Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta’ Lulju 2014

Xiri waqt l-użu tal-apps: Azzjoni konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri qed twassal għal protezzjoni aħjar għall-konsumaturi tal-logħob onlajn

Wara għadd kbir ta’ ilmenti fil-pajjiżi tal-UE dwar xiri waqt l-użu l-apps (in-app purchases) f'logħob onlajn u, b’mod partikolari, xiri involontarju mit-tfal, l-awtoritajiet nazzjonali ngħaqdu mal-Kummissjoni Ewropea biex isibu soluzzjonijiet.

L-azzjoni kkoordinata ta’ infurzar fl-UE dwar xiri waqt l-użu tal-apps f'logħob onlajn u bil-mowbajl għamlet progress reali b'riżultati tanġibbli. L-industrija daħlet għal għadd ta’ impenji li jfittxu li jindirizzaw it-tħassib tal-konsumaturi. L-azzjoni se tkabbar il-fiduċja tal-konsumatur fis-settur tal-"apps" li qed jikber b'rata mgħaġġla.

“Din hija l-ewwel azzjoni ta’ infurzar tax-xorta tagħha li fiha l-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali ngħaqdu. Ninsab kuntent li nara li din qiegħda tagħti riżultati tanġibbli. Dan hu sinifikanti għall-konsumatur. B'mod partikolari, it-tfal għandhom jiġu protetti aħjar meta qed jilagħbu onlajn. L-azzjoni tipprovdi wkoll l-esperjenza imprezzabbli għar-riflessjoni kontinwa dwar il-mod l-aktar effettiv biex jiġi organizzat l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur fl-Unjoni. Din uriet li l-kooperazzjoni qed trendi u tgħin biex titjieb il-protezzjoni tal-konsumaturi fl-Istati Membri kollha," qal il-Kummissarju tal-UE għall-Politika tal-Konsumatur Neven Mimica.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni, responsabbli mill-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, qalet: "Il-Kummissjoni tappoġġa ħafna l-innovazzjoni fis-settur tal-apps. Ix-xiri waqt l-użu tal-apps hu mudell leġittimu ta' negozju, iżda huwa essenzjali għall-produtturi tal-apps li jifhmu u jirrispettaw il-liġi tal-UE filwaqt li jiżviluppaw dawn il-mudelli ġodda ta' negozju”.

F’Diċembru 2013(1), pożizzjoni komuni maqbula mill-awtoritajiet nazzjonali fi ħdan in-netwerk tas-SPC u kkomunikata lill-Apple, il-Google u l-Federazzjoni tas-Softwer Interattiv tal-Ewropa talbet li:

  • Il-logħob irreklamat bħala "b'xejn" ma għandux iqarraq il-konsumatur fir-rigward tal-ispejjeż reali involuti;

  • Il-logħob ma għandux ikun fih inkoraġġiment biex it-tfal jixtru oġġetti f'logħba jew jipperswadu adult biex jixtrilhom l-oġġetti għalihom;

  • Il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati b'mod adegwat dwar l-arranġamenti tal-ħlas meta jixtru u l-ħlas ma għandux ikun debitat permezz ta' settings awtomatiċi mingħajr il-kunsens espliċitu tal-konsumaturi;

  • Il-kummerċjanti jridu jagħtu indirizz tal-email biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkuntattjawhom f'każ li jkollhom mistoqsijiet jew ilmenti.

Bl-użu tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur stipulat bir-regoli tal-UE, l-Apple, il-Google u l-għaqdiet kummerċjali rilevanti ntalbu jipprovdu soluzzjonijiet konkreti fl-UE kollha għat-tħassib li ġie mqajjem.

