Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta’ Settembru 2014

Tessuti innovattivi biex tingħata spinta lis-settur tat-tkabbir tal-alka tal-baħar fl-UE

Didaskalija: Bugħaddas jispezzjona l-alka tal-baħar f’sit ta' ttestjar ta' AT~SEA viċin Galway, l-Irlanda. Niżżel ir-ritratt f'format ta' kwalità għolja hawn.

L-alka tal-baħar hija riżorsa importanti għall-ingredjenti tal-ikel u l-għalf, u fil-qasam tal-bijokimika u l-produzzjoni tal-bijofjuwils, iżda mhijiex sfruttata biżżejjed. It-tkabbir u l-ħsad ta' din ir-riżorsa b’mod effiċjenti u fuq skala kbira dejjem kien diffiċli. S’issa. Il-proġett AT~SEA, li huwa ffinanzjat mill-UE, żviluppa tessuti avvanzati li jagħtu rendimenti għoljin minn farms tal-alka li jinżammu f'wiċċ l-ilma, u li jippermettu tkabbir b'mod faċli bi proċessi mekkanizzati.

Bert Groenendaal, il-koordinatur tal-proġett tal-kumpanija Belġjana Sioen Industries, stqarr li t-tkabbir tal-alka tal-baħar fuq l-iskala li issa saret possibbli permezz tat-tessuti ġodda, jista' jikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta' industrija li tiġġenera biljuni ta' euro fl-Ewropa, biex b'hekk tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi. Sioen hija waħda minn seba’ kumpaniji involuti fil-proġett, li fih qed jieħdu sehem ukoll erba’ ċentri ta’ riċerka.

Huwa stqarr: “Il-potenzjal ekonomiku għall-alka huwa enormi. In-negozji huma interessati fid-diversi użi u applikazzjonijiet tal-alka, fosthom dawk tal-ikel u l-addittivi tal-ikel, l-għalf għall-annimali, is-sustanzi kimiċi u anki l-fjuwil.”

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire Geoghegan-Quinn, stqarret: “AT~SEA huwa biss wieħed fost ħafna mill-eżempji ta' kif il-finanzjament mill-UE jgħin lir-riċerkaturi u lin-negozji biex jikkollaboraw bl-għan li jinnovaw. Din ir-riċerka se tippermetti lin-negozji tal-UE jkabbru riżorsa siewja u ta' valur b'mod effiċjenti, u se tgħinhom jikkompetu fis-swieq globali. Il-programm il-ġdid ta' riċerka tal-UE Orizzont 2020, b'valur ta' EUR 80 biljun, jappoġġa lill-kumpaniji u lin-negozji b'mod li jkunu jistgħu joħorġu l-ideat tagħhom mil-laboratorju għal ġos-suq malajr u b'mod kosteffikaċi.”

F'testijiet li saru fuq it-tessuti ta' AT~SEA f’siti ta' ttestjar f’Solund, in-Norveġja, f'Oban, l-Iskozja u f'Galway, l-Irlanda, ġew prodotti sa 16 kg ta’ alka mxarrba għal kull metru kwadru – jiġifieri rendiment ta' bejn tliet u ħames darbiet aktar minn dak miksub permezz tat-tkabbir tal-alka b'metodi tradizzjonali.

Bħalissa, l-alka tiġi prodotta billi titkabbar l-alka selvaġġa, jew permezz tal-metodu tat-tkabbir bil-ħbula. Ebda wieħed minn dawn il-metodi ma jista' jsir fuq skala kbira, billi jinvolvu ħafna xogħol u jrendu kwantitajiet relattivament żgħar.

It-tim tal-proġett żviluppa tessuti li huma kapaċi jżommu għadd kbir ta’ pjanti tal-alka mingħajr ma jinqasmu, u li fuqhom ma jikbrux pjanti jew molluski mhux mixtieqa. Kisjiet derivati minn materjali bijoloġiċi jipproteġu l-alka sa minn meta tkun għadha kemm bdiet tikber, u jgħinuha tikber aħjar.

It-tessuti huma tajbin biex jintużaw bħala twapet kbar ta' ħxuna ta' 1 mm, li jinżammu ftit metri taħt wiċċ il-baħar biex fuqhom jikbru l-pjanti tal-alka. Meta l-pjanti tal-alka jilħqu d-daqs massimu tagħhom, dawn jinqatgħu minn ġot-twapet tat-tkabbir permezz ta' magni installati fuq vapuri, u jiġu ttrasferiti f'tankijiet flessibbli tal-ħżin magħmula mit-tessuti avvanzati ta' AT~SEA.

F’Settembru 2014, AT~SEA se tibda tkabbar l-alka fuq erja totali ta’ twapet ta' 200 metru kwadru f'kull wieħed mit-tliet siti ta' ttestjar. L-għan hu li tevalwa l-potenzjal tagħhom għall-użu kummerċjali. Groenendaal jikkalkula li r-rendimenti jistgħu jiżdiedu sa 20-25 kg għal kull metru kwadru, hekk kif il-konsorzju jipperfezzjona t-tekniki tiegħu.

