Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-logħob tal-azzard onlajn: Il-Kummissjoni tirrakkomanda prinċipji li jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi

European Commission - IP/14/828   14/07/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, id-14 ta’ Lulju 2014

Il-logħob tal-azzard onlajn: Il-Kummissjoni tirrakkomanda prinċipji li jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi

Il-Kummissjoni Ewropea adottat illum rakkomandazzjoni dwar is-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn. Hija tħeġġeġ lill-Istati Membri biex isegwu livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi, il-plejers u l-minuri permezz tal-adozzjoni ta’ prinċipji komuni għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn u għal reklamar u sponsorjar responsabbli ta’ dawk is-servizzi. L-għanijiet tal-prinċipji huma li jissalvagwardjaw is-saħħa u li jimminimizzaw il-ħsara ekonomika eventwali li tista' tirriżulta mil-logħob tal-azzard eċċessiv jew patoloġiku.

“Ir-Rakkomandazzjoni ta’ llum tipprovdi wieħed mill-elementi ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 fuq is-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn,” qal il-Viċi President Michel Barnier, responsabbli għas-Suq Intern u s-Servizzi. “Irridu nipproteġu b'mod aħjar liċ-ċittadini kollha, u b’mod partikolari t-tfal tagħna, mir-riskji assoċjati mal-logħob tal-azzard. Għandna nħarsu lejn l-Istati Membri, iżda wkoll lejn l-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn, biex ikollhom l-istess ambizzjoni bħal tagħna għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur madwar l-UE kollha f’dan is-settur diġitali li qed jikber b’rata mgħaġġla.”

Elementi prinċipali

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi għadd ta’ prinċipji li l-Istati Membri huma mistiedna li jadottaw fir-regolamenti tagħhom dwar il-logħob tal-azzard:

  • Rekwiżiti bażiċi ta’ informazzjoni għall-websajts tal-logħob tal-azzard, b’mod partikolari biex jiżguraw li l-konsumaturi jkunu pprovduti b’informazzjoni suffiċjenti biex jifhmu r-riskji marbuta mal-logħob tal-azzard. Il-komunikazzjoni kummerċjali (ir-reklamar u l-isponsorjar) għandha ssir b’mod responsabbli.

  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-minuri ma jkunux jistgħu jilagħbu logħob tal-azzard onlajn, u li jeżistu regoli sabiex jiġi minimizzat il-kuntatt tagħhom mal-logħob tal-azzard, inkluż permezz ta’ reklamar jew promozzjoni ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard kemm jekk imxandra kif ukoll jekk murija.

  • Għandu jkun hemm proċess ta’ reġistrazzjoni biex tiftaħ kont għal plejer sabiex il-konsumaturi jkollhom jipprovdu dettalji ta' età u identità għall-verifika mill-operaturi. Dan għandu wkoll jippermetti lill-operaturi li jżommu kont tal-imġiba tal-plejer u jqajmu l-allarm jekk meħtieġ.

  • Għandu jkun disponibbli appoġġ kontinwu lill-plejers biex jiġu evitati problemi relatati mal-logħob tal-azzard, billi dawn jiġu pprovduti bl-għodod biex iżommu l-kontroll fil-logħob tal-azzard: possibilitajiet biex jistabbilixxu limiti ta' nfiq matul il-proċess ta' reġistrazzjoni, jiksbu allerti ta' informazzjoni dwar ir-rebħ u t-telf waqt li jkunu qed jilagħbu, u jieħdu brejk mill-logħob.

  • Il-parteċipanti għandhom ikunu jistgħu jċemplu linji ta’ għajnuna biex jitolbu assistenza dwar l-imġiba tagħhom fil-logħob tal-azzard, u dawn għandhom ikunu jistgħu jeskludu lilhom infushom faċilment minn siti elettroniċi tal-logħob tal-azzard.

