Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, 29 ta’ Jannar 2014

Iċ-ċaħda: Il-Kummissjoni taġixxi biex tiddefendi d-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini tal-UE barra minn pajjiżhom

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħarġet gwida għall-Istati Membri tal-UE li jkollhom regoli fis-seħħ li jwasslu għat-telf ta’ drittijiet tal-vot għaċ-ċittadini fl-elezzjonijiet nazzjonali, sempliċement għaliex ikunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqilqu b’mod ħieles fl-UE. Ħames Stati Membri (id-Danimarka, l-Irlanda, Ċipru, Malta u r-Renju Unit) attwalment japplikaw reġimi li għandhom dan l-effett. Filwaqt li taħt it-Trattati eżistenti tal-UE, l-Istati Membri huma kompetenti biex jiddeterminaw min jista’ jgawdi mid-dritt li jivvota fl-elezzjonijiet nazzjonali, il-prattiki taċ-ċaħda jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv id-drittijiet tal-moviment ħieles tal-UE. Dawn il-prattiki taċ-ċaħda jmoru kontra wkoll il-premessa fundatriċi taċ-ċittadinanza tal-UE li hija maħsuba biex tagħti liċ-ċittadini drittijiet addizzjonali, aktar milli li ċċaħħadhom mid-drittijiet.

Id-dritt għall-vot huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali politiċi taċ-ċittadinanza. Huwa parti min-nisġa tad-demokrazija stess. Li ċ-ċittadini jiġu miċħuda mid-dritt tagħhom li jivvutaw ladarba jiċċaqalqu minn pajjiż tal-UE għal ieħor effettivament ifisser li ċ-ċittadini jiġu kkastigati talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment ħieles. Dawn il-prattiki jqegħduhom f'riskju li jsiru ċittadini tat-tieni klassi,” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. “F'ittri, petizzjonijiet u djalogi taċ-ċittadini, iċ-ċittadini għamluhielna ċara kemm din il-kwistjoni hija importanti għalihom. Huwa għalhekk illi, fir-Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, il-Kummissjoni għamlet wegħda li tindirizza l-kwistjoni. Illum qed nagħtu sehemna fil-ħidma. Aħna qed nappellaw lill-Istati Membri biex juru flessibilità ikbar u qed noħorġu gwida proporzjonata lill-ħames pajjiżi kkonċernati sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jerġgħu jitniżżlu fir-reġistru elettorali tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Nittama li l-Istati Membri se jkunu lesti jindirizzaw dan it-tħassib konkret ħafna, għaliex iċ-ċaħda hija kwistjoni serja ħafna għall-individwi kkonċernati.

Ħames pajjiżi tal-UE attwalment għandhom regoli nazzjonali li jwasslu għal telf ta’ drittijiet tal-vot nazzjonali minħabba l-perjodi li joqogħdu barra mill-pajjiż (id-Danimarka, l-Irlanda, Ċipru, Malta u r-Renju Unit). Ir-regoli jvarjaw b’mod konsiderevoli, biċ-ċittadini Ċiprijotti jitilfu l-vot tagħhom jekk ma jkunux residenti f’Ċipru sitt xhur qabel elezzjoni, filwaqt li ċ-ċittadini Brittaniċi jridu jkunu ġew irreġistrati biex jivvutaw b’indirizz fir-Renju Unit għal dawn l-aħħar 15-il sena (ara l-ħarsa ġenerali fl-Anness). Hemm Stati Membri oħra li jippermettu liċ-ċittadini tal-UE tagħhom li jżommu d-dritt li jivvotaw taħt ċerti kundizzjonijiet, bħall-Awstrija, li teħtieġ liċ-ċittadini li jirrisjedu barra mill-pajjiż li perjodikament jġeddu r-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru elettorali, jew il-Ġermanja, li teħtieġ liċ-ċittadini li jkun familjari ma’ u affettwati minn politiki nazzjonali jew ikunu residenti fil-Ġermanja għal mill-inqas tliet xhur matul l-aħħar 25 sena.

Ir-raġuni ewlenija tar-regoli taċ-ċaħda – fejn iċ-ċittadini li jgħixu barra minn pajjiżhom m'għandhomx rabtiet suffiċjenti mal-pajjiż tal-oriġini tagħhom – m'għadhiex rilevanti fid-dinja interkonnessa tal-lum.

Il-gwida tal-lum maħruġa mill-Kummissjoni għandha l-għan li tittratta l-problema b’mod proporzjonat billi tistieden lill-Istati Membri biex:

Iħallu liċ-ċittadini tagħhom li jagħmlu użu mid-dritt tagħhom għall-moviment ħieles fl-UE li jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali jekk juru interess kontinwu fil-ħajja politika tal-pajjiż, li tinkludi l-applikazzjoni tagħhom biex jibqgħu fuq ir-reġistru elettorali;

Meta jippermettu liċ-ċittadini residenti fi Stat Membru ieħor japplikaw biex iżommu l-vot tagħhom, jiżguraw li dan ikunu jistgħu jagħmluh elettronikament;

Jinfurmaw liċ-ċittadini fil-ħin u b’mod xieraq dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti prattiċi biex iżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw f’elezzjonijiet nazzjonali.

Eżempji

Koppja Daniża tmur tgħix il-Polonja biex taħdem hemm, filwaqt li binthom baqgħet fid-Danimarka biex tlesti l-istudji tagħha. Il-konjuġi ta' spiss imorru lura lejn Kopenħagen biex jaraw lill-familja u lill-ħbieb u jibqgħu sintonizzati mill-qrib fuq l-iżviluppi politiċi u soċjali fid-Danimarka fejn eventwalment beħsiebhom jirritornaw. Madankollu, ma jistgħux jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali, għaliex iċ-ċittadini Daniżi li jħallu l-pajjiż jitħallew jibqgħu fir-reġistru elettorali biss jekk ikollhom il-ħsieb li jerġgħu lura fi żmien sentejn.

Pensjonant Ingliż mar jgħix Franza wara li rtira iżda baqa’ f’kuntatt mill-qrib ma’ ħbieb u familja lura fir-Renju Unit. Huwa xorta għadu jippossjedi appartament fir-Renju Unit u jsegwi l-iżviluppi politiċi permezz ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fuq ir-radju u t-televiżjoni Ingliża, disponibbli f’pajjiżi oħra tal-UE. Madanakollu, 15-il sena wara li rtira, huwa ma jistax jivvota fl-elezzjonijiet nazzjonali Brittanniċi.

Sfond

Iċ-ċittadinanza tal-UE tagħti liċ-ċittadini tal-UE d-dritt li jivvutaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej fil-pajjiż tal-UE ta' residenza tagħhom bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali. Madanakollu, dawn id-drittijiet ma jgħoddux għall-elezzjonijiet nazzjonali, u – fit-13-il Stat Membru fejn ir-reġjuni għandhom kapaċitajiet leġiżlattivi – għall-elezzjonijiet reġjonali.

Fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-2010 tal-UE, il-Kummissjoni identifikat il-kwistjoni taċ- “ċaħda tal-vot” bħala problema għaċ-ċittadini tal-UE li jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu u nediet diskussjoni dwar soluzzjonijiet possibbli.

Fid-19 ta' Frar 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni kellhom seduta konġunta dwar iċ-ċittadinanza tal-UE. Il-parteċipanti, fosthom iċ-ċittadini kkonċernati tal-UE, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-esperti enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu vvalutati mill-ġdid il-politiki eżistenti li jċaħħdu liċ-ċittadini mid-dritt tal-vot tagħhom — u l-ġustifikazzjonijiet li huma bbażati fuqhom — fid-dawl tal-iżviluppi kurrenti lejn parteċipazzjoni demokratika aktar inklużiva fl-UE.

Barra minn hekk, f’Ewrobarometru riċenti dwar id-drittijiet elettorali, żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu jaħsbu li ma kienx ġustifikat li jitilfu d-dritt tagħhom li jivvutaw f’elezzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom sempliċiment minħabba li jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE.

Ir- Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE jistabbilixxi 12-il mod konkret li jgħinu l-Ewropej jagħmlu użu aħjar mid-drittijiet tagħhom tal-UE, minn tfittix għal xogħol f’pajjiż ieħor tal-UE sal-iżgurar ta' parteċipazzjoni aktar b'saħħitha fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Fir-rapport il-Kummissjoni ħadet impenn li taħdem fuq modi kostruttivi li jippermettu liċ-ċittadini tal-UE biex iżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw f’elezzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

Aktar informazzjoni

Pakkett tal-Istampa (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u Rakkomandazzjoni):

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/citizen/news/140129_en.htm

Mejju 2014: Il-vot tiegħek jgħodd

http://ec.europa.eu/avservices/video/player.cfm?ref=I083108

Il-Kummissjoni Ewropea – Ċittadinanza tal-UE – Drittijiet elettorali:

http://ec.europa.eu/justice/citizen/voting-rights/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Segwi l-Ġustizzja tal-UE fuq Twitter: @EU_Justice

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika

ANNESS

1. Is-sitwazzjoni fl-Istati Membri

PAJJIŻ

Għadd stmat ta’ ċittadini li jgħixu xi mkien ieħor fl-UE

Iċ-ċaħda wara

Kundizzjonjiet

Id-Danimarka

L-ebda informazzjoni mhi disponibbli 

Sentejn

Iċ-ċittadini Daniżi jitħallew jibqgħu fuq ir-reġistru elettorali biss jekk ikunu jirreġistraw l-intenzjoni tagħhom li jmorru lura d-Danimarka, fi żmien sentejn.

L-Irlanda

 L-ebda informazzjoni mhi disponibbli 

18-il xahar

Iċ-ċittadini Irlandiżi jitħallew jibqgħu fuq ir-reġistru elettorali biss jekk huma jirreġistraw l-intenzjoni tagħhom li jmorru lura fi żmien 18-il xahar

Ir-Renju Unit

1 000 000

15-il sena

Iċ-ċittadini tar-Renju Unit jiġu miċħuda mid-drittijiet tagħhom jekk ma jkunux ġew irreġistrati biex jivvutaw b’indirizz fir-Renju Unit fil-15-il sena preċedenti

Malta

L-ebda informazzjoni mhi disponibbli  

18-il xahar

Iċ-ċittadini Maltin jiġu miċħuda mid-drittijiet tagħhom jekk ma jkunux residenti f’Malta għal mill-inqas sitt xhur fit-18-il xahar immedjatament qabel l-elezzjonijiet nazzjonali

Ċipru

L-ebda informazzjoni mhi disponibbli  

6 xhur

Iċ-ċittadini Ċiprijotti jiġu miċħuda mid-drittijiet tagħhom jekk ma jkunux residenti f’Ċipru għal mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel l-elezzjonijiet nazzjonali


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site