Navigation path

Left navigation

Additional tools

155 impriża żgħira se jirċievu finanzjament fl-ewwel serje ta' għotjiet fl-ambitu tal-Istrument tal-SMEs tal-UE

European Commission - IP/14/876   24/07/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta’ Lulju 2014

155 impriża żgħira se jirċievu finanzjament fl-ewwel serje ta' għotjiet fl-ambitu tal-Istrument tal-SMEs tal-UE

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tħabbar l-ewwel riżultati tal-istrument il-ġdid tagħha għall-SMEs, b'valur ta’ EUR 3 biljun, imniedi taħt Orizzont 2020 bħala għajnuna għal impriżi innovattivi żgħar biex iwasslu l-ideat mil-laboratorju għas-suq. B’kollox, 155 SME minn 21 pajjiż (Stati Membri tal-UE jew pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont 2020) se jirċievu EUR 50,000 'l wieħed biex jiffinanzjaw studji ta’ fattibbiltà għall-iżvilupp tal-istrateġija ta’ innovazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-SMEs jistgħu jgawdu minn massimu ta’ tlett ijiem ta’ kkowċjar imprenditorjali.

L-SMEs Spanjoli kienu partikolarment ta’ suċċess fl-ewwel rawnd, b’39 proposta magħżula, segwiti mill-qrib mill-SMEs mir-Renju Unit u mill-Italja. B’kollox, kien hemm 2,666 applikazzjoni għall-ewwel għotjiet. L-applikanti li jirnexxu se jiġu notifikati formalment f’Awwissu. Wara dan, isimhom jitħabbar pubblikament mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-SMEs (EASME), li tmexxi l-programm.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "Ir-rispons għall-Istrument il-ġdid tal-SMEs iqawwilna qalbna. Jidher biċ-ċar li hemm domanda għal dan it-tip ta’ appoġġ. Nittama li ħafna mill-pjanijiet tan-negozju li qed jiġu ffinanzjati jimmaturaw biex isiru prodotti u servizzi reali, u joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi għall-ekonomiji tagħna. Aħna neħtieġu li l-promoturi tal-innovazzjoni tagħna joktru!”

L-istrument tal-SMEs huwa element ewlieni tal-finanzjament għal negozji żgħar disponibbli taħt Orizzont 2020. B'valur ta’ madwar EUR 3 biljun fuq perjodu ta’ seba’ snin, joffri għotjiet veloċi u sempliċi għal studji ta’ fattibbiltà għall-innovazzjoni tan-negozju (Fażi 1) u proġetti ta’ dimostrazzjoni (Fażi 2). Barra minn hekk, kunċetti ta' investment matur jistgħu jibbenefikaw minn konsulenza għall-iżvilupp tan-negozju u servizzi oħra ta’ appoġġ (Fażi 3).

Permezz tal-istrument tal-SMEs, l-Unjoni Ewropea trid tiffinanzja l-aktar kumpaniji żgħar innovattivi, b’potenzjal għoli ta’ tkabbir. Il-proċess ta’ applikazzjoni huwa faċli iżda l-aħjar proġetti biss jistgħu jistennew li jirċievu finanzjament. It-Temi eliġibbli huma stabbiliti f’Orizzont 2020, il-programm ta’ ħidma dwar l-“Innovazzjoni fl-SMEs”.

L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati fi kwalunkwe ħin iżda jiġu evalwati erba’ darbiet kull sena. Ir-riżultati tal-lum jikkonċernaw applikazzjonijiet li waslu sal-ewwel skadenza għall-għotjiet ta' Fażi 1 fit-18 ta’ Ġunju 2014. L-iskadenzi li jmiss għall-evalwazzjoni huma l-24 ta’ Settembru 2014 għall-Fażi 1 u d-9 ta’ Ottubru għall-Fażi 2.

Madwar 645 proġett (skont Fażijiet 1 u 2 ) għandhom jiġu ffinanzjati fl-2014, u se jitilgħu għal 670 fl-2015.

Għal aktar tagħrif

Strument tal-SMEs

Twitter @H2020SME

Infografika — l-istrument tal-SMEs tal-Orizzont 2020 fil-qosor

Applika għall-finanzjament tal-istrument tal-SMEs

Sfond

B’baġit ta’ madwar EUR 80 biljun fuq perjodu ta' seba’ snin, Orizzont 2020 huwa l-akbar programm tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE u jipprevedi finanzjament rekord għall-SMEs. Huwa mistenni li l-SMEs se jgawdu direttament fil-forma ta' għotjiet, inkluż permezz tal-Istrument tal-SMEs, minn mill-inqas 20 %, jew kważi EUR 9 biljun mill-pilastri "tmexxija fit-teknoloġiji industrijali" u "sfida soċjali" tal-Orizzont 2020. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment se jingħaqdu biex iħeġġu l-banek u intermedjarji finanzjarji oħra jsellfu jew jipprovdu ekwità lil kumpaniji xprunati mill-innovazzjoni permezz ta' InnovFin – Finanzi tal-UE għall-Innovaturi (ara IP/14/670). Kumpaniji oħrajn jistgħu jiksbu aċċess għall-finanzjament taħt il-COSME (ara IP/14/851).

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website