Il-konsorzju AT~SEA applika għal privattiva fuq it-tessuti. Wara tmiem il-proġett f’Lulju 2015, il-konsorzju beħsiebu jistabbilixxi sit ta' tkabbir ta' erja ta' bejn 2 u 3 ettari, permezz ta’ kumpanija kummerċjali derivata minn AT~SEA.

Apparti l-użu tagħhom għat-tkabbir tal-alka, il-proġett jindika wkoll li t-tessuti jista' jkollhom użi oħra. Fosthom insibu applikazzjonijiet f'tipi oħra ta’ akkwakultura, u użu bħala kontenituri flessibbli għat-trasportazzjoni tal-ilma ħelu bil-baħar.

L-alka għandha wkoll diversi użi potenzjali. Ċertu tipi ta' alka huma sorsi ta' sustanzi bijokimiċi għall-mediċini, għall-kożmetiċi naturali u għall-fertilizzanti organiċi. Tipi oħra jidhru li għandhom potenzjal tajjeb biex jikkontribwixxu lejn il-produzzjoni sostenibbli tal-bijofjuwils, jekk jiġu mkabbra fil-kwantitajiet meħtieġa għall-produzzjoni industrijali.

Użu potenzjali ieħor jikkonsisti mill-użu tal-alka għall-produzzjoni tal-ikel u tal-ingredjenti tal-ikel. Fil-pajjiżi Ażjatiċi, ċertu speċijiet jitkabbru b'mod estensiv u jittieklu kif inhuma, mingħajr ma jiġu pproċessati. Hawnhekk fl-Ewropa, l-ikel ipproċessat, bħall-ħalib taċ-ċikkulata, il-jogurt, tipi ta' xorb tajjeb għas-saħħa u tipi ta' birra, fihom il-polisakkaridi tal-alka, bħalma huma l-agars, il-carrageenans u l-alġinati, li jintużaw bħala aġenti li jgħaqqdu jew emulsifikanti. Fil-qasam tal-produzzjoni tal-ikel, mill-alka jistgħu jiġu estratti wkoll il-lipidi, il-proteini, l-antiossidanti, il-ġellifikanti, il-vitamini u l-minerali essenzjali ta' valur għoli.

It-tkabbir tal-alka fuq skala kbira jista' wkoll ikollu impatt pożittiv fuq l-ekosistemi tal-oċean. L-alka mkabbra fil-farms tal-alka tista' tassorbi s-CO2 żejjed fl-ilma, kif ukoll in-nutrijenti żejda minn farms tal-ħut fil-viċinanzi. Din tista' tipprovdi wkoll ħabitats siguri għall-ħut u l-frott tal-baħar bil-qoxra, li kieku jinsab mhedded minħabba s-sajd.

Tagħrif eżistenti

Il-proġett AT~SEA, li ngħata finanzjament ta' EUR 3.4 miljun mill-UE, għaqqad flimkien 6 SMEs, kumpanija ta' daqs kbir u 4 ċentri ta’ riċerka mill-Belġju, l-Irlanda, il-Marokk, in-Norveġja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit.

Il-proġett ingħata l-finanzjament bħala parti mis-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (2007-2013) tal-Unjoni Ewropea.

Fl-1 ta' Jannar 2014, l-Unjoni Ewropea nediet programm ġdid mifrux tul seba’ snin għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni msejjaħ Orizzont 2020. Matul is-seba’ snin li ġejjin, se jiġu investiti kważi EUR 80 biljun fi proġetti ta' riċerka u innovazzjoni, sabiex tiġi appoġġata l-kompetittività ekonomika tal-Ewropa u sabiex jiġu estiżi l-fruntieri tal-għarfien tal-bniedem. Il-baġit tar-riċerka tal-UE huwa ffukat prinċipalment fuq it-titjib tal-ħajja ta’ kuljum f’oqsma bħas-saħħa, l-ambjent, it-trasport, l-ikel u l-enerġija. Is-sħubijiet ta’ riċerka mal-industriji tal-farmaċewtika, l-ajruspazju, il-karozzi u l-elettronika wkoll iħeġġu l-investiment mis-settur privat b’appoġġ għat-tkabbir futur u l-ħolqien ta’ impjiegi li jitolbu kwalifiki għolja. Orizzont 2020 se jkun saħansitra iktar iffukat fuq it-trasformazzjoni ta’ ideat eċċellenti fi prodotti, proċessi u servizzi kummerċjabbli.

Għal aktar tagħrif

AT~SEA: http://www.atsea-project.eu

Artiklu u filmat tar-rivista Horizon Magazine: http://horizon-magazine.eu/article/new-dimension-seaweed-farming_en.html

Il-websajt ta' Orizzont 2020: http://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tan-numru tat-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz tal-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website