Il-Google ddeċidiet dwar numru ta’ bidliet. L-implimentazzjoni għadha għaddejja u se titlesta sal-aħħar ta’ Settembru 2014. Dawn jinkludu li bl-ebda mod ma tintuża l-kelma “b’xejn” kull meta logħob ikun fih xiri waqt l-użu tal-apps, jiġu żviluppati linji gwida mmirati lejn l-iżviluppaturi tal-apps tagħha biex jipprevjenu inkoraġġiment dirett lit-tfal kif definit skont il-liġi tal-UE u miżuri marbuta ma' perjodu ta’ żmien speċifiku biex jgħinu fis-sorveljanza ta' dak li jidher li hu ksur tal-liġijiet tal-konsumatur tal-UE. Hija wkoll adattat is-settings awtomatiċi tagħha, sabiex il-ħlasijiet jiġu awtorizzati qabel kull xiri waqt l-użu tal-apps, sakemm il-konsumatur ma jagħżilx li jimmodifika b’mod attiv dawn is-settings.

Minkejja li s'issa, sfortunatament, l-ebda soluzzjoni konkreta u immedjata ma nstabet mill-Apple biex ikun indirizzat it-tħassib marbut b'mod partikolari mal-awtorizzazzjoni tal-ħlas, l-Apple pproponiet li tindirizza dan it-tħassib. Madankollu, ma ngħata l-ebda impenn konkret u l-ebda tul ta' żmien għall-implimentazzjoni ta' dawn it-tibdiliet futuri possibbli. L-awtoritajiet tas-CPC se jkomplu jimpenjaw ruħhom mal-Apple biex jiżguraw li din tipprovdi dettalji speċifiċi tat-tibdiliet meħtieġa u tpoġġi l-prattiki tagħha f'konformità mal-pożizzjoni konkreta.

L-infurzaturi tal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea stiednu wkoll l-għaqdiet tal-iżviluppaturi tal-logħob u l-pjattaformi onlajn biex jirriflettu fuq miżuri konkreti li jistgħu jieħdu biex jindirizzaw il-kwistjonijiet imqajma fil-pożizzjoni komuni, inkluża l-possibbiltà għal linji gwida jew standards li jinkorporaw il-pożizzjoni tas-CPC.

L-infurzar, inkluża l-azzjoni legali possibbli, huwa f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali li issa se jikkunsidraw kif se jindirizzaw xi kwistjonijiet legali pendenti.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri se jkomplu jimmonitorjaw il-kwistjoni u b’mod partikolari sa liema punt l-impenji meħuda indirizzaw fil-prattika it-tħassib imqajjem fil-pożizzjoni tas-CPC.

L-isfond

Ir-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (Consumer Protection Cooperation - CPC)(KE Nru 2006/2004) jgħaqqad flimkien l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur f'netwerk pan-Ewropew tal-infurzar. Bis-saħħa ta' dan in-netwerk, awtorità nazzjonali f'pajjiż wieħed tal-UE tista' titlob lill-awtorità ekwivalenti tagħha f'pajjiż ieħor tal-UE biex tintervjeni f'każ ta' ksur transfruntier tar-regoli tal-konsumatur tal-UE. Il-kooperazzjoni hija applikabbli għal regoli tal-konsumatur li jkopru diversi oqsma, bħad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali u d-Direttiva dwar Termini Kuntrattwali Inġusti.

Għal aktar tagħif

Il-Pożizzjonijiet Komuni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tal-apps tal-logħob minn Lulju 2014

Il-Pożizzjonijiet Komuni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tal-apps tal-logħob minn Diċembru 2013

Il-websajt dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi

IP/14/187

Il-websajt tal-Kummissarju Mimica

Segwi lill-Kummissarju Mimica fuq Twitter: @MimicaEU

Segwi l-Politika tal-Konsumatur tal-UE fuq Twitter: @EU_Consumer

Kuntatti:

David Hudson (+32 2 296 83 35)

Andreana Stankova (+32 2 295 78 57)

Joshua Salsby  (+32 2 297 24 59)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz tal-e­mail

1 :

Il-Federazzjoni Ewropea tal-Iżviluppaturi tal-Logħob (European Games Developer Federation - EGDF) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Logħob Soċjali (International Social Games Association - ISGA), li jirrapreżentaw ukoll l-iżviluppaturi u l-pjattaformi tal-logħob, isiru konxji tal-pożizzjoni komuni tas-CPC fil-bidu tal-2014 u talbet li jieħdu sehem fid-diskussjonijiet li għaddejjin mal-awtoritajiet tas-CPC.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website