Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, l-10 ta’ Jannar 2014

It-Tabella ta' Valutazzjoni għall-Mobilità tal-UE: jinħtieġu iktar sforzi għall-promozzjoni tal-istudju u t-taħriġ għall-istudenti barra minn pajjiżhom

Skont l-ewwel "Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Mobilità tal-UE", l-aħjar sistemi ta’ appoġġ pubbliku għall-promozzjoni u l-għoti ta’ pariri lill-istudenti fl-edukazzjoni għolja dwar l-opportunitajiet biex jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom huma dawk tal-Ġermanja, il-Belġju, Spanja, Franza u l-Italja. It-Tabella ta’ Valutazzjoni hija parti mir-rispons tal-Kummissjoni għal sejħa mill-Istati Membri1 biex jitneħħew l-ostakli għall-istudju u t-taħriġ barra mill-pajjiż bħala parti minn sforzi usa’ sabiex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jiksbu l-ħiliet u l-esperjenza li jeħtieġu biex tiżdied l-impjegabilità tagħhom.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet "L-istudju u t-taħriġ barra l-pajjiż hu mod eċċellenti biex wieħed jikseb ħiliet u esperjenzi utli, u din hija r-raġuni għaliex l-UE żidiet ferm il-fondi għall-mobbiltà fil-programm il-ġdid Erasmus+. Permezz tat-Tabella ta' Valutazzjoni għall-Mobilità nistgħu naraw għall-ewwel darba kemm il-pajjiżi qed joħolqu ambjent pożittiv għall-iżvilupp tal-mobilità tal-istudenti — u fejn jistgħu jagħmlu aktar.”

It-Tabella ta' Valutazzjoni għall-Mobilità tiffoka fuq ħames fatturi ewlenin li jinfluwenzaw il-motivazzjoni taż-żgħażagħ u l-kapaċità tagħhom li jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom. Turi li dawn il-fatturi jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri — u li l-ebda pajjiż wieħed ma għandu punti għoljin għall-miżuri kollha tal-“ambjent tal-mobilità" tagħhom.

Sejbiet ewlenin

Informazzjoni u gwida dwar l-opportunitajiet ta’ mobilità: Il-Ġermanja, il-Belġju, Spanja, Franza u l-Italja jipprovdu l-aktar appoġġ komprensiv. L-istrutturi tal-informazzjoni u l-gwida huma l-inqas żviluppati fil-Bulgarija, il-Greċja, is-Slovenja u Ċipru.

Il-portabilità tal-għajnuna lill-istudenti, li permezz tagħha l-istudenti jirċievu għotjiet u self pubbliku f’pajjiż ieħor fuq l-istess termini bħal meta jkunu qed jistudjaw f’pajjiżhom. L-għotjiet u s-self tal-istudenti huma portabbli fil-partijiet tal-Belġju fejn huma mitkellma l-Olandiż u l-Ġermaniż, f'Ċipru, fil-Lussemburgu, fis-Slovenja, fil-Finlandja u fl-Iżvezja. B’kuntrast ma’ dan, is-sistemi ta’ appoġġ finanzjarju tal-istudenti huma l-iktar restrittivi fil-parti tal-Belġju fejn hu mitkellem il-Franċiż, fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fil-Greċja, fil-Kroazja, fil-Litwanja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja.

L-għarfien tal-lingwi barranin: Dan spiss ikun fattur importanti għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-istudju barra mill-pajjiż. Ċipru, il-Lussemburgu u l-parti tal-Belġju fejn hu mitkellem il-Ġermaniż jagħtu l-aktar importanza lit-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel. L-Irlanda u, fir-Renju Unit, l-Iskozja, ma għandhomx tagħlim obbligatorju tal-lingwi barranin fl-iskejjel.

Ir-rikonoxximent tal-istudji barra mill-pajjiż (l-użu tal-ECTS u s-Suppliment tad-Diploma): Il-Ġermanja, il-Belġju u Spanja jagħmlu sforzi konsiderevoli biex jissorveljaw l-użu tal-għodod Ewropej li jgħinu lill-istudenti jiksbu rikonoxximent għall-istudji tagħhom barra minn pajjiżhom permezz tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS) u s-Suppliment tad-Diploma, iżda l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jagħtu komparattivament ftit attenzjoni lil din il-kwistjoni.

Appoġġ lill-istudenti minn sitwazzjonijiet żvantaġġati: Il-parti tal-Belġju fejn huwa mitkellem l-Olandiż, il-Ġermanja, l-Italja u l-Awstrija jispikkaw għaliex għandhom kemm appoġġ finanzjarju żviluppat tajjeb għall-istudenti li ġejjin minn ambjenti żvantaġġjati u li jixtiequ jistudjaw jew jitħarrġu barra mill-pajjiż kif ukoll sistemi tajbin għall-monitoraġġ tal-mobilità f’termini tal-isfond soċjali.

1.1 Sfond

It-Tabella ta' Valutazzjoni għall-Mobilità tkopri t-28 Stat Membru tal-UE, kif ukoll l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Liechtenstein u t-Turkija. It-Tabella hija l-ewwel ħarsa ġenerali lejn il-fatturi koperti fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 dwar il-mobilità tat-tagħlim u se tkun il-bażi għall-monitoraġġ konġunt futur fil-livell tal-UE. L-aġġornament li jmiss huwa ppjanat li se jsir fl-2015.

It-Tabella ta' Valutazzjoni għall-Mobilità kienet żviluppata min-netwerk Eurydice, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u grupp konsultattiv ta’ esperti mill-Istati Membri. Eurydice huwa netwerk ta’ unitajiet nazzjonali, ikkoordinat mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA), li jagħti informazzjoni u analiżijiet dwar is-sistemi u l-politiki Ewropej tal-edukazzjoni.

Ħoloq utli

MEMO/14/07 It-Tabella ta' Valutazzjoni għall-Mobilità: Mistoqsijiet Frekwenti

Rapport ta' Eurydice: Towards a Mobility Scoreboard: Conditions for Learning Abroad in Europe (Lejn Tabella ta' Valutazzjoni għall-Mobilità: Kundizzjonijiet għat-Tagħlim barra mill-Pajjiż fl-Ewropa)

Il-websajt ta' Erasmus+ :

Mistoqsijiet Frekwenti dwar Erasmus+

Erasmus+ fuq Facebook:

Introduzzjoni għal Erasmus+ (filmat)

Statistika ta' Erasmus

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website