Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2014

Grupp ta' esperti biex jagħtu konsulenza lill-Kummissjoni Ewropea dwar it-taħdidiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Illum il-Kummissjoni tniedi Grupp ta' Konsulenza speċjali ta' esperti li jirrappreżenta firxa wiesgħa ta' interessi, mill-ambjent, saħħa, interessi tal-konsumatur u tal-ħaddiema, għal setturi ta' negozju differenti biex jipprovdi lin-negozjaturi tal-kummerċ tal-UE b'konsulenza ta' kwalità għolja fl-oqsma li qed jiġu nnegozjati fit-taħdidiet tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (Transatlantic Trade and Investment Partnership, TTIP).

Il-ħolqien ta' dan il-grupp jikkonferma l-impenn tal-Kummissjoni biex tagħlaq id-djalogu u tiddiskuti mal-entitajiet interessati kollha fit-taħdidiet tat-TTIP, biex tikseb l-aħjar riżultat għaċ-ċittadini Ewropej. L-esperjenza wiesgħa tal-grupp, 14-il membru ta' perspettivi differenti u li joffru speċjalizzazzjonijiet differenti, se tkun għodda importanti f'dan il-proċess. Il-Grupp ta' Konsulenza jikkomplimenta inizjattivi ta' trasparenza, bħal konsultazzjonijiet mal-entitajiet interressati matul is-sessjonijiet ta' negozjati u rendikont regolari mad-Djalogu mas-Soċjetà Ċivili (DSĊ) tal-UE.

Il-grupp ta' konsulenza se jgħin lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li t-TTIP tal-ġejjieni ġenwinament tiffaċilita l-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti, u jibbenefikaw iċ-ċittadini fl-Ewropa. Ir-rappreżentazzjoni ta' interess wiesgħa tal-membri se tgħin ukoll biex jiġi żgurat li l-istandards għoljin tal-Ewropa, pereżempju, fil-ħarsien tal-konsumatur u tal-ambjent, jiġu rispettati u li jiġu onorati fin-negozjati.

Ir-rwol tal-grupp huwa konsultattiv, bil-għan li jeżamina sfidi speċifiċi li jistgħu jqumu matul in-negozjati tat-TTIP fl-oqsma tagħhom ta' speċjalizzazzjoni, u biex jipprovdi opinjoni sinċiera lin-negozjaturi tal-UE. Ignacio Garcia Bercero, in-negozjatur ewlieni tal-UE, se jippresjedi l-grupp u l-ħidma b'mod dirett mal-esperti. Biex jippermettilhom li jipprovdu l-aħjar konsulenza possibbli, Bercero se jaqsam tagħrif dettaljat dwar il-progress fit-taħdidiet, u għall-ewwel darba, meta jkun meħtieġ se jaqsam id-dokumenti tan-negozjati tal-UE, b'mod li jiżgura kunfidenzjalità.

Il-membri huma esperti fis-setturi tal-interessi tal-konsumtur, il-liġi tax-xogħol, l-ambjent u s-saħħa pubblika, in-negozju, il-manifattura, l-agrikoltura u s-servizzi. Dawn intgħażlu fuq il-bażi tal-ispeċjalizzazzjoni wiesgħa tagħhom fl-oqsma tagħhom u fl-esperjenza wiesgħa tagħhom tal-politika tal-UE dwar il-kummerċ jew tal-politiki regolatorji internazzjonali. Riżultat ta' dan, dawn kapaċi li jirrappreżentaw interess komuni maqsum bejn l-entitajiet interessati f'qasam partikolari, minflok sempliċement organizzazzjonijiet individwali.

Il-grupp (li se jopera skont ir-Regoli Standard tal-Kummissjoni dwar il-Gruppi ta' Esperti) iltaqa' b'mod informali fil-21 ta' Jannar 2014 biex jiddiskuti l-arranġamenti ta' ħidma u d-dettalji prattiċi tal-bidu. L-ewwel sessjoni sħiħa ta' ħidma se ssir fil-25 ta' Frar 2014.

Id-dettalji tal-laqgħat tal-grupp, inklużi aġendi u rapporti tal-laqgħat, se jiġu ppubblikati fis-sit tat-TTIP u fir-Reġistru Pubbliku tal-Grupp ta' Esperti.

