Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

It-Twassil tal-Pjan ta' Investiment ta' EUR 315-il biljun fit-triq it-tajba: Il-Kummissjoni tippreżenta liġi għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi

Strasburgu, 13 Jannar 2015

Ħamsin ġurnata biss wara li ħabbret il-Pjan ta' Investiment ambizzjuż tagħha għall-Ewropa sabiex tagħti spinta lill-impjiegi u lit-tkabbir, il-Kummissjoni Ewropea illum adottat il-proposta leġiżlattiva għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, li ser jiġi stabbilit bi sħubija mill-qrib mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Il-Fond jinsab fil-qalba proprja tal-Inizjattiva ta' Investiment tal-President Juncker, li ser timmobilizza ta' mill-inqas EUR 315-il biljun f'investimenti privati u pubbliċi madwar l-Unjoni Ewropea. Dan ser jappoġġja speċjalment investimenti strateġiċi, bħan-netwerks tal-broadband u tal-enerġija, kif ukoll kumpaniji iżgħar b'inqas minn 3000 impjegat. Il-proposta tniedi wkoll Ċentru ta' Konsulenza Ewropew għal Investiment biex tgħin fl-identifikazzjoni, it-tħejjija u l-iżvilupp tal-proġett madwar l-Unjoni. Fl-aħħarnett, Riżerva Ewropea ta' Proġetti ta' Investiment ser ittejjeb l-għarfien tal-investituri dwar proġetti kurrenti u futuri.  

Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qal: "Din il-Kummissjoni hija waħda serja. Bil-proposta attwali għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, flimkien mas-sieħeb tagħna l-BEI, qed inwettqu l-wegħda li saret f'Novembru waqt il-plenarja tal-Parlament Ewropew. Qed nieħdu pass importanti sabiex nerġgħu noffru mpjiegi lill-Ewropej u nagħtu bidu lill-ekonomija tal-Unjoni. Issa niddependi fuq it-tmexxija politika tal-koleġiżlaturi, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex il-proposta tiġi adottati malajr biex il-Fond ikun operabbli sa Ġunju u biex l-investimenti l-ġodda jibdew isiru. Iċ-ċittadini tal-Ewropa ma jixraqilhom xejn inqas u m'għandniex ħin x'nitilfu."

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli għall-Impjieġ, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività,qal: "Illum qed noħolqu l-essenza tal-Pjan ta' Investimenti għall-Ewropa: il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi ser jappoġġja proġetti li għandhom profil ta' riskju ogħla biex l-investiment jibda jseħħ f'pajjiżi u f'setturi fejn il-ħolqien ta' impjiegi u t-tkabbir huma l-aktar meħtieġa. Bħala l-pass li jmiss, għandna nimmultiplikaw l-impatt tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u noħolqu ċirku virtuż: iktar investiment li jwassal għal iktar impjiegi u għal impjiegi aħjar, u għal tkabbir stabbli. Bħalissa qed indur madwar l-Unjoni Ewropea kollha biex nara li dan isir u għandi qalbi qawwija mir-rispons pożittiv li rċevejt s'issa."

 

Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi bosta elementi:

1. Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI)

L-EFSI huwa l-kanal ewlieni sabiex jiġu mmobilizzati ta' mill-inqas EUR 315-il biljun f'investiment addizzjonali fl-ekonomija reali fuq it-tliet snin li ġejjin. Ser jiffinanzja proġetti li għandhom profil ta' riskju ikbar, u b'hekk ser ikabbar l-impatt tal-infiq pubbliku u jisfrutta investimenti pubbliċi. Il-Fond ser jiġi stabbilit fi ħdan il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li miegħu ser taħdem il-Kummissjoni bħala sieħba strateġika.

Il-Parteċipazzjoni tal-Istati Membri

L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fl-EFSI. Il-parteċipazzjoni fl-EFSI hija miftuħa wkoll għal partijiet terzi, bħal banek promozzjonali nazzjonali jew aġenziji pubbliċi li huma propjetà tal-Istati Membri jew ikkontrollati minnhom, entitajiet tas-settur privat u entitajiet barra mill-Unjoni soġġetti għall-kunsens ta' kontributuri eżistenti.

Trattament tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir

F'Novembru l-Kummissjoni diġà indikat li kienet ser tiżgura t-trattament favorevoli skont il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir għal kontribuzzjonijiet nazzjonali lill-EFSI. Komunikazzjoni separata ppubblikata mill-Kummissjoni llum dwar l-użu tal-flessibbiltà fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-Patt tipprovdi iktar iggwidar fuq din il-kwistjoni.

Din tiċċara li l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri lill-EFSI mhumiex ser jingħaddu meta l-aġġustament fiskali jiġi vvalutat. Dan ser ikun il-każ għall-Istati Membri kollha, irrispettivament minn jekk jaqgħux taħt is-settur preventiv jew korrettiv tal-Patt.

Għal pajjiżi li qed jibbenifikaw mill-hekk imsejħa "klawsola tal-investiment", il-kofinanzjament mal-EFSI ta' proġetti jew ta' pjattaformi ta' investimenti ser jibbenifika wkoll minn trattament favorevoli taħt il-Patt.

