Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiltaqgħu biex iħaffu l-implimentazzjoni ta’ fond dedikat ta' EUR 6bn

Esperti mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri qed jiltaqgħu fi Brussell fil-11 ta’ Lulju biex iħaffu l-arranġamenti tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni prattika tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ f’seminar speċjali organizzat mill-Kummissjoni. L-għan tas-seminar huwa li jitħaffu aktar il-miżuri ta' programmazzjoni ffinanzjati permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ sabiex l-Istati Membri eliġibbli kollha jkunu jistgħu jibdew jirċievu l-fondi mill-aktar fis possibbli.

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor qal: "Ħafna Stati Membri qed jimplementaw b’mod attiv miżuri biex jagħmlu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ realtà bl-appoġġ ta’ EUR 6 biljun disponibbli mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Fond Soċjali Ewropew, b’valur ta’ aktar minn EUR 10 biljun kull sena. L-iffinanzjar minn din l-Inizjattiva għandu rwol kruċjali peress li jappoġġja b’mod dirett liż-żgħażagħ billi jipprovdi l-ewwel esperjenza ta’ xogħol, taħriġ, apprendistat jew korsijiet ta’ taħriġ. Dan is-seminar għandu l-għan li jgħin lill-Istati Membri jaċċelleraw il-programmazzjoni ta' miżuri li jappoġġaw liż-żgħażagħ iffinanzjati skont l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u biex dawn il-flus jużawhom bl-aħjar mod”.

Il-flus mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li huma ipprogrammati flimkien mal-Fond Soċjali Ewropew fl- 2014-20, huma maħsuba biex jintużaw għal azzjonijiet immirati għaż-żgħażagħ taħt il-25 sena (jew jekk Stat Membru hekk jiddeċiedi, sa 29 sena), primarjament dawk li attwalment mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (l-hekk imsejħa NEETs), f’reġjuni fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ kien ta' aktar minn 25% fl-2012. Għoxrin Stat Membru huma eliġibbli għall-finanzjament mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, peress li jħaddnu fihom it-tali reġjuni. Billi tiffinanzja l-provvediment dirett ta’ impjiegi, apprendistati, jew edukazzjoni kontinwa, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tappoġġja direttament l-implimentazzjoni ta’ skemi nazzjonali ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ.

L-infiq ikun eliġibbli mill-1 ta’ Settembru 2013, li jfisser li l-fondi jkunu jistgħu jiġu retroattivi sa dakinhar. L-awtoritajiet nazzjonali jeħtieġ li jissottomettu għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni programmi operattivi li jiddeskrivu l-miżuri għall-użu tal-finanzjament mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, skont it-termini tar-Regolamenti adottati mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew. S’issa, ġie adottat mill-Kummissjoni l-programm operattiv ta' Franza ddedikat għall-Inizjattiva (IP/14/622) filwaqt li l-abbozz tal-programm operattiv iddedikat għall-Inizjattiva tal-Italja huwa fl-istadji finali ta’ diskussjonijiet mal-Kummissjoni. Stati Membri oħra li jinkludu lill-Bulgarija, il-Kroazja, l-Irlanda, il-Polonja u l-Isvezja huma wkoll fil-proċess tal-implimentazzjoni ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.

Tagħrif eżistenti

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Garanzija għaż-Żgħażagħ tressqet f'Diċembrui 2012 (ara IP/12/1311 u MEMO/12/938), u ġiet formalment adottata mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE fit-22 ta' April 2013 (ara MEMO/13/152) u ġiet approvata mill-Kunsill Ewropea ta' Ġunju 2013. Il-loġika tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija sempliċi ħafna – li jiġi żgurat li l-ebda żagħżugħ ma jitħalla qiegħed jew inattiv għal aktar minn erba’ xhur. Skont il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, iż-żgħażagħ kollha taħt il-25 sena għandhom jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, taħriġ, apprendistat jew edukazzjoni ulterjuri fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jitilqu mis-sistema edukattiva. Tali riforma strutturali tirrappreżenta investiment fil-kapital uman.

It-28 Stat Membru lkoll ressqu l-pjanijiet ta’ Implimentazzjoni tagħhom tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u qed jagħmlu l-ewwel passi biex jistabbilixxu l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom (id-dettalji huma disponibbli hawn).

Il-Fond Soċjali Ewropew, li qed jipprovdi aktar minn EUR 10 biljuni kull sena fil-perjodu 2014-2020, huwa l-aktar sors sinifikanti ta’ finanzjament tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Biex jiżdied l-appoġġ finanzjarju disponibbli tal-UE għar-reġjuni fejn l-individwi żgħażagħ jissieltu l-aktar mal-qgħad u l-inattività, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu fuq il-ħolqien ta’ għodda finanzjarja ddedikata – l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) - għal dawk l-Istati Membri b’reġjuni fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ jeċċedi l-25%. Il-finanzjament tal-YEI jinkludi EUR 3 biljuni minn linja baġitarja ġdida tal-UE speċifika ddedikata għall-impjiegi taż-żgħażagħ (disponibbli bil-quddiem għall-2014-15) flimkien ma' mill-inqas EUR 3 biljuni mill-allokazzjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew tal-Istati Membri.

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hija disponibbli biex tappoġġja lill-individwi, speċjalment in-NEETs, aktar milli biex timplimenta riformi strutturali (dawn tal-aħħar huma appoġġjati mill-FSE). L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tista’ tintuża biex jiġu appoġġjati attivitajiet inkluż l-ewwel esperjenza tax-xogħol, il-provvediment ta’ taħriġ u apprendistati, l-appoġġ għall-bidu ta’ negozju lill-intraprendituri żgħażagħ, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità, programmi li jagħtu ċans ieħor għal dawk li jkunu abbandunaw l-iskola minn-kmieni u sussidji mmirati għall-pagi u r-reklutaġġ.

Stat Membru

Reġjuni eliġibbli għal finanzjament skont l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (miljuni ta’ EUR)*

L-Awstrija

Le

-

Il-Belġju

Iva

39.64

Il-Bulgarija

Iva

51.56

Il-Kroazja

Iva

61.82

Ċipru

Iva

10.81

Ir-Repubblika Ċeka

Iva

12.71

Id-Danimarka

Le

-

L-Estonja

Le

-

Il-Finlandja

Le

-

Franza

Iva

289.76

Il-Ġermanja

Le

-

Il-Greċja

Iva

160.24

L-Ungerija

Iva

46.49

L-Irlanda

Iva

63.66

L-Italja

Iva

530.18

Il-Latvja

Iva

27.1

Il-Litwanja

Iva

29.69

Il-Lussemburgu

Le

-

Malta

Le

-

Il-Polonja

Iva

235.83

Il-Portugall

Iva

150.2

Ir-Rumanija

Iva

99.02

Is-Slovakkja

Iva

67.43

Is-Slovenja

Iva

8.61

Spanja

Iva

881.44

L-Isvezja

Iva

41.26

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Le

-

Ir-Renju Unit

Iva

192.54

* l-Istati Membri għandhom iżidu ma’ dawn l-ammonti talanqas l-istess ammonti mill-allokazzjoni tagħhom tal-Fond Soċjali Ewropew.

Għal aktar tagħif

MEMO/14/466

Impjiegi għaż-żgħażagħ

Garanzija għaż-Żgħażagħ

Il-websajt ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq it-Twitter

Abbona mingħajr ħlas għall-bulettin bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjieg, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website