Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014

Is-sorveljanza marittima: Naħdmu id f'id mal-Istati Membri għal ibħra u oċeani aktar sikuri

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħadet pass ieħor lejn sorveljanza aktar effettiva u kosteffiċjenti tal-ibħra Ewropej. Billi tinġieb flimkien id-dejta ta’ sorveljanza mill-awtoritajiet ċivili u militari bħall-gwardji kostali, il-forzi navali, il-monitoraġġ tat-traffiku, il-monitoraġġ tal-ambjent u tat-tniġġis, is-sajd u l-kontroll tal-fruntieri, jista' jiġi evitat ix-xogħol doppju u jistgħu jiġu ffrankati sa EUR 400 miljun fis-sena. Iż-żieda fil-kooperazzjoni u fil-qsim tad-dejta tgħin biex jiġu indirizzati b’mod aktar effiċjenti l-avvenimenti f’ħin reali fuq il-baħar bħal inċidenti, inċidenti ta’ tniġġis, it-theddid ta' kriminalità jew għas-sigurtà. Is-CISE, l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni dwar is-settur marittimu, għandu l-għan li jiġbor flimkien l-atturi rilevanti kollha biex b'hekk jaqsmu d-dejta. Is-CISE huwa wieħed mill-elementi kostitwenti tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà Marittima adottata dan l-aħħar.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, qalet: "It-tkabbir ekonomiku sostenibbli fis-settur marittimu jista' jiġi żgurat biss jekk l-ibħra u l-oċeani tagħna jkunu sikuri u siguri. Is-CISE għandu l-għan li jiżgura li l-atturi kollha involuti fis-sorveljanza marittima jkollhom stampa sħiħa tal-avvenimenti kollha fuq il-baħar. Il-qsim ta’ din l-informazzjoni huwa fundamentali biex jiġi evitat xogħol doppju fil-ġbir tad-dejta u anke għall-użu ta’ bastimenti tal-għassa, ajruplani, ħelikopters jew satelliti fl-istess żoni tal-baħar. Illum, madwar 40 % tal-informazzjoni tinġabar diversi drabi u bejn 40 % u 80 % tal-informazzjoni ma tinqasamx bejn l-utenti interessati. Ma naffordjawx din il-ħela ta’ sforzi u flus."

Il-Komunikazzjoni tal-lum mill-Kummissjoni tippreżenta l-progress tajjeb li sar fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali minn meta ġie elaborat il-pjan direzzjonali tas-CISE fl-2010 u l-impenn qawwi tal-atturi kollha f’dan il-qasam. Din tipproponi wkoll gwida u prijoritajiet għal aktar azzjoni kemm fil-livelli tal-UE u kif ukoll f'dak nazzjonali. L-enfasi prinċipali għandha tkun it-titjib fl-iskambju tal-informazzjoni — b’mod partikolari bejn l-awtoritajiet ċivili u dawk militari, sabiex l-interkonnessjoni tas-sistemi ta’ sorveljanza marittima eżistenti titjieb u dawn isiru interoperabbli. Dan se jwassal għal żieda fl-effiċjenza, fil-kwalità, fir-rispons u fil-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ sorveljanza marittima fl-ilmijiet tal-UE kif ukoll fi kwalunkwe żona ġeografika oħra fejn l-UE għandha interessi vitali. Dan se jgħin fil-ħolqien ta’ klima ta’ investiment għat-tkabbir blu aktar sikur u jtejjeb il-prosperità u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE.

Fil-futur qrib, il-Kummissjoni beħsiebha tniedi proġett taħt is-7 Programm Kwadru tal-UE għar-Riċerka sabiex is-CISE Marittimu jiġi ttestjat fuq skala kbira. Dan se jipproduċi wkoll manwal, flimkien mal-Istati Membri, dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħjar prattiki dwar kif għandu jiġi applikat is-CISE abbażi tal-esperjenza minn sistemi u proġetti pilota eżistenti bħalma huma MARSUNO, BluemassMed u Cooperation. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa wkoll miżuri għall-iżvilupp ta' standards li jippermettu l-interoperabbiltà bejn is-sistemi.

Kuntest

L-Istati Membri tal-UE jwettqu sorveljanza marittima u se jkomplu jagħmlu dan. Madankollu, diversi awtoritajiet tas-sorveljanza fl-Ewropa ma għandhomx biżżejjed aċċess għall-informazzjoni ta’ xulxin. Permezz tal-użu ta’ teknoloġija mill-aqwa, is-CISE se jintegra s-sistemi u n-netwerks ta’ sorveljanza eżistenti u joħloq interoperabbiltà fis-sistemi.

It-titjib fl-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza marittima huwa wieħed mill-objettivi strateġiċi ewlenin tal-Politika Marittima Integrata tal-UE u huwa element kostitwenti importanti fil-bini tal-Istrateġija tas-Sigurtà Marittima reċenti. It-tisħiħ tas-sigurtà tal-ibħra u tal-oċeani huwa wkoll parti essenzjali tal-aġenda dwar it-tkabbir blu biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi fl-ekonomija marittima.

L-UE għandha interessi vitali fil-kwistjonijiet marittimi fi ħdan l-UE u madwar id-dinja u teħtieġ li tkun kapaċi tissalvagwardja dawk l-interessi b’mod xieraq u effiċjenti.

Fost it-28 Stat Membru tagħha, 23 huma Stati kostali u 26 huma Stati tal-Bandiera.

L-Istati Membri tal-UE huma responsabbli għall-kontroll ta' kosta twila aktar minn 90 000 kilometru, li tinsab fil-fruntiera ma' żewġ oċeani u erba' ibħra, flimkien mat-territorji extra-Ewropej u l-installazzjonijiet ta' sigurtà nazzjonali f'oċeani oħra. Flimkien dawn għandhom aktar minn 1 200 port kummerċjali; aktar minn 8 100 bastiment li jtajru bandiera (aktar minn 500 GT); 4 300 kumpanija marittima rreġistrata; 764 port kbir u aktar minn 3 800 faċilità tal-portijiet. Hemm 80 Operatur tas-Sigurtà Rreġistrati maħtura mill-Istati Membri.

90 % tal-kummerċ estern tal-UE u 40 % tal-kummerċ intern tagħha jiġi ttrasportat bil-baħar.

Is-sidien ta’ vapuri Ewropej imexxu 30 % tal-bastimenti tad-dinja u 35 % tat-tunnellaġġ tat-trasport dinji — inter alia 55 % tal-bastimenti tal-kontejners u 35 % tat-tankers, u dan jirrappreżenta 42 % tal-valur tal-kummerċ globali bil-baħar.

Ta' kull sena aktar minn 400 miljun passiġġier jgħaddu mill-portijiet tal-UE.

Aktar minn 20 % mit-tunnellaġġ tad-dinja kollha huwa rreġistrat taħt bandiera tal-Istati Membri tal-UE u aktar minn 40 % tal-flotta dinjija hija kkontrollata minn kumpaniji tal-UE.

Madwar 300 awtorità pubblika huma attivi f’attivitajiet ta’ sorveljanza marittima fl-UE u l-Istati Membri tagħha.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/14/467

Il-Komunikazzjoni u aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/integrated_maritime_surveillance/index_mt.htm

Kuntatti:

Helene Banner (+32 2 295 24 07)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar