Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta’ Lulju 2014

COSME: il-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Ewropew tal-Investiment jiffirmaw ftehim li se jistimola l-opportunitajiet ta' finanzjament għall-SMEs

L-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fl-Ewropa dalwaqt se jkollhom aċċess għal ammont li jlaħħaq sa EUR 25 biljun ta’ finanzjament addizzjonali, bħala riżultat ta’ ftehim iffirmat illum bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). Iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-ftehim se tkun ospitata mill-Kummissarju ġdid għall-Industrija u l-Intraprenditorija, Ferdinando Nelli Feroci.

Bis-saħħa ta’ EUR 1.3 biljuni allokati fil-baġit tal-COSME għall-finanzjament tal-SMEs, se jkun possibbli li jiġu mobilizzati EUR 25 biljun permezz ta' effetti ta' lieva minn intermedjarji finanzjarji matul is-seba' snin li ġejjin. Il-ftehim iwitti t-triq għall-għoti ta' finanzjament ta' ekwità u ta' dejn lill-SMEs fi ħdan il-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) sa tmiem l-2014. Wara l-iffirmar tal-ftehim, il-FEI se jniedi sejħa miftuħa għal espressjoni ta’ interess li għaliha jistgħu japplikaw l-istituzzjonijiet finanzjarji eliġibbli (banek, istituzzjonijiet ta’ garanzija, fondi eċċ.). Wara analiżi approfondita, il-FEI se jagħżel l-intermedjarji finanzjarji li mbagħad se jkunu jistgħu jqiegħdu l-finanzjament ġdid għad-dispożizzjoni tal-SMEs Ewropej fis-setturi kollha.

Ferdinando Nelli Feroci, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: “Permezz tal-programm COSME, l-SMEs Ewropej dalwaqt se jkollhom aċċess għal massimu ta' EUR 25 biljun f'finanzjament addizzjonali fl-għamla ta' garanziji ta' dejn u ta' ekwità. Dan huwa parti importanti mir-rispons tal-UE biex tegħleb id-diffikultajiet magħrufa sew li l-SMEs iħabbtu wiċċhom magħhom meta jkunu jridu jiksbu aċċess għall-kreditu. L-iffirmar ta’ dan il-ftehim illum juri li l-Kummissjoni Ewropea hija impenjata bis-sħiħ biex tgħin lill-SMEs tal-UE jirnexxu: dawn huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE, u huma responsabbli għall-ħolqien ta' 85 % tal-impjiegi ġodda kollha.”

Pier Luigi Gilibert, il-Kap Eżekuttiv tal-FEI, qal: Permezz ta' COSME, il-FEI se jkun jista' jappoġġja numru saħansitra akbar ta' SMEs matul is-seba' snin li ġejjin. Billi nibnu fuq is-suċċessi tal-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-predeċessur ta' COSME, li ppermetta l-finanzjament ta’ madwar EUR 20 biljun u għen biex jiġu appoġġjati aktar minn 1 miljun impjieg, l-għan tagħna huwa li nkomplu ntejbu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament u nikkontribwixxu għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa.

EUR 21 biljun ta’ garanziji għall-SMEs

COSME se jopera permezz ta’ garanziji ta’ finanzjament għall-banek sabiex jgħinhom jipprovdu aktar self u lokazzjonijiet finanzjarji lill-SMEs. L-impatt huwa sostanzjali billi, minħabba l-effett ta’ lieva tal-Programm COSME, EUR 1 investit f'garanzija ta' self jippermetti sa EUR 30 ta’ finanzjament għall-SMEs. Dawn il-garanziji se jgħinu tipikament ħafna SMEs li altrimenti jistgħu ma jkunux kapaċi jiksbu finanzjament minħabba n-nuqqas ta' garanziji suffiċjenti.

Hu mistenni li sa 330 000 SMEs se jirċievu self sostnut minn garanziji ta' COSME, bil-valur totali ta’ self li jlaħħaq sa EUR 21 biljun. Abbażi tal-esperjenza tal-programm predeċessur ta' COSME, il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), hu mistenni li 90 % tal-benefiċjarji se jkollhom 10 impjegati jew inqas b’medja ta' self garantit ta’ madwar EUR 65,000. Din hija preċiżament il-kategorija tal-SMEs li bħalissa qed jiffaċċjaw l-aktar diffikultajiet biex jiksbu self.

