenti mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni tagħna. L-avvenimenti attwali juru fiex wasalna tassew — peress li ħafna Ewropej jibżgħu li ma jistgħux ikollhom l-enerġija meħtieġa biex isaħħnu djarhom. Din kwistjoni tal-Ewropa li taħdem flimkien għaż-żmien fit-tul. Irrid li l-enerġija li tirfed lill-ekonomija tagħna tkun reżiljenti, affidabbli, sigura u dejjem aktar rinnovabbli u sostenibbli.”

Maroš Šefčovič, il-Viċi President inkarigat mill-Unjoni tal-Enerġija qal: "Illum qed invaraw l-aktar proġett ambizzjuż tal-enerġija tal-Ewropa minn żmien il-Komunità tal-Faħam u tal-Azzar. Proġett li se jintegra t-28 suq tal-enerġija Ewropew tagħna f'Unjoni tal-Enerġija waħda, biex l-Ewropa tkun inqas dipendenti mill-enerġija u biex tingħata l-prevedibbiltà li l-investituri jeħtieġu għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tkabbir ekonomiku. Illum, qed nagħtu bidu għal tranżizzjoni fundamentali lejn ekonomija b’karbonju baxx u li ma tagħmilx ħsara lill-klima, u lejn Unjoni tal-Enerġija fejn iċ-ċittadin l-ewwel, billi toffrilhom enerġija aktar affordabbli, sikura, u sostenibbli. Flimkien ma’ Kummissarji oħra kollha li ħadmu mill-qrib fit-tim tal-proġett, u bl-appoġġ tal-Kummissjoni kollha kemm hi, determinat li din l-Unjoni tal-Enerġija ndawruha f' realtà.”

Miguel Arias Cañete, il-Kummissarju tal-UE għall-Azzjoni Klimatika u Enerġija, żied: "Immiddu jdejna għax-xogħol. Illum għandna nħejju t-triq għal suq tal-enerġija fl-Ewropa li jkun konness, integrat u sigur. Issa, ejjew nagħmluha realtà. Triqitna lejn is-sigurtà reali tal-enerġija u l-protezzjoni tal-klima reali tibda minn hawn. Għalhekk ser niffoka fuq il-bini tas-suq tal-enerġija komuni tagħna, iffrankar ta’ aktar enerġija, l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli, u d-diversifikazzjoni tal-provvista enerġetika tagħna. Wara għexieren ta’ snin ta’ dewmien, m'aħniex se nitilfu opportunità oħra biex tinbena unjoni tal-enerġija. Il-Kummissjoni Juncker l-affarijiet il-kbar iġġibhom żewġ."


Ċifri ewlenin

  • L-UE hija l-akbar importatur tal-enerġija fid-dinja: timporta 53 % tal-enerġija tagħha, bi spiża annwali ta’ madwar EUR 400 biljun.
  • 12 il-Stat Membru tal-UE[1] ma jissodisfawx il-mira ta' interkonnessjoni minima tal-UE — li mill-inqas 10 % tal-kapaċità instalata ta’ produzzjoni tal-elettriku tkun tista’ “taqsam il-fruntieri”. L-UE elenkat 137 proġett tal-elettriku, inkluż 35 dwar interkonnessjoni tal-elettriku: bejniethom, dawn il-proġetti jistgħu jniżżlu dik iċ-ċifra minn 12 għal 2 Stati Membri.
  • Grilja tal-enerġija Ewropea interkonnessa kif xieraq tista' tiffranka lill-konsumaturi sa EUR 40 biljun fis-sena.
  • 6 Stati Membri tal-UE[2] huma dipendenti minn fornitur estern waħdieni għall-importazzjonijiet kollha tal-gass tagħhom.
  • 75 % tal-unitajiet residenzjali tagħna mhumiex effiċjenti enerġetikament; 94 % fil-mija tat-trasport jiddependi fuq prodotti taż-żejt, li minnhom 90 % huwa importat.
  • Biss biss sal-2020, jeħtieġ li jiġu investiti aktar minn EUR 1 triljun fis-settur tal-enerġija tal-UE.
  • Il-prezzijiet fuq il-livell tal-operatur tal-elettriku fl-Ewropa huma 30 % ogħla, u l-prezzijiet fuq il-livell tal-operatur tal-gass aktar minn 100 % ogħla milli fl-Istati Uniti.
  • In-negozji tal-enerġija rinnovabbli Ewropea flimkien għandhom fatturat annwali ta’ EUR 129 biljun, u jimpjegaw aktar minn miljun ruħ; L-isfida hija li jinżamm ir-rwol ewlieni tal-Ewropa fl-investiment globali f’enerġija rinnovabbli.
  • L-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE naqsu b’ 18 % matul il-perjodu 1990-2011.
  • Sal-2030, l-UE għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’ tal-anqas 40 %, issaħħaħ l-enerġija rinnovabbli b’ mill-inqas 27 %, u ttejjeb l-effiċjenza tal-enerġija b’ mill-inqas 27 %