Kuntest

In-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) bdew f'Lulju 2013 u għandhom l-għan li jneħħu l-ostakli tal-kummerċ f'firxa wiesgħa ta' setturi ekonomiċi, biex ikun eħfef biex jinxtraw u jinbigħu merkanzija u servizzi bejn l-UE u l-Istati Uniti. It-tielet sessjoni ta' negozjati saret f'Washington DC f'Diċembru 2013 (stqarrija għall-istampa) u s-sessjoni li jmiss hija skedata bejn l-10-14 Marzu 2014.

Matul il-proċess tan-negozjati hemm ħarsa ġenerali demokratika sħiħa mill-gvernijiet kollha tat-28 Stat Membru tal-UE u tal-Parlament Ewropew elett b'mod demokratiku. Il-Kummissjoni Ewropea, li tinnegozja t-TTIP f'isem l-Unjoni Ewropea, iżżomm aġġornat lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress fin-negozjati u tirċievi l-opinjoni tagħhom qabel u wara kull sessjoni. Fit-tmiem tan-negozjati, se jkun il-Kunsill, magħmul mill-gvernijiet tal-Istati Membri,u l-Parlament Ewropew li se japprova jew jirrifjuta l-ftehim kummerċjali.

Biex tiżgura li matul in-negozjati titqies pluralità tsl-interessi, il-Kummissjoni Ewropea tfittex u tisma' l-opinjonijiet mill-partijiet interessati kollha, pereżempju fid-diskussjonijiet mal-entitajiet interessati li jsiru kull wieħed mit-tliet sessjonijiet ta' negozjati sa issa, b'aktar minn 350 entità interessata li ħadu sehem fl-aħħar laqgħa fi Brussell (rapport), kif ukoll il-bosta Djalogi tas-Soċjetà Ċivili li l-aħħar wieħed sar fl-14 ta' Jannar fi Brussell b'aktar minn 160 rappreżentant tas-soċjetà ċivili (rapport). Il-Grupp ta' Konsulenza l-ġdid stabbilit jidderieġi dawn il-konsultazzjonijiet.

Membri tal-Grupp ta' Konsulenza

Isem

Titlu ta' bħalissa tal-kariga

Qasam ta' speċjalizzazzjoni

Edward Bowles

Kap Reġjonali tal-Affarijiet Pubbliċi, EMEA, Standard Chartered Bank

Interessi tas-servizzi

Jos Dings

Direttur, Tim ta' Politika, Trasport u Ambjent

Interessi tat-Trasport u tal-Ambjent

Ulrich Eckelmann

Segretarju Ġenerali tat-Trejdjunjin Ewropea industri-ALL

Interessi tax-xogħol u tat-trejdjunjins

Benedicte Federspiel

Kumitat ta' Tmexxija tad-Djalogu Transatlantiku tal-Konsumatur

Interessi tal-Konsumatur

Roxane Feller

Kap tad-Dipartiment Ekonomiku, FoodDrinkEurope

Interessi tas-settur tal-kel u tax-xorb

Monique Goyens

Direttur Ġenerali, BEUC

Interessi tal-Konsumatur

Ivan Hodac

Konsulent ta' Livell Għoli tal-Kumitat tad-Direttur u d-Direttur Ġenerali, ACEA

Interessi tal-manifattura

Tom Jenkins

Konsulent ta' Livell Għoli għas-Segretarju Ġenerali, il-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Ewropea

Interessi tax-xogħol u tat-trejdjunjins

Pascal Kerneis

Direttur Maniġerjali, Forum Ewropew dwar is-Servizzi

Interessi tas-servizzi

Monika Kosinska

Segretarju Ġenerali, Alleanza Ewropea għas-Saħħa Pubblika

Interessi fis-settur tas-saħħa

Pekka Pesonen

Segretarju Ġenerali, COPA-COGECA

Interessi fis-settur agrikolu

Pieter de Pous

Direttur tal-Politika tal-UE, Uffiċċju Ewropew tal-Ambjent

Interessi tal-Aambjent

Reinhard Quick

Direttur, VCI

Interessi tal-manifattura

Luisa Santos

Direttur, Relazzjonijiet Internazzjonali, Businesseurope

Interessi tan-negozju

L-esperti tal-grupp qed jieħdu sehem fuq bażi volontarja u mhumiex se jitħallsu.

Għal aktar tagħrif

Ir-Regoli tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istabbiliment tal-Gruppi ta' Esperti: http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=faq.faq&aide=2

Id-dokumenti kollha dwar in-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP)

Kuntatti :

John Clancy (+32 2 295 37 73)

Helene Banner (+32 2 295 24 07)


Side Bar