Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta’ Lulju 2014

Rapport ġdid dwar l-istat tas-swieq tat-telekomunikazzjoni tal-UE

#ConnectedContinent #broadband

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat rapport dwar is-suq u r-regolamentazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet fl-UE. Ir-rapport ikopri s-snin 2012-2013.

Is-sejbiet ewlenin tar-rapport huma:

Id-dħul tal-industrija reġa' naqas fl-2013 iżda l-investiment qed jibda jikber;

L-użu tas-servizzi ta’ telefonija tradizzjonali qed jonqos hekk kif is-servizzi tal-internet (VoIP) qed isiru dejjem aktar popolari;

It-traffiku tad-dejta qed jikber malajr;

Il-prezzijiet tas-sejħiet vokali fuq il-mowbajl u d-dejta huma ogħla fl-UE milli fl-Istati Uniti, filwaqt li l-mowbajl jintuża aktar fl-Istati Uniti biex b'hekk hemm livell ogħla ta’ “dħul medju minn kull utent” fl-Istati Uniti.

Kienu biss id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Latvja u Malta li laħqu l-mira tal-2012 għall-awtorizzazzjoni ta’ meded speċifiċi tal-ispettru. Eventwalment 21 Stat Membru laħqu l-mira fl-2013, iżda d-dewmien fl-għoti tal-medda ta’ 800 MHz naqqas b’mod sinifikanti t-tixrid tal-mowbajl 4G fl-UE kollha.

Iż-żmien meħtieġ biex jinkisbu l-permessi għat-tixrid tal-meded ġodda tan-netwerks ivarja minn ftit ġranet sa sena skont fejn int qiegħed tibni n-netwerk fl-UE. Il-maġġoranza tal-awtoritajiet għadhom ma jippermettux preżentazzjoni elettronika tat-talbiet.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea @NeelieKroesEU qalet: "Jidher b'mod ċar li għadna 'l bogħod minn suq uniku reali. Għandna bżonn inneħħu l-burokrazija żejda u neħtieġu aktar azzjoni regolatorja konsistenti kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll fil-livell tal-UE biex nibnu dak is-suq uniku. Implimentazzjoni ta’ malajr tad-Direttiva dwar it-tnaqqis tal-ispiża għall-broadband se tikkontribwixxi għal dan il-għan iżda għad fadal aktar x’isir.”

Infrastruttura

Ir-rapport sab ukoll li l-aċċess għal infrastruttura tat-telekomunikazzjoni passiva huwa frammentat, kumpless u kkumplikat f’xi Stati Membri, fosthom fil-Belġju, fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fi Franza, fil-Lussemburgu, f'Malta u fil-Polonja.

Kwistjonijiet relatati mal-konsumatur

Hemm differenzi sostanzjali fost l-Istati Membri rigward it-tariffi bl-ingrossa għal portabilità tan-numru, jiġifieri, l-ispejjeż mitluba lil kompetitur għat-trasferiment ta' numru tal-abbonat.

Broadband

Il-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej stabbilixxew pjanijiet għall-broadband (bl-eċċezzjoni tal-Greċja, ir-Rumanija u Ċipru, li huma fil-proċess li jiffinalizzaw il-pjanijiet tagħhom tal-broadband); il-finanzjament għall-proġetti nazzjonali tal-broadband ivarja b'mod konsiderevoli (pereżempju, permezz tal-fondi pubbliċi nazzjonali fil-forma tal-għajnuna mill-Istat jew mill-Fondi Strutturali tal-UE).

Tagħrif eżistenti

Ir-rapport ikopri varjetà ta' kwistjonijiet regolatorji: ir-regolamentazzjoni tas-suq, il-pjanijiet u l-finanzjament tal-broadband, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-awtorizzazzjoni, il-ġestjoni tal-ispettru, id-drittijiet ta' passaġġ u aċċess għall-infrastruttura passiva, l-aċċess u l-interkonnessjoni, il-kwistjonijiet tal-konsumatur, is-servizz universali u n-newtralità netta. Dawn il-kwistjonijiet huma deskritti fil-kuntest tal-iżviluppi tas-suq, il-kompetittività u l-miri tal-Aġenda Diġitali. Ir-rapport ikopri l-perjodu minn Jannar 2012 sa Diċembru 2013.

Ħoloq utli

Ħolqa għar-rapport

Il-websajt tal-Kontinent Konness

Is-sit ta' Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

Kuntatti:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16)

Siobhan Bright (32 2 295 73 61)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website