  • Ir-reklamar u l-isponsorjar ta' servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn għandhom ikunu aktar soċjalment responsabbli u trasparenti. Pereżempju, dawn ma għandhomx jagħmlu dikjarazzjonijiet infondati dwar il-possibilitajiet ta’ rebħ, jagħmlu pressjoni biex wieħed jilgħab il-logħob tal-azzard, jew jissuġġerixxu li l-logħob tal-azzard isolvi problemi soċjali, professjonali, personali jew finanzjarji.

  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi provdut taħriġ għall-impjegati tal-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn li jinteraġixxu mal-plejers biex jiżguraw li dawn jifhmu aħjar kwistjonijiet problematiċi tal-logħob tal-azzard u jkunu jistgħu jikkollaboraw mal-plejers b’mod xieraq.

L-Istati Membri huma wkoll mistiedna biex iwettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-logħob tal-azzard u r-riskji relatati, kif ukoll biex jiġbru dejta dwar il-ftuħ u l-għeluq tal-kontijiet tal-plejers u dwar il-ksur tar-regoli ta’ komunikazzjoni kummerċjali. L-Istati Membri għandhom jaħtru wkoll l-awtoritajiet regolatorji kompetenti biex jgħinu biex jiżguraw, b’mod indipendenti, il-monitoraġġ effettiv tal-konformità mar-Rakkomandazzjoni.

Tagħrif eżistenti

Ir-rakkomandazzjoni ġiet imħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni “Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard onlajn adottat fit-23 ta’ Ottubru 2012 (IP/12/1135 u MEMO/12/798).

Il-progress mgħaġġel tat-teknoloġija onlajn, bl-iżvilupp tal-mowbajls u smart phones, tablets u TV diġitali, imur id f’id maż-żieda fl-offerta u l-użu tas-servizzi ta’ logħob tal-azzard onlajn fl-Ewropa. Bi kważi seba' miljun konsumatur tal-UE li jipparteċipaw f’servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn, is-suq tal-logħob tal-azzard onlajn tal-UE jirrappreżenta 45 % mis-sehem tas-suq dinji.

Għall-maġġoranza tan-nies fl-UE li jieħdu sehem fil-logħob tal-azzard onlajn, dan huwa attività rikreattiva. Madankollu, hemm numru ta’ riskji assoċjati mal-logħob tal-azzard. Huwa stmat li bejn 0.1 % u 0.8 % tal-popolazzjoni adulta ġenerali tbati minn disturb tal-logħob tal-azzard u 0.1 %-2.2 % oħrajn juru involviment mal-logħob tal-azzard potenzjalment problematiku. Il-logħob tal-azzard isir problema meta ma jibqax ikun purament pjaċevoli u jinbidel f’dipendenza. It-tfal u l-adoloxxenti huma wkoll dejjem aktar f’riskju, minħabba li dawn jużaw l-internet dejjem aktar spiss għal informazzjoni jew divertiment, u jistgħu faċilment jiġu f’kuntatt ma’ reklamar tal-logħob tal-azzard u siti elettroniċi tal-logħob tal-azzard. Għalhekk, jinħtieġu miżuri preventivi biex inaqqsu l-ħsara potenzjali u biex jiggarantixxu li s-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn jiġu offruti u promossi b’mod responsabbli.

Barra minn hekk, diversi Stati Membri bħalissa qed jirrevedu l-oqfsa legali tagħhom f’dan il-qasam u għandhom ikunu jistgħu jużaw ir-Rakkomandazzjoni bħala gwida.

Il-passi li jmiss: Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni 18-il xahar wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tevalwa l-miżuri meħuda mill-Istati Membri 30 xahar wara l-pubblikazzjoni.

Għal aktar tagħrif:

Ir-Rakkomandazzjoni hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt u studju tal-imġiba dwar il-logħob tal-azzard onlajn u miżuri adegwati għall-protezzjoni tal-konsumaturi. Dawn jibsabu fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/internal_market/gambling/initiatives/index_en.htm#recommendation

Ara wkoll MEMO/14/484

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website