Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-29 ta’ Jannar 2014

Riforma strutturali tas-settur bankarju tal-UE

Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli ġodda biex twaqqaf lill-akbar u l-aktar banek kumplessi milli jinvolvu ruħhom fl-attività riskjuża ta’ negozjar għan-nom proprju. Ir-regoli l-ġodda jagħtu wkoll is-setgħa lis-superviżuri li jitolbu lil dawk il-banek biex jisseparaw ċerti attivitajiet ta' negozjar li jkunu potenzjalment riskjużi min-negozju ta' teħid ta' depożiti tagħhom jekk it-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet jikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja. Flimkien ma’ din il-proposta, il-Kummissjoni adottat miżuri ta’ akkumpanjament immirati biex iżidu t-trasparenza ta’ ċerti tranżazzjonijiet fis-settur bankarju parallel. Dawn il-miżuri jikkumplimentaw ir-riformi ġenerali li diġà saru biex isaħħu s-settur finanzjarju tal-UE.

Fl-abbozzar tal-proposti tagħha, il-Kummissjoni qieset ir-rapport utli mill-Grupp ta’ Livell Għoli ppresedut mill-Gvernatur tal-Bank tal-Finlandja, Erkki Liikanen (IP/12/1048), kif ukoll ir-regoli nazzjonali eżistenti f’xi Stati Membri, il-ħsieb globali dwar il-kwistjoni (il-prinċipji tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja) u żviluppi f’ġuriżdizzjonijiet oħra.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Il-proposti tal-lum jikkostitwixxu l-aħħar sehem importanti sabiex tiġi ffinalizzata l-bidla regolatorja tas-sistema bankarja tal-Ewropa. Din il-leġiżlazzjoni tittratta l-għadd żgħir ta’ banek kbar ħafna li f'sitwazzjoni oħra kienu jkunu kbar wisq biex ifallu, għali wisq biex jiġu salvati, kumplessi wisq biex jiġu riżolti. Il-miżuri proposti se jkomplu jsaħħu l-istabbiltà finanzjarja u jiżguraw li l-kontribwenti ma jispiċċawx iħallsu għall-iżbalji tal-banek. Il-proposti tal-lum se jipprovdu qafas komuni fil-livell tal-UE - meħtieġ biex jiżgura li soluzzjonijiet nazzjonali diverġenti ma joħolqux diviżjonijiet fl-Unjoni Bankarja jew ifixklu l-funzjonament tas-suq uniku. Il-proposti jiġu analizzati bir-reqqa biex jiġi żgurat bilanċ delikat bejn l-istabbilità finanzjarja u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet xierqa għal self lill-ekonomija reali, li huwa partikolarment importanti għall-kompetittività u t-tkabbir."

Mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kienu involuti f’bidla fundamentali tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-banek. L-UE introduċiet riformi biex tnaqqas l-impatt ta’ fallimenti bankarji potenzjali bl-objettivi li tinħoloq sistema finanzjarja aktar sikura, soda, trasparenti u responsabbli li taħdem favur l-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi. Biex tiżdied ir-reżistenza tal-banek u jitnaqqas l-impatt ta’ fallimenti bankarji potenzjali, ġew adottati regoli ġodda dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-banek (MEMO/13/690) u l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek (MEMO/13/1140). L-Unjoni Bankarja tnediet. Madankollu, ċerti banek tal-UE jistgħu xorta waħda jibqgħu kbar wisq biex ifallu, għali wisq biex jiġu salvati u kumplessi wisq biex jiġu riżolti. Għaldaqstant huma meħtieġa miżuri ulterjuri, b'mod partikolari separazzjoni strutturata tar-riskji assoċjati mal-attivitajiet ta' negozjar tal-banek mill-funzjoni ta' teħid tad-depożiti tagħhom. Il-proposti tal-lum għandhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE filwaqt li jiżguraw li l-banek ikomplu jiffinanzjaw l-attività ekonomika u t-tkabbir.

Il-proposta dwar ir-riforma strutturali tal-banek tal-UE se tapplika biss għall-akbar u l-aktar banek kumplessi tal-UE b'attivitajiet ta' negozjar sinifikanti. Din se:

1. Tipprojbixxi negozjar għan-nom proprju fi strumenti finanzjarji u komoditajiet, jiġifieri negozjar għan-nom proprju għall-iskop uniku li jsir profitt għall-bank. Din l-attività tinvolvi ħafna riskji iżda l-ebda benefiċċji tanġibbli għall-klijenti tal-bank jew għall-ekonomija aktar wiesgħa.

2. Tagħti s-setgħa lis-superviżuri u, f’ċerti każijiet, l-obbligu li jeħtieġu t-trasferiment ta’ attivitajiet oħrajn ta' negozjar b’riskju għoli (bħal pereżempju l-ġenerazzjoni tas-suq, operazzjonijiet kumplessi ta' derivattivi u titolizzazzjoni) biex jisseparaw entitajiet ta' negozjar legali fil-grupp (“subsidiarisation”). Dan għandu l-għan li jnaqqas ir-riskju li l-banek jevitaw il-projbizzjoni ta’ ċerti attivitajiet ta' negozjar billi jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta' negozjar għan-nom proprju moħbija li jsiru sinifikanti wisq jew b’ingranaġġ għoli u potenzjalment ipoġġu l-bank kollu u s-sistema finanzjarja aktar wiesgħa f’riskju. Il-banek se jkollhom il-possibbiltà li ma jisseparawx l-attivitajiet jekk ikunu jistgħu juru għas-sodisfazzjon tas-superviżur tagħhom li r-riskji ġġenerati jittaffew permezz ta' mezzi oħra.

3. Tipprovdi r-regoli dwar ir-rabtiet ekonomiċi, legali, ta' governanza u operattivi bejn l-entità ta' negozjar separata u l-kumplament tal-grupp bankarju.

Biex jiġi evitat li l-banek jippruvaw jevitaw dawn ir-regoli billi jmexxu partijiet mill-attivitajiet tagħhom għas-settur bankarju parallel li huwa anqas regolat, il-miżuri ta' separazzjoni strutturali jridu jkunu akkumpanjati minn dispożizzjonijiet li jtejbu t-trasparenza tas-sistema bankarja parallela. Għaldaqstant il-proposta ta' akkumpanjament dwar it-trasparenza se tipprovdi sett ta’ miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-fehim tar-regolaturi u l-investituri tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli (STFs). Matul il-kriżi finanzjarja dawn it-tranżazzjonijiet kienu sors ta’ kontaġju, ingranaġġ u proċikliċità. Monitoraġġ aħjar ta’ dawn it-tranżazzjonijiet huwa meħtieġ biex jiġi evitat ir-riskju sistemtiku inerenti mal-użu tagħhom.

Sfond

Fil-kuntest ta’ inizjattivi nazzjonali u dibattitu globali li dejjem qed jikber dwar il-merti ta’ riforma strutturali tal-banek, f’Novembru 2011 il-Kummissarju Barnier ħabbar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli ("HLEG") ippresedut mill-Gvernatur tal-Bank tal-Finlandja Erkki Liikanen, b’mandat biex jivvaluta l-ħtieġa għal riforma strutturali tas-settur bankarju tal-UE. F’Ottubru 2012 il-Grupp ippreżenta r-rapport tiegħu, li jirrakkomanda s-separazzjoni obbligatorja ta’ ċerti attivitajiet ta' negozjar b’riskju għoli għall-banek li l-attivitajiet ta' negozjar tagħhom jaqbżu ċerti limiti (IP/12/1048).

Fir-rigward tas-sistema bankarja parallela, fl-2013 il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja ppropona għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex jirregola s-settur. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew approvati f’Settembru 2013 fis-Summit tal-G20 f'San Pietruburgu.

Ara wkoll il-MEMO/14/63 u l-MEMO/14/64

Għal aktar tagħrif

and

http://ec.europa.eu/internal_market/bank/structural-reform/index_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e-mail


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site