Navigation path

Left navigation

Additional tools

"Kul sew – u tħossok tajjeb": Il-Kummissjoni tipproponi li tiġbor flimkien u ssaħħaħ l-iskemi eżistenti tal-ħalib u l-frott fl-iskejjel

European Commission - IP/14/94   30/01/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta’ Jannar 2014

"Kul sew – u tħossok tajjeb": Il-Kummissjoni tipproponi li tiġbor flimkien u ssaħħaħ l-iskemi eżistenti tal-ħalib u l-frott fl-iskejjel

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta li tiġbor flimkien żewġ skemi li bħalissa huma separati fl-iskejjel, l-Iskema tal-Frott fl-Iskejjel u l-Iskema tal-Ħalib fl-Iskejjel, fi ħdan qafas konġunt. F’kuntest ta’ konsum dejjem jonqos ta' dawn il-prodotti fost it-tfal, l-għan huwa li jiġi indirizzat in-nutriment ħażin bl-aktar mod effettiv, li jissaħħu l-elementi edukattivi tal-programmi u li jsir kontribut għall-ġlieda kontra l-obeżità. Bis-slogan “Kul sew - u tħossok tajjeb”, din l-iskema msaħħa mill-irziezet sal-iskejjel se tiffoka aktar fuq il-miżuri edukattivi biex jittejjeb l-għarfien tat-tfal dwar drawwiet tal-ikel tajbin, il-firxa ta’ prodotti tal-biedja disponibbli, kif ukoll il-kwistjonijiet ta' sostenibbiltà, ta' ħarsien tal-ambjent u ta' ħela tal-ikel.

Dacian Cioloș, il-Kummissjarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-UE, illum iddikjara: "Bil-bidliet proposti llum, nixtiequ nibnu fuq l-iskemi eżistenti, biex indawru x-xejra ta' tnaqqis fil-konsum u nżidu l-għarfien tat-tfal dwar il-benefiċċji potenzjali ta' dawn il-prodotti. Din hija miżura importanti biex isseħħ bidla b'mod sostnut fid-drawwiet tal-ikel tat-tfal u jittejjeb l-għarfien ta’ sfidi importanti li qed tiffaċċja s-soċjetà. Nittama wkoll li din tkun opportunità kbira biex insaħħu r-rabtiet bejn il-komunità tal-biedja u t-tfal, il-ġenituri u l-għalliema tagħhom, speċjalment fiż-żoni urbani.”

L-iskema l-ġdida se titħaddem fl-ambitu ta’ qafas legali u finanzjarju konġunt, b'titjib u simplifikar tar-rekwiżiti amministrattivi taħt iż-żewġ skemi eżistenti. Wara li jitwaqqaf dan il-qafas waħdieni se jitnaqqas il-piż amministrattiv u organizzattiv għall-awtoritajiet nazzjonali, l-iskejjel u l-fornituri u l-iskema ssir aktar effiċjenti. Il-parteċipazzjoni fl-iskema se tkun volontarja għall-Istati Membri, li se jkollhom ukoll il-flessibbiltà li jagħżlu l-prodotti li jixtiequ jqassmu.

Kif kien diġà programmat fil-ftehim tas-sena l-oħra dwar il-futur tal-infiq tal-UE, l-iskema l-ġdida, malli jintlaħaq qbil dwarha, se jkollha baġit ta' € 230 miljun għal kull sena skolastika (€150 miljun għall-frott u l-ħxejjex u € 80 miljun għall-ħalib). Dan jikkompara ma’ baġit ta’ EUR 197 miljun (EUR 122 miljun u EUR 75 miljun rispettivament) fil-baġit tal-2014. Il-proposta, li issa ser titressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tibni fuq is-sejbiet ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni u l-konsultazzjoni pubblika li twettqu fl-2013 fil-kuntest tal-proċess tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

Sfond

L-iskema tal-ħalib fl-Iskejjel twaqqfet fl-1977 u l-iskema tal-frott fl-iskejjel fl-2009. Miż-żewġ programmi jibbenefikaw kważi 30 miljun tifel u tifla kull sena (aktar minn 20 miljun fil-każ tal-iskema tal-ħalib u 8,5 miljun fil-każ tal-iskema tal-frott u l-ħxejjex fl-iskejjel). Il-ħtieġa għal dawn l-iskemi tidher saħansitra aktar rilevanti llum, fid-dawl tax-xejra ta' tnaqqis fuq medda medja ta’ żmien fil-konsum tal-ħalib, il-frott u l-ħxejjex u tal-isfidi dwar in-nutrizzjoni. F’ħafna pajjiżi l-konsum ta’ frott u ħaxix mit-tfal qed jonqos u għadu taħt il-livell rakkomandat ta’ kuljum. Qed jonqos ukoll il-konsum tal-ħalib u t-tfal qed jikkunsmaw aktar prodotti pproċessati ħafna. Il-piż żejjed u l-obeżità huma preokkupazzjonijiet reali: Fl-2010, id-WHO stmat li madwar 1 minn kull 3 itfal bejn is-6 u d-9 snin fl-UE għandhom piż żejjed jew obeżità. Din ix-xejra qed tiżdied malajr: l-istimi għall-2008 kienu ta' 1 minn 4.

Informazzjoni addizzjonali

MEMO/14/69

Skema tal-Frott għall-Iskejjel

Skema ta’ Ħalib għall-Iskejjel

Kuntatti:

Roger Waite (+32 2 296 14 04)

Fanny Dabertrand (+32 2 299 06 25)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website