Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tniedi l-ewwel Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni

European Commission - IP/14/86   03/02/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 3 February 2014

Il-Kummissjoni tniedi l-ewwel Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni

Il-korruzzjoni tibqa’ sfida għall-Ewropa. B'effett fuq l-Istati Membri tal-UE kollha, il-korruzzjoni tiswa' lill-ekonomija tal-Ewropa madwar EUR 120 biljun fis-sena. L-Istati Membri ħadu bosta inizjattivi f’dawn l-aħħar snin, iżda r-riżultati huma irregolari u għandu jsir aktar għall-prevenzjoni u l-ikkastigar tal-korruzzjoni. Dawn huma xi wħud mill-konklużjonijiet mill-ewwel Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni li qatt sar, ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea.

Ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni jispjega s-sitwazzjoni f'kull Stat Membru: liema miżuri kontra l-korruzzjoni jinsabu fis-seħħ, liema qed jaħdmu sew, x'jista' jitjieb u kif. Il-kapitli nazzjonali bl-Ingliż u bil-lingwi nazzjonali jinsabu hawn: http://ec.europa.eu/anti-corruption-report

Ir-rapport juri li kemm in-natura kif ukoll il-livell ta’ korruzzjoni, u l-effikaċja tal-miżuri meħuda biex jissiltulha, ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Dan juri wkoll li l-korruzzjoni jistħoqqilha aktar attenzjoni fl-Istati Membri kollha.

Dan jidher ukoll mir-riżultati ta’ stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-attitudnijiet tal-Ewropej lejn il-korruzzjoni li ġie ppubblikat illum. Id-dejta turi li tliet kwarti (76 %) tal-Ewropej jaħsbu li l-korruzzjoni għadha mifruxa u aktar minn nofs (56 %) jaħsbu li l-livell ta’ korruzzjoni f’pajjiżhom żdied matul l-aħħar tliet snin. Ewropew minn kull tnax(8 %) jgħid li għadda minn jew kien xhieda ta' każ ta' korruzzjoni fl-aħħar sena. Ir-riżultati tal-Ewrobarometru huma disponibbli hawn.

“Il-korruzzjoni ddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi u fl-istat tad-dritt, tweġġa’ lill-ekonomija Ewropea u ċċaħħad lill-Istati minn dħul fiskali tant meħtieġ. L-Istati Membri għamlu ħafna f’dawn l-aħħar snin biex jiġġieldu l-korruzzjoni, iżda r-Rapport tal-lum juri li dan għadu mhux biżżejjed. Ir-rapport jissuġġerixxi x’jista’ jsir, u qed nistenna bil-ħerqa biex naħdem mal-Istati Membri biex issegwuh", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni.

Il-korruzzjoni taffettwa l-Istati Membri kollha - b'ħafna modi differenti

Dawn huma wħud mit-tendenzi ewlenin marbuta mal-korruzzjoni madwar l-UE:

1. Mekkaniżmi ta’ kontroll

L-użu ta’ politiki ta' prevenzjoni (eż. regoli etiċi, il-miżuri ta' għarfien, l-aċċess faċli għal informazzjoni ta’ interess pubbliku). Hemm distakk notevoli fost l-Istati Membri dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni. Għal xi wħud, il-prevenzjoni effettiva kkontribwiet għal reputazzjoni kbira ta’ ftit korruzzjoni, oħrajn implimentaw politiki ta’ prevenzjoni b'mod mhux uniformi u b’riżultati limitati.

Mekkaniżmi tal-kontroll esterni u interni. F’ħafna Stati Membri, il-kontrolli interni dwar il-proċeduri fi ħdan l-awtoritajiet pubbliċi (partikolarment fil-livell lokali) huma dgħajfa u neqsin minn koordinazzjoni.

Kunflitti ta’ interess. Ir-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess ivarjaw minn parti għall-oħra tal-UE, u l-mekkaniżmi għall-kontroll tad-dikjarazzjoni tal-kunflitti ta’ interess huma ta’ spiss insuffiċjenti. Is-sanzjonijiet għal ksur ta’ regoli huma rarament applikati u spiss ikunu dgħajfa.

2. Prosekuzzjoni u pieni

Ir-regoli tal-liġi kriminali li jagħmlu l-korruzzjoni reat huma ġeneralment funzjonanti u jissodisfaw l-istandards tal-leġiżlazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, tan-NU u tal-UE. Madanakollu, d-Deċiżjoni Kwadru tal-UE 2003/568/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat ġiet trasposta mill-Istati Membri fil-liġi nazzjonali b’mod irregolari.