 

 X'ġie adottat illum

 

  • Strateġija ta’ Qafas għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li Tħares 'il Quddiem. Din tistabbilixxi, f’ħames dimensjonijiet interkonnessi ta’ politika, l-għanijiet ta’ Unjoni tal-Enerġija — u l-passi dettaljati li l-Kummissjoni Juncker se tieħu biex dan jinkiseb, inkluż leġiżlazzjoni ġdida għal tfassil mill-ġdid u reviżjoni totali tas-suq tal-elettriku, l-iżgurar ta' aktar trasparenza f’kuntratti tal-gass, l-iżvilupp sostanzjali ta’ kooperazzjoni reġjonali bħala pass importanti lejn suq integrat, qafas regolat aktar b’saħħtu, leġiżlazzjoni ġdida li tiżgura l-provvista tal-elettriku u tal-gass, żieda fil-fondi tal-UE għall-effiċjenza tal-enerġija jew pakkett ġdid ta' enerġija rinnovabbli, iffukar fuq strateġija R&I tal-enerġija, rappurtar kull sena dwar l-'Istat tal-Unjoni tal-Enerġija', biex insemmu biss xi ftit.
  • Komunikazzjoni dwar l-Interkonnessjoni, li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex tinkiseb il-mira ta’ 10 % ta’ interkonnessjoni tal-elettriku sal-2020, li huwa l-minimu meħtieġ biex l-elettriku jgħaddi u jiġi nnegozjat bejn l-Istati Membri. Turi liema Stati Membri attwalment jilħqu l-mira — u liema proġetti huma meħtieġa biex din il-firda tiġi eliminata sal-2020.
  • Komunikazzjoni li tistabbilixxi viżjoni għal ftehim globali dwar il-klima f’Pariġi f’Diċembru. Il-viżjoni hija għal ftehim trasparenti, dinamiku u legalment vinkolanti b'impenji ġusti u ambizzjużi mill-partijiet kollha. Il-Komunikazzjoni ssarraf ukoll id-deċiżjonijiet meħuda waqt is-Summit Ewropew ta’ Ottubru 2014 fil-mira proposta tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE (l-hekk Kontribuzzjoni Maħsuba Determinata Nazzjonalment - Intended Nationally Determined Contribution, jew NDC) għall-ftehim il-ġdid.

 

Aktar informazzjoni dwar l-Unjoni tal-Enerġija:

Sit elettroniku

Skeda informattiva: L-Unjoni tal-Enerġija

Skeda informattiva: Il-konnessjoni tas-swieq tal-enerġija biex iwasslu s-sigurtà tal-provvista, l-integrazzjoni tas-suq u l-użu fuq skala kbira ta’ enerġiji rinnovabbli

Skeda informattiva: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: Il-Protokoll ta’ Pariġi — Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima wara l- 2020

Twitter


[1] Ċipru, l-Estonja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja, ir-Renju Unit

[2] Il-Bulgarija, l-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja, is-Slovakkja

IP/15/4497

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar