Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 8 ta' Settembru 2014

Kif nistgħu nagħmlu l-UE post aħjar għall-SMEs? Il-Kummissjoni tixtieq l-opinjoni tiegħek

X'jeħtieġu l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Ewropa mill-politika futura tal-UE? Din hija l-mistoqsija prinċipali tal-konsultazzjoni li varat illum il-Kummissjoni biex tgħin l-aġġornament tas-Small Business Act tal-UE (SBA). Is-SBA - sett mifrux ħafna ta' miżuri mfassla biex jiffaċilitaw l-ħajja għall-kumpaniji ż-żgħar - diġà wera li huwa bażi tajba għall-politika tal-SMEs. Minħabba l-fatt li huwa mibni fuq l-iskambju tal-aħjar prattiċi, tal-appoġġ għall-internalizzazzjoni u l-intraprenditorija kif ukoll l-aċċess għall-finanzjament (implimentat permezz tal-istrumenti finanzjarji ta' CIP u COSME), huwa jħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jutilizzaw soluzzjonijiet effettivi li ħadmu bnadi oħra u biex huma stess joħorġu b'ideat daqstant tajbin. Flimkien ma' inizjattivi b'saħħithom għal regolamentazzjoni intelliġenti dan għen biex l-SMEs ikunu kapaċi jaffaċċaw il-kriżi ekonomika.

Ferdinando Nelli Feroci, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "Hekk kif l-Ewropa tkompli fit-triq tal-irkupru, jeħtieġ li niżguraw li s-Small Business Act tal-UE għadu adattat. Għalhekk nistieden lill-partijiet interessati kollha fl-SMEs biex jikkomunikawlna l-opinjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tixtieq l-ideat tagħkom u hija lesta li tisma' s-suġġerimenti tagħkom."

Ħames pilastri biex ngħinu lin-negozji żgħar tal-UE jirnexxu

Matul din ir-rebbiegħa, l-organizzazzjonijiet tal-kummerċ fil-livell tal-UE u r-rappreżentanti tal-SMEs tal-gvernijijet nazzjonali (mibgħuta tal-SMEs) kienu diġà qablu li l-erba' pilastri eżistenti tas-SBA għandhom jibqgħu:

  • Aċċess għall-finanzjament: Minkejja xi indikazzjoni ta' attitudni iktar pożittiva, l-SMEs għadhom sew jeħtieġu soluzzjonijiet aċċessibbli għall-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom.

  • Aċċess għas-swieq / internazzjonalizzazzjoni: Jeħtieġ li jiġu esplorati swieq ġodda biex l-SMEs jikbru:

  • L-intraprenditorija: l-appoġġ kontinwu huwa kruċjali għall-imprendituri potenzjali minħabba l-livelli kontinwi ta' qgħad għoli speċjalment fost iż-żgħażagħ.

  • Regolamentazzjoni aħjar: it-tnaqqis tal-piż amministrattiv jibqa' mira importanti, minkejja l-progress li diġà sar f'dan il-qasam.

Biex tingħalaq il-lakuna tal-ħiliet f'ħafna ekonomiji Ewropej, intlaħaq ftehim ukoll biex jiżdied il-ħames pilastru biex il-politika tal-SMEs tal-UE issirdejjem iktar stabbli:

  • It-taħriġ u l-ħiliet tal-imprendituri u l-persunal: biex l-ekonomija tikber l-imprendituri nfushom jeħtieġu ħiliet ġodda u persunal kapaċi.

Sejħa għal azzjoni

Il-konsultazzjoni pubblika varata llum tkompli tfittex l-input mill-partijiet interessati kollha, inkluż l-imprendituri u l-organizzazzjonijiet tal-kummerċ, biex jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li s-SBA huwa adattat biex jaffaċċa l-isfidi futuri.

Minħabba l-fatt li l-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni jibqgħu miftuħin għal 12-il ġimgħa, din il-konsultazzjoni se tagħlaq fi 15/12/2014.

Il-konsultazzjoni pubblika tinsab fuq http://ec.europa.eu/eusurvey/runner/NewSBAsurvey2014.

Small Business Act

Is-Small Business Act għall-Ewropa, li ġie adottat f'Ġunju tal-2008, jirrifletti x-xewqa politika tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-SMEs fl-ekonomija tal-UE u għall-ewwel darba daħħal fis-seħħ qafas politiku komprensiv tal-SMEs għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Għandu l-għan li jtejjeb l-approċċ ġenerali għall-intraprenditorija, billi jankra b'mod permanenti l-prinċipju "L-ewwel Aħseb fiż-Żgħir" fit-tfassil tal-politika mir-regolamentazzjoni sas-servizz pubbliku, u biex jippromwovi t-tkabbir tal-SMEs billi jgħinhom jegħlbu l-problemi li għad baqa' li jxekklu l-iżvilupp tagħhom. Is-Small Business Act għall-Ewropa japplika għall-kumpaniji indipendenti kollha li għandhom inqas minn 250 impjegat: 99% tan-negozji Ewropej kollha.

Sfond

COSME huwa l-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju (SMEs) li beda fl-2014 u se jispiċċa fl-2020 b'baġit ippjanat ta' EUR 2.3 biljun b'effett ta' lieva li kapaċi jipprovdi sa EUR 25 biljun. Il-programm se jappoġġa l-SMEs fl-oqsma li ġejjin: aċċess aħjar għall-finanzjament għall-SMEs, aċċess għas-swieq u promozzjoni tal-kultura imprenditorjali. Il-programm COSME jibni fuq is-suċċess tal-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) li għen jimmobilizza iktar minn EUR 16 biljun f'self u EUR 2.8 biljun f'kapital ta' riskju għal iktar minn 328 000 SME fl-Ewropa bejn l-2007 u l-2013.

Aktar informazzjoni:

Small Business Act for Europe

Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-SMEs u Skeda Fattwali tal-Pajjiżi skont s-SBA

Irkupru fix-xefaq? Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2012/13

Nirreaġixxu għall-ħtiġijiet tan-negozji ż-żgħar

Kuntatti:

Miguel Sagredo (+32 2 296 85 89)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar