Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-sħubijiet tal-UE mal-industrija jagħtu spinta lill-innovazzjoni bl-ewwel EUR 1 biljun għall-proġetti

European Commission - IP/14/796   09/07/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta’ Lulju 2014

Is-sħubijiet tal-UE mal-industrija jagħtu spinta lill-innovazzjoni bl-ewwel EUR 1 biljun għall-proġetti

Sħubijiet ta’ riċerka bejn l-UE, is-settur privat u l-Istati Membri llum ippreżentaw l-ewwel sejħiet għal proġetti u msieħba taħt l-Orizzont 2020, il-programm tal-UE, ta’ EUR 80 biljun, għar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan il-finanzjament pubbliku b'total ta’ EUR 1.13 biljun se jiġi kkomplementat b’ammont komparabbli mill-imsieħba privati. L-ewwel rawnd ta' finanzjament se jmur għal proġetti li jtejbu l-ħajja tan-nies kif ukoll biex tissaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tal-industrija Ewropea. Is-suġġetti jinkludu trattamenti ġodda għad-dijabete u l-mard tal-għajnejn u l-introduzzjoni ta’ tużżani ta’ vetturi tat-triq li jaħdmu bl-idroġenu u stazzjonijiet ta’ riforniment (ara l-MEMO/14/468).

José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: "Nistgħu nittrattaw b'suċċess l-isfidi kbar li qed niffaċċjaw biss jekk l-aqwa imħuħ mill-akkdemja, l-industrija, l-SMEs, l-istituti tar-riċerka u organizzazzonijiet oħra jingħaqdu flimkien. Din hija r-raġuni għas-sħubijiet pubbliċi-privati, il-ġabra tal-forzi flimkien sabiex il-ħajja tal-Ewropej issir aħjar, jinħolqu l-impjiegi u tingħata spinta lill-kompetittività tagħna. Aħna impenjati li nagħtu prijorità lill-impatt tal-baġit Ewropew fuq l-irkupru, u proprju dan li qed jagħmlu dawn is-sħubijiet, bl-ewwel sejħiet għall-proposti għal EUR 1.1 biljun, li trid tiġi kkumbinata b'somma tal-istess ammont mill-industrija, fi ħdan il-pakkett li jirrapreżenta spinta ġnenerali ta' EUR 22 biljun lit-tkabbir u l-ħoqien tal-impjiegi fuq seba' snin. Dawn se jkomplu jagħtuna riżultati li l-ebda pajjiż waħdu, kumpanija jew saħansitra l-UE ma tista' tikseb weħidha.”

It-tnedija tal-ewwel sejħiet tiġi kważi eżattament sena wara li l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Pakkett għall-Investiment fl-Innovazzjoni, sett ta’ proposti biex jiġu stabbiliti seba' sħubijiet pubbliċi-privati u erba’ sħubijiet pubbliċi-pubbliċi (ara IP/13/668). Dawn ser jaħdmu f’diversi oqsma ewlenin, bħall-mediċini, it-trasport, l-elettronika u l-bijoekonomija, u b'kollox jiswew aktar minn EUR 22 biljun. Il-proposti ġew adottati mill-Parlament Ewropew (ara STATEMENT/14/128) kif ukoll mill-Kunsill tal-UE (ara STATEMENT/14/149).

F'isem is-seba' sħubijiet, is-CEOs, is-COOS u is-CTOs tas-sħubijiet privati involuti qalu: "L-Impriżi Konġunti urew is-suċċess tal-mudell ta' sħubija pubblika-privata. Dawn diġà kisbu riżultati li jgħinu fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja u jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-Ewropa. Aħna kburin li nagħmlu parti minn dawn is-sħubijiet il-ġodda taħt l-Orizzont 2020, u ninsabu kuntenti li narawhom imnedija sena biss wara li ġew proposti mill-Kummissjoni. Issa wasal iż-żmien li mmiddu jdejna għax-xogħol u noħroġu b'aktar riżultati li se jikkontribwixxu għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kwalità aħjar tal-ħajja.”

F’avveniment ta’ tnedija fi Brussell illum, l-imsieħba privati kienu rappreżentati minn: Roch Doliveux, is-CEO tal-UCB, Henri Winand, is-CEO tal-Intelligent Energy, Jean-Paul Herteman, il-President u s-CEO tas-Safran Group, Peder Holk Nielsen, is-CEO tan-Novozymes, Jean-Marc Chery, iċ-Chief Operating Officer tal-STMicroelectronics, Jochen Eickholt, is-CEO tad-Divison Rail Systems, Siemens AG, Infrastructure & Cities Sector, u Massimo Garbini, is-CEO tal-ENAV.

Sfond

Is-seba’ sħubiji pubbliċi-privati mnedija llum jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 19.5 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni għas-seba’ snin li ġejjin, fejn il-kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 7.3 biljun se tiftaħ investiment ta’ EUR 12.2 biljun mis-settur privat u l-Istati Membri. Flimkien ma’ erba’ sħubijiet pubbliċi-pubbliċi oħra mal-Istati Membri, dawn jiffurmaw il-Pakkett ta’ Investiment fl-Innovazzjoni li jirrappreżenta aktar minn EUR 22 biljun ta’ investiment fil-futur tal-Ewropa.

Dawn is-sħubijiet jaħdmu f’għadd ta’ oqsma ewlenin:

  • Mediċini Innovattivi 2 (IMI2): biex ikunu żviluppati vaċċini, mediċini u trattamenti għall-ġenerazzjoni li jmiss, bħal pereżempju antibijotiċi ġodda (website | factsheet);

  • Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (FCH2): biex tiġi aċċellerata l-introduzzjoni fis-suq tat-tekonoloġiji nodfa u effiċjenti fit-trasport, fl-industrija u fl-enerġija (website | factsheet);

  • Sema nadif 2 (CS2): biex jiġu żviluppati inġenji tal-ajru aktar indaf, b'inqas storbju u bi tnaqqis sinifikanti ta' emissjonijiet tas-CO2 (website | factsheet);

  • Industriji b'bażi Bijoloġika (BBI): għall-użu ta' riżorsi naturali li jiġġeddu u teknoloġiji innovattivi għal prodotti aktar ekoloġiċi fil-ħajja ta’ kuljum (website | factsheet)

  • Komponenti u Sistemi Elettroniċi għat-Tmexxija Ewropea (ECSEL): biex tingħata spinta lill-kapaċitajiet tal-manifattura tal-elettronika fl-Ewropa (website | factsheet);

  • Shift2Rail: biex jiġu żviluppati ferroviji u infrastrutturi tal-ferroviji aħjar li jnaqqsu l-ispejjeż u jtejbu l-kapaċità, l-affidabilità u l-puntwalità drastikament (website | factsheet);

  • SESAR 2020: biex tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistema tal-Ġesjtoni Ewropea tat-Traffiku tal-Ajru li ssaħħaħ il-prestazzjoni tat-trasport tal-ajru(website | factsheet).

Is-sejħiet kompetittivi mnedija minn dawn is-sħubijiet huma miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ kumpaniji, SMEs, universitajiet, organizzazzjonijiet tar-riċerka u oħrajn. L-aħjar proġetti se jintgħażlu għall-finanzjament permezz ta’ evalwazzjoni bejn il-pari .

Għal aktar tagħif

MEMO/14/468

Il-websajt ta' Orizzont 2020:

Il-Portal tal-Parteċipanti

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website