Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta’ Lulju 2014

Għal sena oħra, l-Erasmus jikser ir-rekord

L-aħħar statistika tal-Erasmus maħruġa llum mill-Kummissjoni Ewropea turi rekord ġdid peress li kważi 270 000 student ibbenefikaw mill-għotjiet tal-UE biex jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom fl-2012-2013. Filwaqt li l-istudju f’università oħra jibqa' l-aktar għażla popolari, wieħed minn kull ħames studenti tal-Erasmus (55 000) għażlu l-kollokamenti tax-xogħol f’kumpaniji. It-tliet destinazzjonijiet l-iktar imfittxija mill-istudenti tal-Erasmus fis-sena akkademika 2012-2013 kienu Spanja, il-Ġermanja u Franza. Il-pajjiżi li qed jibagħtu l-akbar għadd ta’ studenti bħala proporzjon tal-popolazzjoni gradwati tagħhom kienu l-Lussemburgu, il-Liechtenstein, il-Finlandja, il-Latvja u Spanja.

“Għal 27 sena, l-Erasmus ta l-opportunità lill-istudenti li jqattgħu xi żmien barra minn pajjiżhom biex iwessgħu l-orizzonti tagħhom u jtejbu l-ħiliet tagħhom. L-aħħar ċifri juru li l-Erasmus sar aktar popolari minn qatt qabel. Barra li jikkontribwixxi għal sens ta’ appartenenza lill-familja Ewropea, il-ħiliet li l-Erasmus jippromwovi jgħinu wkoll lill-istudenti jixprunaw l-impjegabbiltà u l-prospetti tal-karriera tagħhom. Il-programm il-ġdid tagħna Erasmus+ se jippermetti saħansitra aktar żgħażagħ jistudjaw, jitħarrġu, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom fis-seba’ snin li ġejjin," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

L-istatistika turi li l-għotja medja tal-Erasmus, maħsuba biex tkopri parti mill-ispejjeż tal-għajxien barra mill-pajjiż u l-ivvjaġġar, kienet ta’ EUR 272 kull xahar, żieda ta’ 9 % fuq is-sena preċedenti (EUR 250). F’xi pajjiżi l-għotja tiżdied b’xi fondi nazzjonali, reġjonali jew istituzzjonali.

L-Erasmus mhux biss xi skema ta' skambju għall-istudenti: fl-2012-2013 aktar minn 52 600 membru tal-istaff akkademiku u amministrattiv irċevew finanzjament mill-Erasmus biex jgħallmu jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom. L-esperjenza li tinkiseb mhix biss ta' benefiċċju għall-individwu kkonċernat, iżda wkoll għall-kwalità ta' tagħlim f’istituzzjoni nattiva tagħhom meta jirritornaw. Madwar 500 membru tal-istaff min-negozji — żieda ta’ aktar minn 20 % fuq is-sena preċedenti — irċevew ukoll appoġġ mill-Erasmus biex jgħallmu f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja barra minn pajjiżhom, xi ħaġa li turi biċ-ċar l-interess li qed jikber fl-allinjament tal-edukazzjoni u t-taħriġ mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Il-programm Erasmus+ il-ġdid se jipprovdi għotjiet lil 4 miljun persuna, inklużi 2 miljun student tal-edukazzjoni għolja u 300 000 membru tal-istaff matul is-seba’ snin li ġejjin (2014-2020). Dan se jiffinanzja wkoll 135 000 skambju ta' studenti u staff bejn l-Ewropa u l-pajjiżi sħab fid-dinja kollha. Dan il-programm estiż, li jinkludi l-Erasmus u skemi ta’ mobbiltà simili għal gruppi oħra, inklużi apprendisti u voluntiera, iqiegħed aktar enfasi fuq l-appoġġ lingwistiku, jagħti regoli aktar flessibbli għall-għotjiet, u jipprovdi appoġġ addizzjonali speċifiku għal persuni bi bżonnijiet speċjali, minn sfondi żvantaġġati u żoni remoti.

Sfond

Il-Kummissjoni, fl-istrateġija tagħha dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (IP/11/1043), enfasizzat il-ħtieġa li l-istudenti jingħataw aktar opportunitajiet biex jiksbu ħiliet permezz ta' studju jew taħriġ barra minn pajjiżhom. Il-mira tal-UE għall-mobbiltà komprensiva tal-istudenti hija tal-anqas 20 % sa tmiem id-deċennju. Bħalissa, madwar 10 % tal-istudenti tal-UE jistudjaw jew jitħarrġu barra pajjiżhom bis-saħħa tal-Erasmus jew b'mezzi pubbliċi jew privati oħrajn. Madwar 5 % minnhom jingħataw għotja mill-Erasmus.

L-Erasmus qabel kien parti mill-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (2007-2013). 33 pajjiż pparteċipaw fl-iskema: l-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija.

L-Erasmus+, il-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, tnieda f’Jannar 2014. Dan għandu baġit totali ta’ madwar EUR 15-il biljun għall-2014-2020, żieda ta’ 40% meta mqabbel mal-perjodu preċedenti.

Għal aktar tagħif

MEMO/14/476 Il-programm Erasmus 2012-13: iċ-ċifri spjegati

Statistikatal-Erasmus

Il-Programm Erasmus+

Filmat dwar l-Erasmus+

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

L-Anness 1: Il-programm Erasmus 2012-2013 — In-numru ta’ studenti li siefru skont il-pajjiż

L-Anness 2: Il-programm Erasmus 2012-2013 — Il-mobbiltà tal-istudenti tal-Erasmus: Il-pajjiżi nattivi u d-destinazzjonijiet

L-Anness 3: Il-programm Erasmus 2012-2013 — L-aktar 100 istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li jirċievu l-istudenti tal-Erasmus

L-Anness 4: Il-programm Erasmus 2012-2013 — L-aktar 100 istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li jibagħtu l-istudenti tal-Erasmus

L-Anness 5: Alumni magħrufa tal-Erasmus — karrieri interessanti

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

L-Anness 1: Il-programm Erasmus 2012-2013

In-numru ta’ studenti li siefru skont il-pajjiż (studji u kollokamenti)

L-Anness 2: Il-programm Erasmus 2012-2013

Il-mobbiltà tal-istudenti tal-Erasmus: Il-pajjiżi nattivi u d-destinazzjonijiet

It-tabella turi n-numru totali ta’ studenti tal-Erasmus mibgħuta barra mill-pajjiż nattiv tagħhom (l-assi vertikali) lejn il-pajjiż tad-destinazzjoni (l-assi orizzontali) fis-sena akkademika 2012/2013.

Pereżempju, il-Belġju bagħat 7 741 student f'pajjiżi oħra parteċipanti u rċieva total ta’ 9 124 student, filwaqt li bagħat 1 155 student fi Franza u rċieva 195 student mill-Ungerija.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

L-Anness 3: Il-programm Erasmus 2012-2013

L-aktar 100 istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li jirċievu l-istudenti tal-Erasmus

L-Anness 4: Il-programm Erasmus 2012-2013

L-aktar 100 istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li jibagħtu l-istudenti tal-Erasmus


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site