Il-Governanza tal-EFSI

Bord ta' Tmexxija ser jiddeċiedi fuq l-orjentazzjoni ġenerali, fuq il-linji ta' gwida għall-investimenti, fuq il-profil ta' riskju, il-politiki strateġiċi u l-allokazzjoni tal-assi tal-Fond, skont il-Linji ta' Gwida Politiċi tal-Kummissjoni. Sakemm il-BEI u l-Kummissjoni jibqgħu l-uniċi kontributuri tal-EFSI, l-għadd ta' membri u ta' voti ser jiġi allokat skont id-daqs tal-kontribuzzjonijiet tagħhom u d-deċiżjonijiet kollha ser jittieħdu b'kunsens. Meta kontributuri oħra jissieħbu mal-Fond, in-numru u l-voti ser jibqgħu proporzjonali għall-kontribuzzjonijiet, u d-deċiżjonijiet jittieħdu b'maġġoranza sempliċi jekk ma jintlaħaqx kunsens. L-ebda deċiżjoni ma tista' tiġi adottata jekk il-Kummissjoni jew il-BEI jivvutaw kontriha.

Kumitat tal-Investiment ser ikun responsabbli quddiem il-Bord ta' Tmexxija.Hu ser jistħarreġ proġetti speċifiċi u ser jiddeċiedi liema minnhom jirċievi appoġġ mill-EFSI, mingħajr ebda kwoti ġeografiċi jew settorali. Il-Kumitat ser jikkonsisti minn sitt esperti independenti tas-suq u Direttur Amministrattiv li ser ikun responsabbli għall-immaniġġjar ta' kuljum tal-EFSI. Id-Direttur Amministrattiv u d-deputat tagħhom ser jiġi maħtura mill-Bord ta' Tmexxija fuq proposta konġunta tal-Kummissjoni u tal-BEI.

2. Ċentru ta' Konsulenza Ewropew għal Investiment (EIAH)

Bl-użu ta' tagħrif eżistenti, l-EIAH ser ikun il-punt uniku ta' servizz għall-UE kollha biex tgħin fl-identifikazzjoni, it-tħejjija, l-iżvilupp u l-finanzjament ta' proġetti. Hu ser jagħti pariri wkoll dwar kif għandhom jintużaw strumenti finanzjarji innovattivi u sħubiji pubbliċi-privati.

3. Riżerva Ewropea ta' Proġetti Trasparenti

Riżerva Ewropea ta' proġetti trasparenti ser tinforma lill-investituri dwar proġetti eżistenti u potenzjali disponibbli. Illum, in-nuqqas ta' informazzjoni huwa ostakolu kbir għal investimenti. Ir-riżerva ser tiġi aġġornata ta' spiss sabiex l-investituri jkollhom informazzjoni affidabbli u kurrenti biex jieħdu deċiżjonijiet ta' investimenti. Task Force konġunta bejn il-Kummissjoni u l-BEI diġà identifikat madwar 2,000 proġett potenzjali li jiswew EUR 1.3 triljun.

4. Fond tal-UE ta' Garanzija u l-Effetti fuq il-Baġit tal-UE

Il-proposta tistabbilixxi Fond tal-UE ta' Garanzija li ser jipprovdi riżerva ta' likwidità għall-baġit tal-Unjoni kontra telf potenzjali li jkun sar mill-EFSI meta jappoġġja proġetti. Dan gradwalment ser jilħaq EUR 8 biljun sas-sena 2020 permezz ta' pagamenti mill-baġit tal-UE. Dan jirrekjedi emenda mill-baġit tal-UE tal-2015, li ser toħloq il-linji baġitarji neċessarji ġodda u li ser tittrasferixxi EUR 1,36 biljun f'appropprijazzjoniiet ta' impenn u EUR 10 miljun f'appropprijazzjonijiet għal dawn il-linji ġodda. L-impatt ġenerali għall-Baġit tal-UE tal-2015 huwa wieħed newtrali. L-EUR 10 miljuni f'pagamenti ser jgħinu biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi taċ-Ċentru ta' Konsulenza Ewropew għal Investiment.

Il-Passi li Jmiss

Il-proposta tal-lum tal-Kummissjoni għandha tiġi adottata skont il-"proċedura leġislattiva ordinarja" (kodeċiżjoni) mil-leġiżlaturi tal-Unjoni, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Waqt il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru, il-kapijiet tal-Istat u tal-gvern ħeġġew "il-leġiżlaturi tal-Unjoni (...) biex jiftiehmu fuq [il-proposta] sa Ġunju, sabiex l-investimenti l-ġodda jistgħu jiġu attivati anke sa nofs l-2015." Bħala element ieħor tal-Pjan tal-Investimenti, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex tneħħi iktar ostakoli regolatorji u biex issaħħaħ is-Suq Uniku. L-ewwel ġabra ta' azzjonijiet hija stipulata fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015.

L-Isfond

Bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-livell ta’ investiment fl-UE naqas b’madwar 15% mil-livell rekord fl-2007. Il-likwidità finanzjarja teżisti. Madankollu, l-inċertezza fil-perspettiva ekonomika u d-dejn pubbliku u privat għoli f'partijiet tal-UE jżommu lura l-investimenti. Huwa għalhekk li l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa jista' jkun ta' għajnuna billi jissieħeb ma' proġetti li għandhom likwidità eżistenti u billi jiggwida l-flus fejn meħtieġ.

Il-President Juncker għamel il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa l-ewwel prijorità tiegħu u ppreżentah ftit wara tliet ġimgħat fil-kariga. Ftit ġimgħat wara, fit-18 ta' Diċembru, il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru approva l-Pjan.

Għal aktar tagħrif

Q&A

Websajt

LinkedIn

Twitter

IP/15/3222

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar