Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2014

Bastimenti tal-kruċiera aktar sikuri permezz ta’ riċerka ffinanzjata mill-UE

Bosta Ewropej jagħżlu li jqattgħu l-vakanzi tas-sajf tagħhom fuq vapur tal-kruċiera, jew jivvjaġġaw bil-baħar biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Aspett importanti ferm fil-qasam tal-vapuri tal-passiġġieri huwa s-sikurezza. Permezz ta’ riċerka ffinanzjata mill-UE, l-evakwazzjoni ta' vapuri kbar tal-passiġġieri tista' tkun aktar faċli u sikura fil-futur. Riċerkaturi ffinanzjati mill-UE qed jgħinu wkoll biex jiġu ddisinjati vapuri tal-kruċiera u laneċ tat-traġitt aktar stabbli.

Il-proġett ta' tliet snin LYNCEUS, li jintemm kmieni fl-2015, qed jixhed kif it-teknoloġiji bla wajers b’qawwa baxxa jistgħu jgħinu biex jiġu lokalizzati u rintraċċati l-persuni abbord il-vapuri, jipprovdu informazzjoni essenzjali f’każijiet ta’ evakwazzjoni, u jtejbu t-tiftix u s-salvataġġ fil-baħar. L-għan huwa li jirrivoluzzjonaw il-prattika attwali tal-evakwazzjoni tal-vapuri u tal-ġestjoni tal-emerġenzi.

Żviluppajna tags innovattivi li jaħdmu bla wajers, li jistgħu jiġu integrati fil-ġkieket tas-salvataġġ, biex il-post ta’ fejn jinsabu n-nies ġo bastiment ikun jista’ jiġi faċilment identifikat,” qal Dr Anastasis Kounoudes, il-kap tekniku u CEO ta' SignalGeneriX, wieħed mill-imsieħba fil-proġett. "Dan se jipprovdi lill-uffiċjali tas-sikurezza l-pożizzjoni eżatta ta' kull passiġġier u membru tal-ekwipaġġ waqt li tkun għaddejja evakwazzjoni." Din it-teknolġija tista' tintuża wkoll biex tissorvelja s-saħħa ta' pazjenti li jitolbu li jilbsu brazzuletti speċjali, jew biex tgħin lill-ġenituri jintraċċaw lil uliedhom fuq vapuri tal-kruċiera kbar, li jafu jġorru eluf ta' passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ. Ir-riċerkaturi fil-proġett żviluppaw ukoll apparat tar-radar li jista' jidentifika l-post eżatt ta’ passiġġieri li jkunu waqgħu fil-baħar.

Il-proġett GOALDS, li ntemm fl-2012, ħoloq disinji ġodda għall-bastimenti kbar tal-kruċiera biex tiżdied is-sikurezza tagħhom fil-każ ta’ kolliżjoni jew inkaljar. Permezz tat-tfassil mill-ġdid, il-bastimenti jkollhom sa 20% iktar ċans ta' sopravivenza f'każ ta' inkaljar jew ħabtiet. Dawn ir-riżultati ġew sottomessi lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali biex ittejjeb l-istandards u l-kalkoli tas-sikurezza għall-bastimenti tal-kruċiera. Il-proġett GOALDS huwa parti minn qafas ta’ riċerka ffinanzjata mill-UE, intiża biex ittejjeb is-sikurezza marittima.

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire Geoghegan-Quinn, qalet: "Dawn il-proġetti huma eżempji tajbin ta' kif qegħdin nindirizzaw kwistjonijiet li jistgħu jtejbu ħajjet in-nies – u f'dan il-każ partikolari anki potenzjalment isalvaw il-ħajjiet. Se nkomplu ninvestu f’dan it-tip ta’ riċerka u innovazzjoni fil-programm ġdid tagħna Orizzont 2020.”

Sfond

Il-proġett Lynceus, appoġġjat b’EUR 2.5 miljuni f’finanzjament mill-UE, jinvolvi 15-il parteċipant minn Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, Spanja, l-Isvizzera u r-Renju Unit. Huwa kkoordinat mill-konsulenza Ċiprijotta RTD Talos Ltd. Din ir-riċerka tappoġġja wkoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Tagħmir tal-Baħar li ġiet emendata riċentement, li tipprevedi l-possibbiltà tal-introduzzjoni tal-ittaggjar elettroniku fuq il-vapuri li jtajru l-bandieri tal-UE.

Il-proġett GOALDS irċieva madwar EUR 3 miljun f’finanzjament mill-UE. Dan involva 19-il parteċipant minn disa’ pajjiżi u ġie kkoordinat mill-Università Teknika Nazzjonali ta’ Ateni.

Iż-żewġ proġetti rċevew finanzjament taħt is-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (2007-2013) tal-Unjoni Ewropea.

Fl-1 ta' Jannar, l-UE nediet programm ġdid ta' seba’ snin għar-Riċerka u l-Innovazzjoni msejjaħ Orizzont 2020. Matul is-seba’ snin li ġejjin, kważi EUR 80 biljun se jiġu investiti fi proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni biex isostnu l-kompetittività ekonomika tal-Ewropa u jestendu l-fruntieri tal-għarfien uman. Il-baġit tar-riċerka tal-UE huwa ffokat prinċipalment fuq it-titjib tal-ħajja ta’ kuljum f’oqsma bħas-saħħa, l-ambjent, it-trasport, l-ikel u l-enerġija. Sħubijiet ta’ riċerka mal-industriji tal-farmaċewtika, il-karozzi, l-ajruspazju, il-ferroviji u l-elettronika wkoll iħeġġu l-investiment fis-settur privat b’appoġġ għat-tkabbir futur u l-ħolqien ta’ impjiegi b'ħiliet għolja. Orizzont 2020 se jkun saħansitra iktar iffukat fuq it-trasformazzjoni ta’ ideat eċċellenti fi prodotti, proċessi u servizzi kummerċjabbli.

Għal aktar tagħif

Lynceus: http://www.lynceus-project.eu/

Filmati tal-Euronews: http://www.euronews.com/2014/05/05/don-t-panic/

Il-websajt ta' Orizzont 2020: http://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl- e­mail


Side Bar