EUR 4 biljun għall-ekwità biex jgħinu lill-SMEs jikbru u jespandu

Parti mill-baġit ta' COSME se jkun investit ukoll f’fondi li jipprovdu kapital ta’ riskju għall-istadju ta’ espansjoni tal-SMEs, b’mod partikolari dawk li joperaw bejn il-fruntieri. Il-maniġers tal-fond se joperaw fuq bażi kummerċjali, sabiex jiżguraw li l-investimenti jiffokaw fuq l-SMEs bl-akbar potenzjal ta’ tkabbir. Huwa mistenni li madwar 500 intrapriża se jirċievu ekwità, b’volum ta’ investiment globali li jlaħħaq sa EUR 4 biljun u jattira aktar finanzjament permezz ta' koinvestimenti minn sorsi pubbliċi u privati oħra.

Aċċess għall-finanzjament tal-UE

Il-Portal tal-Aċċess għall-Finanzi jipprovdi informazzjoni faċli, kompleta u aġġornata dwar kif l-imprendituri u l-SMEs jistgħu jiksbu aċċess għal total ta' aktar minn EUR 100 biljun ta' finanzjament tal-UE permezz ta’ diversi programmi tal-UE matul is-seba’ snin li ġejjin. Il-portal jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar kif l-SMEs jistgħu japplikaw għal finanzjament appoġġjat mill-UE, permezz ta' wieħed minn madwar 1,000 bank u istituzzjonijiet finanzjarji oħra. Il-portal huwa aċċessibbli fil-lingwi kollha tal-UE u għall-pajjiżi kollha tal-UE kif ukoll dawk kandidati.

Sfond

COSME huwa l-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020 b'baġit ippjanat ta' EUR 2.3 biljun b'effett ta' lieva li kapaċi jipprovdi sa EUR 25 biljun, se jappoġġja lill-SMEs fl-oqsma li ġejjin: aċċess aħjar tal-SMEs għall-finanzjament, aċċess għas-swieq u promozzjoni tal-kultura intraprenditorjali. Il-programm COSME jibni fuq is-suċċess tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) li permezz tiegħu ġew immobilizzati aktar minn EUR 16-il biljun ta’ self u EUR 2.8 biljuni ta’ kapital ta’ riskju lil aktar minn 328,000 SMEs fl-Ewropa mill-2007 sal-2013.

Aktar informazzjoni

Il-programm COSME

IP/14/753

Il-Portal tal-Aċċess għall-Finanzi

Dwar il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI)

Il-missjoni ċentrali tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) hija li jappoġġja lin-negozji mikro, żgħar u medji (SMEs) fl-Ewropa billi jgħinhom jiksbu aċċess għall-finanzi. Il-FEI jfassal u jiżviluppa kapital ta’ riskju u tkabbir, garanziji u strumenti ta’ mikrofinanzjament li jimmiraw speċifikament għal dan is-settur tas-suq. F’dan ir-rwol, il-FEI jrawwem l-objettivi tal-UE b’appoġġ għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-intraprenditorija, it-tkabbir, u l-impjiegi. Fi tmiem l-2013, l-impenji netti totali tal-FEI għall-fondi ta’ ekwità privati ammontaw għal aktar minn EUR 7.9 biljun. B’investimenti f’aktar minn 435 fond, il-FEI għandu rwol ewlieni fil-qasam tal-kapital ta' riskju Ewropew minħabba l-iskala u l-ambitu tal-investimenti tiegħu, speċjalment fis-setturi ta’ teknoloġija avvanzata u ta' stadju bikri. Fi tmiem l-2013, il-portafoll ta' self tal-garanziji tal-FEI ammonta għal aktar minn EUR 5.6 biljun f’aktar minn 300 operazzjoni; dan wassal biex il-FEI jkun attur prinċipali fl-għoti ta' garanziji lill-SMEs Ewropej kif ukoll garanti ewlieni ta' mikrofinanzjament.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit: www.eif.org

Kuntatti:

Miguel Sagredo (+32 2 296 85 89)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)

Il-Fond Ewropew tal-Investiment: Susanne Gutjahr (+352 248581487)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website