Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew: Se jkun aktar faċli għaċ-ċittadini li joħorġu bħala kandidati f’pajjiż ieħor tal-UE

European Commission - IP/14/87   29/01/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-29 ta' Jannar 2014

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew: Se jkun aktar faċli għaċ-ċittadini li joħorġu bħala kandidati f’pajjiż ieħor tal-UE

Skont ir-regoli tal-UE li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-Istati Membri kollha mil-lum, se jkun aktar faċli għaċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014. Il-liġi l-ġdida, li ġiet stabbilita fl-2012 (MEMO/12/1020) u li hija aġġornament ta’ regoli preċedenti (id-Direttiva 2013/1/UE), tissimplifika l-proċedura għaċ-ċittadini tal-UE mhux nazzjonali li joħorġu bħala kandidati għall-Parlament Ewropew. L-Istati Membri kellhom sa lbieraħ (it-28 ta’ Jannar 2014) biex jimplimentaw ir-regoli aġġornati. Madankollu, skont l-aħħar tagħrif li wasal mill-Kummissjoni Ewropea, kienu biss 14-il Stat Membru (il-Kroazja, Ċipru, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovenja, l-Isvezja, ir-Renju Unit) li nnotifikaw il-liġijiet tagħhom b'mod formali qabel l-iskadenza. Il-liġi l-ġdida hija parti minn għadd ta’ miżuri mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea biex jippromwovu parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se ssir bejn it-22 u l-25 ta’ Mejju 2014 (ara wkoll IP/13/215).

"L-Ewropa trid tinbena bil-parteċipazzjoni tal-Ewropej. Huwa essenzjali li ċ-ċittadini jagħtu l-opinjoni tagħhom waqt li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa u timxi 'l quddiem. Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jivvota jew joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet Ewropej, sew jekk jgħix f'pajjiżu kif ukoll jekk jagħmel dan fi Stat Membru ieħor tal-UE. Dan id-dritt għandu jkun effettiv fl-Unjoni kollha kemm hi," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. “Ninsab diżappuntata nara li nofs l-Istati Membri tal-UE biss żammew mad-data ta’ skadenza biex jaġġornaw dawn ir-regoli. Nappella lil dawk li għadhom ma implimentawx ir-regoli biex jagħmlu dan mill-aktar fis, sabiex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fl-elezzjonijiet li jmiss. Fil-perjodu ta’ qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea se żżomm għajnejha fuq is-sitwazzjoni. Kull vot jgħodd f’elezzjoni."

Fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010 tagħha, il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni tat-tnaqqis kontinwu fl-għadd ta’ nies li joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej u l-ħtieġa li titħaffef il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fl-elezzjonijiet (IP/10/1390, MEMO/10/525). Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għaċ-ċittadini mhux nazzjonali tal-UE biex joħorġu bħala kandidati fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom hija mod wieħed kif tiġi indirizzata din il-kwistjoni.

Taħt ir-regoli l-ġodda tal-UE, il-kandidati ma jibqgħux ikunu obbligati jmorru lura fl-Istat Membru li jkun pajjiżhom biex jiksbu ċertifikat li jiddikjara li mhux qed jiġu mwaqqfa milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li joħorġu bħala kandidat. Minflok, meta japplikaw biex joħorġu bħala kandidat fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, se jintalbu biss biex jipprovdu dijkarazzjoni f’dak is-sens u l-oneru ta’ din l-evidenza se jaqa’ fuq l-awtorità elettorali tal-Istat Membru ta’ residenza.

Il-Kummissjoni ħadet ukoll azzjoni biex tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex pajjiżhom jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej bl-istess kundizzjonijiet bħala ċittadini nazzjonali (IP/13/874), skont il-liġi tal-UE (l-Azzjoni 18 tar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE).

Sfond

Bis-saħħa taċ-ċittadinanza tal-UE – li tikkumplimenta iżda ma tissostitwix iċ-ċittadinanza nazzjonali – iċ-ċittadini kollha tat-28 Stat Membru tal-UE jgawdu minn għadd ta’ drittijiet addizzjonali bħala ċittadini tal-UE. Dawn jinkludu d-dritt li wieħed jivvota u joħroġ għall-elezzjonijiet lokali u tal-Parlament Ewropew fil-pajjiż li jgħix fih. Aktar minn 14-il miljun ċittadin bħalissa jgħixu fi Stat Membru ieħor li mhuwiex pajjiżhom, inkluż 'il fuq minn tmien miljuni ta' età tal-votazzjoni.

Wara li d-diskussjonijiet dwar ir-regoli proposti biex jiffaċilitaw l-użu tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet Ewropej waqqfu fl-2008 fil-Kunsill, f’Ottubru 2011 il-Kummissjoni Ewropea nediet mill-ġdid in-negozjati. Il-Kummissjoni għamlet dan billi ffokat fuq l-aspett ewlieni tal-proposta oriġinali tal-2006: simplifikazzjoni tal-proċeduri għaċ-ċittadini tal-UE mhux nazzjonali bħala kandidati. B’riżultat ta’ dan, ir-regoli ġew adottati fl-20 ta’ Diċembru 2012 (MEMO/12/1020), bi skadenza għall-implimentazzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali ta’ sentejn wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

Fl-2006 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tbiddel ir-regoli tal-1993, li stipulaw l-arranġamenti biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw jew li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru tal-UE fejn jgħixu.

Il-proposta tal-Kummissjoni kienet tissimplifika l-proċedura għal dawk il-kandidati li joħorġu għall-elezzjoni fi Stat Membru li mhuwiex pajjiżhom u tagħmel riforma fil-mekkaniżmu biex tiġi evitata xi votazzjoni doppja fl-elezzjonijiet Ewropej. Minħabba li l-Istati Membri ma setgħux jaqblu b'mod unanimu dwar l-arranġamenti li jikkonċernaw il-votazzjoni doppja, in-negozjati dwar il-proposta kienu ġew sospiżi fl-2008.

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea – Iċ-ċittadinanza tal-UE

http://ec.europa.eu/justice/citizen

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter:@VivianeRedingEU

Segwi l-Ġustizzja tal-UE fuq Twitter: @EU_Justice

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta­elettronika


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website