Navigation path

Left navigation

Additional tools

Studju jindirizza għall-ewwel darba l-politiki dwar l-ikel fl-iskejjel tal-UE

European Commission - IP/14/834   16/07/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2014

Studju jindirizza għall-ewwel darba l-politiki dwar l-ikel fl-iskejjel tal-UE

Bħala parti mill-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tnaqqas l-obeżità fost it-tfal, is-servizz xjentifiku intern tal-Kummissjoni, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), ippubblika l-ewwel rapport komprensiv dwar il-politiki dwar l-ikel fl-iskejjel fl-Ewropa. Dan juri li l-pajjiżi Ewropej jirrikonoxxu kemm l-ikel li jingħata fl-iskejjel huwa importanti għas-saħħa u għall-iżvilupp fiżiku u dak edukattiv tat-tfal. Il-pajjiżi kollha inklużi fl-istudju (28 Stat Membru Ewropew flimkien man-Norveġja u l-Isvizzera) għandhom linji gwida dwar l-ikel fl-iskejjel, għalkemm ivarjaw ferm bejniethom. Il-miżuri nazzjonali mmirati lejn il-promozzjoni ta' dieti tajbin għas-saħħa fl-iskejjel ivarjaw minn linji gwida volontarji, pereżempju fejn għandhom x'jaqsmu l-menus u d-daqs tal-porzjonijiet, għal projbizzjonijiet totali, inkluż fuq il-kummerċjalizzazzjoni tad-distributuri awtomatiċi u x-xarbiet miżjuda biz-zokkor.

Distribuzzjoni tal-politiki nazzjonali dwar l-ikel fl-iskejjel

obbligatorji (l-oranġjo) u volontarji (l-blu) fl-UE28 flimkien man-Norveġja u l-Isvizzera

Il-Kummissarju għas-Saħħa Tonio Borg qal: "Kważi wieħed minn kull tlett itfal fl-Ewropa għandu piż żejjed jew huwa obeż, u għalhekk hemm riskju li jiżviluppa għadd ta' mard li jista' jiġi evitat, inkluża d-dijabete tat-Tip 2. L-iskejjel huma sħab importanti fl-isforzi tagħna biex inħeġġu lit-tfal jiżviluppaw drawwiet alimentari tajbin għas-saħħa, biex ikunu jistgħu jikbru b'saħħithom, jiksbu riżultati tajbin fl-iskola u jiżviluppaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom. Għaldaqstant, l-ewwel valutazzjoni tal-politiki dwar l-ikel fl-iskejjel tikkontribwixxi ferm għall-ġlieda tagħna kontra l-obeżità."

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju responsabbli għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, stqarret: "Dan ir-rapport jipprovdi bażi tajba għax-xjenzati, l-edukaturi u dawk li jfasslu l-politika fl-Ewropa biex jinvestigaw ir-rabtiet potenzjali bejn il-politiki dwar l-ikel fl-iskejjel u s-saħħa pubblika, u jevalwaw l-effikaċja tal-promozzjoni tad-drawwiet alimentari tajbin għas-saħħa."

Sfond

Ir-rapport janalizza d-dokumenti politiċi nazzjonali l-aktar riċenti għall-istandards u l-linji gwida dwar l-ikel disponibbli fl-iskejjel primarji u sekondarji. Dan jiddeskrivi dawn il-politiki skont kriterji komuni, bħall-ikel li huwa permess jew ipprojbit, il-livelli nutrizzjonali, il-faċilitajiet fejn jieklu t-tfal, is-servizzi ta' kejtering u r-restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni.

Ir-rapport jagħti wkoll ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni regolatorja, u dan huwa pass importanti lejn il-valutazzjoni tal-impatt li għandhom politiki bħal dawn fuq l-obeżità fost it-tfal.

Dawn huma xi fatti ewlenin misluta mir-rapport:

Aktar minn 90 % tal-politiki eżaminati jinkludu standards li għandhom x'jaqsmu mal-ikel maħsuba biex jiżguraw li l-menus ikunu bbilanċjati. Wara dawn hemm gwida dwar id-daqs tal-porzjonijiet (76 %) u l-istandards nutrizzjonali tal-ikliet (65 %).

Ir-restrizzjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet marbuta mad-disponibbiltà tax-xarbiet huma komuni ferm (65-82 %), bil-biċċa l-kbira jippromwovu l-aċċess (bla ħlas) għall-ilma frisk tajjeb għax-xorb u jillimitaw jew jipprojbixxu speċifikament is-soft drinks (miżjuda biz-zokkor).

It-titjib tan-nutrizzjoni tat-tfal, it-trawwim ta' dieti u stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa, kif ukoll it-tnaqqis jew il-prevenzjoni tal-obeżità fost it-tfal huma l-miri ġenerali primarji komuni tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi.

Il-ħlewwiet u l-isnacks melħin huma ristretti fil-biċċa l-kbira tal-politiki, li jvarjaw bejn uħud li jippermettuhom okkażjonalment u oħrajn li jipprojbixxuhom għalkollox.

59 % tal-politiki jirrakkomandaw jew jimponu li jittieħed kont tar-riżultati tal-politika dwar l-ikel fl-iskejjel. L-aktar riżultati komuni li jridu jitkejlu jirrigwardaw il-provvista tal-ikel fl-iskejjel u l-perċentwal ta' tfal li jieklu fl-iskola.

Il-valur enerġetiku u x-xaħam huma l-aktar parametri komuni inklużi fl-istandards dwar l-enerġija u n-nutrijenti fl-ikliet (użati fil-65 % u fis-56 % tal-politiki kollha, rispettivament).

Il-prodotti offruti mid-distributuri awtomatiċi huma ristretti f'madwar nofs il-pajjiżi studjati. Il-miżuri jvarjaw bejn dawk li jirrakkomandaw għażliet ta' ikel aktar tajjeb għas-saħħa fid-distributuri awtomatiċi u dawk li jipprojbixxu l-bejgħ ta' ikel mhux tajjeb għas-saħħa minn dawn id-distributuri, u anki dawk li jipprojbixxu għalkollox l-użu ta' distributuri awtomatiċi fil-bini tal-iskola.

Il-limitazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tal-ikel mhux tajbin għas-saħħa huma wkoll prassi komuni.

L-analiżi tal-politiki dwar l-ikel fl-iskejjel twettqet bl-għajnuna tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE dwar in-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika biex tiġi appoġġjata l-Istrateġija tal-UE għall-2007 dwar kwistjonijiet ta' saħħa relatati man-nutrizzjoni, il-piż żejjed u l-obeżità, kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fost it-Tfal 2014-2020.

Ħolqiet

Ħolqa għar-rapport:

https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/eur-scientific-and-technical-research-reports/mapping-national-school-food-policies-across-eu28-plus-norway-and-switzerland

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex tintegra u ssaħħaħ l-iskemi eżistenti tal-ikel fl-iskejjel (IP/14/94).

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website