Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta’ Lulju 2014

Il-Kummissjoni tħabbar kontribut ta' EUR 100 miljun għar-Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni u ħames premjijiet għall-innovazzjoni

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta d-dettalji ta’ azzjoni pilota “Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni” (FTI) li tiswa EUR 100 miljun u ħames premjijiet għall-innovazzjoni taħt l-Orizzont 2020, il-programm għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ EUR 80 biljun. L-FTI għandha l-għan li ssostni l-ekonomija tal-Ewropa billi toffri għotjiet lil negozji u organizzazzjonijiet innovattivi li jippermettulhom iwasslu l-aħjar ideat fis-suq. Il-premjijiet joffru kumpens għall-innovazzjonijiet teknoloġiċi ta’ rilevanza kbira għas-soċjetà. L-inizjattivi jenfasizzaw ir-rieda biex tkun sostnuta l-innovazzjoni fl-Ewropa bħala parti mill-ewwel programm ta’ ħidma biennali tal-Orizzont 2020. L-aħbar tal-lum tikkonferma wkoll is-EUR 7 biljun għal sejħiet tal-Orizzont 2020 matul l-2015 u tistabbilixxi l-kalendarju għall-applikazzjonijiet (MEMO/14/492).

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire Geoghegan-Quinn, qalet: "Ir-rispons għall-ewwel sejħiet tal-Orizzont 2020 kien kbir ħafna, b'aktar minn 17,000 proposta ppreżentati. Bqajt impressjonata biż-żieda evidenti fl-interess mill-industrija, partikolarment min-negozji żgħar. Illum qed nagħtu bidu għall-preżentazzjoni tas-sejħiet tal-2015 u ninsab fiduċjuża li se jkun hemm domanda għalihom daqstant qawwija. Ir-Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni u l-premjijiet il-ġodda se jipprovdu saħanistra aktar opportunitajiet għall-innovaturi fl-Ewropa kollha biex dawn jinvolvu ruħhom. Permezz ta’ dawn il-miżuri aħna qed nikkontribwixxu biex inkattru l-kompetittività tal-Ewropa u noħolqu t-tkabbir u l-impjiegi.”

L-applikazzjonijiet għall-iskema tar-Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni se jkunu jistgħu jibdew jiġu ppreżentati minn Jannar 2015. Din l-iskema se ssostni konsorzji żgħar ta’ tlieta sa ħames organizzazzjonijiet b’parteċipazzjoni kummerċjali b’saħħitha biex jagħtu l-aħħar spinta lil ideat promettenti qabel ma jidħlu fis-suq. Hija miftuħa għall-ideat minn kwalunkwe qasam tat-teknoloġija jew tal-applikazzjoni u għal kwalunkwe entità legali stabbilita fl-UE jew f’pajjiż assoċjat mal-Orizzont 2020.

Il-kompetizzjonijiet għall-ħames premjijiet għall-innovazzjoni se jibdew tard fl-2014 u kmieni fl-2015. Il-premjijiet, li għandhom valur ta' EUR 6 miljun fl-2015, ikopru tliet oqsma tematiċi tar-riċerka differenti: is-saħħa ("Il-Premju għat-Tnaqqis fl-Użu tal-Antibajotiċi", Il-Premju għall-Food-Scanner"), l-ambjent ("Il-Premju għat-Tnaqqis fit-Tniġġis tal-Arja") u l-ICT ("Il-Premju għall-Kondiviżjoni Kollaborattiva tal-Ispettru", "Il-Premju għat-Trażmissjoni Ottika").

Il-Programm ta’ Ħidma aġġornat adottat illum jikkonferma d-dettalji tas-sejħiet għall-proposti għall-2015 imħabbra għall-ewwel darba f’Diċembru li għadda u jispeċifika l-iskadenzi għall-proposti (ara IP/13/1232). L-opportunitajiet ta’ finanzjament kollha fl-ambitu tal-Orizzont 2020 huma aċċessibbli mill-Portal tal-parteċipanti.

Rispons għall-ewwel sejħiet tal-Orizzont 2020

Ir-rispons għall-ewwel sejħiet tal-Orizzont 2020 imħabbra f’Diċembru kien enormi: b'aktar minn 17,000 proposta ppreżentati sal-aħħar ta' Ġunju għal valur disa' darbiet akbar mill-finanzjamenti disponibbli. Dan jindika żieda sostanzjali mis-7 Programm Qafas (FP7) preċedenti u livell ta' kompetizzjoni ogħla. Kien hemm żieda notevoli fl-applikazzjonijiet mill-industrija, u l-applikazzjonijiet tan-negozju għall-pilastri tal-Orizzont, it-“Tmexxija industrijali” u l-“Isfidi tas-soċjetà” jirrappreżentaw 44% tat-total meta mqabbel ma’ oqsma komparabbli ta’ 30% taħt l-FP7. Il-parteċipazzjoni tal-SMEs hija partikolarment qawwija, b’aktar minn 5,500 applikazzjoni tal-SMEs għas-sejħiet tal-Orizzont dwar it-tħeġġiġ tat-tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali u kważi 2,700 applikazzjoni għall-finanzjament fl-ambitu tal-Istrument il-ġdid tal-SMEs ta' EUR 3 biljun.

Sfond

L-Orizzont 2020 huwa l-akbar programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni li qatt kellha l-UE b'baġit ta' EUR 80 biljun fuq perjodu ta' seba' snin. Il-biċċa l-kbira tal-finanzjament tal-UE għar-riċerka huwa allokat abbażi ta’ sejħiet kompetittivi, iżda l-baġit għall-Orizzont jinkludi wkoll il-finanzjament għaċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, is-servizz xjentifiku intern tal-Kummissjoni Ewropea; għall-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u għar-riċerka mwettqa fi ħdan il-qafas tat-Trattat Euratom. Jiġu ppubblikati wkoll sejħiet separati taħt sħubijiet speċifiċi mal-industrija u mal-Istati Membri (ara IP/13/668 u IP/14/796). Fl-2015 il-baġit totali tar-riċerka tal-UE, inklużi dawn il-partiti u l-ispiża amministrattiva, se jkun madwar EUR 9.9 biljun.

Għal aktar tagħif

MEMO/13/1085: L-Orizzont 2020 – il-programm il-ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE

Il-websajt ta'l-Orizzont 2020

Il-Portal tal-Parteċipanti

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)


Side Bar