L-effiċjenza tal-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni fl-investigazzjoni tal-korruzzjoni tvarja ħafna madwar l-UE. Ir-riżultati pendenti jistgħu jidhru f’xi Stati Membri. F’xi oħrajn il-prosekuzzjonijiet b'suċċess huma rari jew l-investigazzjonijiet huma twal.

L-istatistiċi tal-kriminalità tal-korruzzjoni komprensii huma nieqsa f’ħafna mill-Istati Membri, u jikkomplikaw il-paragun u l-valutazzjoni. Ir-regoli proċedurali, inklużi regoli dwar it-tneħħija tal-immunitajiet ta’ politiċi, ifixklu l-każi ta’ korruzzjoni f’ċerti Stati Membri.

3. Id-dimensjoni politika

Ir-responsabbiltà politika. L-integrità fil-politika tibqa' kwistjoni ewlenija għal ħafna Stati tal-UE. Pereżempju, il-kodiċijiet ta’ kondotta fi ħdan il-partiti politiċi jew l-assemblej eletti f’livell ċentrali jew lokali ħafna drabi huma skarsi jew nieqsa mill-istrettezza.

L-iffinanzjar tal-partiti politiċi. Għalkemm ħafna Stati Membri adottaw regoli aktar b’saħħithom dwar il-finanzjament tal-partiti, għad hemm nuqqasijiet konsiderevoli. Is-sanzjonijiet dissważivi kontra l-finanzjament tal-partiti illegali huma imposti b'mod rari fl-UE.

4. Żoni ta’ riskju

Fi ħdan l-Istati Membri, r-riskji ta’ korruzzjoni huma ġeneralment aktar għolja fil-livell reġjonali u lokali fejn il-kontrolli, il-bilanċi u l-kontrolli interni għandhom it-tendenza li jkunu iktar dgħajfa milli fil-livell ċentrali.

L-iżvilupp urban u l-kostruzzjoni, kif ukoll il-każ tas-saħħa, huma setturi vulnerabbli għall-korruzzjoni f’għadd ta’ Stati Membri.

Jeżistu xi nuqqasijiet rigward is-superviżjoni ta’ kumpaniji tal-istat, fatt li jżid il-vulnerabbiltà tagħhom għall-korruzzjoni.

Il-korruzzjoni żgħira tibqa' problema mifruxa fi ftit Stati Membri biss.

Akkwist pubbliku: żona l-aktar vulnerabbli għall-korruzzjoni

Ir-rapport jinkludi kapitlu speċjali dwar l-akkwist pubbliku. Dan huwa qasam importanti ħafna għall-ekonomija tal-UE, hekk kif madwar wieħed minn ħamsa tal-PDG tal-UE jintefaq kull sena minn entitajiet pubbliċi li jixtru prodotti, xogħlijiet u servizzi. Huwa wkoll qasam suxxettibbli għall-korruzzjoni.

Ir-Rapport jitlob li jkun hemm standards ta' integrità aktar b'saħħithom fil-qasam tal-akkwist pubbliku u jissuġġerixxi titjib fil-mekkaniżmi ta' kontroll f'numru ta' Stati Membri. Informazzjoni dettaljata u punti speċifiċi ssuġġeriti għal aktar attenzjoni jistgħu jinstabu fil-kapitoli tal-pajjiżi.

Sfond

Ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni jkopri t-28 Stat Membru tal-UE kollha. Dan jikkonsisti minn:

Kapitolu ġenerali li jiġbor fil-qosor is-sejbiet ewlenin, li jiddeskrivi x-xejriet marbuta mal-korruzzjoni madwar l-UE, u janalizza kif l-Istati Membri jindirizzaw il-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku.

Il-Kapitoli tat-28 Pajjiż li jipprovdu stampa tas-sitwazzjoni ġenerali dwar korruzzjoni, jidentifikaw kwistjonijiet li jeħtieġu iktar attenzjoni, u jenfasizzaw prattiċi tajba li jistgħu jispiraw lill-oħrajn.

Ir-rapport jinkludi wkoll ir-riżultati ta’ żewġ stħarriġiet tal-Ewrobarometru dwar il-perċezzjoni tal-korruzzjoni fost iċ-ċittadini Ewropej fuq naħa u kumpaniji min-naħa l-oħra.

Ħoloq Utli

Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoniinklużi l-kapitli tal-pajjiżi, l-istħarriġiet tal-Ewrobarometru, fuljetti ta' tagħrif u mistoqsija u tweġiba: http://ec.europa.eu/anti-corruption-report

Is-sit elettroniku ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Is-sit elettronikutad-DĠ dwar l-Affarijiet Interni

Segwi lid-DĠ dwar l-Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti:

Michele Cercone (+ 32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+ 32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website