Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 2 ta' Lulju 2014

Politika ambjentali/industrijali: Għix u aħdem f’bini aħjar

Illum il-Kummissjoni adottat proposti ġodda bil-għan li jitnaqqsu l-impatti ambjentali tal-bini ġdid u rinnovat billi tiżdied l-effiċjenza fir-riżorsi u bit-titjib tal-informazzjoni disponibbli dwar il-prestazzjoni tal-bini. Ir-riżultati mistennija li jkunu:

  • tajbin għall-ambjent. Kważi nofs il-konsum finali tal-enerġija u tal-materjali estratti tal-UE u madwar terz tal-konsum tal-ilma tal-UE huma relatati mal-kostruzzjoni u l-okkupanza tal-bini;

  • tajbin għas-settur tal-kostruzzjoni. Is-settur tal-kostruzzjoni Ewropew jiġġenera kważi 10% tal-PDG u jipprovdi 20 miljun impjieg;

  • u tajbin għall-okkupanti. Il-bini sostenibbli huwa irħas biex jiġi operat u jinżamm f'kundizzjoni tajba u għandu impatti pożittivi fuq is-saħħa u l-benesseri tal-okkupanti.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Michel Barnier, aġent Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija qal: "Is-settur tal-kostruzzjoni għandu jħares lejn il-proposti tal-lum bħala opportunità għal innovazzjoni u biex jinġibdu talenti ġodda. Teknoloġiji ġodda joffru potenzjal kbir, mhux biss għal djar ġodda, iżda wkoll biex jiġu rinnovati miljuni ta’ bini eżistenti sabiex isiru effiċjenti ħafna fl-enerġija. Ejja ma nħallux din l-opportunità taħrabilna."

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik, qal: "Nisimgħu ħafna dwar l-effiċjenza enerġetika tal-bini, iżda hemm bżonn ukoll li nħarsu lejn l-istampa kollha. Informazzjoni pubblika aħjar dwar il-prestazzjoni ambjentali hija soluzzjoni ċerta kif tiżdied il-prestazzjoni ġenerali tal-bini tagħna. Din is-soluzzjoni hija tajba għall-ambjent, tajba għas-saħħa tan-nies u iktar irħisa għalihom.

Meta bini jkun qed jinbena, jintuża jew jitwaqqa', dan ikollu impatt sostanzjali fuq l-ambjent tagħna. Filwaqt li matul l-aħħar snin sar titjib notevoli fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika fl-UE, l-informazzjoni disponibbli dwar il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-bini hija ftit wisq. Riċerka wriet li 79% tal-unitajiet domestiċi madwar l-Ewropa jixtiequ li jkunu jistgħu iqisu l-aspetti ambjentali meta jikru jew jixtru proprjetà. Minkejja dan, inqas minn 1% tal-bini fl-Ewropa ġie vvalutat f’dan ir-rigward.

Permezz tal-proposti tal-lum, il-periti, il-manifatturi ta’ prodotti għall-bini, il-bennejja u kull min jixtieq jikri jew jixtri bini se jkollu aċċess għal informazzjoni aħjar dwar l-aspetti ambjentali u ta’ saħħa involuti. L-impatti ambjentali ta’ għażliet differenti fit-tfassil, il-bini, l-użu u t-twaqqigħ jistgħu jiġu mqabbla aktar faċilment, u bħala konsegwenza ta' dan jiżdied l-inċentiv għal bini sostenibbli madwar l-UE.

Il-Kummissjoni se żżom dan f'moħħha u flimkien mal-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet nazzjonali se tiżviluppa qafas b'għadd limitat ta’ indikaturi għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-bini. L-għan huwa li jipprovdi għodda li tista’ tintuża madwar l-Ewropa minn atturi privati kif ukoll minn awtoritajiet pubbliċi. Konsultazzjoni pubblika s-sena l-oħra kkonkludiet li tali qafas jista' jkun pass importanti lejn it-tisħiħ tal-provvista u d-domanda għal bini aktar ekoloġiku.

Ser jittieħdu wkoll passi biex il-prestazzjoni ambjentali tal-bini tittejjeb b'mod dirett. Proposti ġodda se jiffaċilitaw ir-riċiklaġġ tal-iskart mill-kostruzzjoni u mit-twaqqigħ tal-bini u l-użu mill-ġdid tiegħu fil-kostruzzjoni ta' bini ġdid jew fir-rinnovazzjoni ta' bini. B'hekk inqas skart se jispiċċa fil-miżbliet u se tinħtieġ inqas materja prima.

L-inizjattivi, flimkien mal-komunikazzjonijiet dwar l-iskart u l-ekonomija ċirkolari, l-impjiegi ekoloġiċi u l-pjan ta’ azzjoni ambjentali għall-SMEs, li wkoll ġew ippubblikati mill-Kummissjoni llum, iniedu aġenda għall-effiċjenza tar-riżorsi rinnovabbli għas-snin li ġejjin.

Il-Passi li Jmiss

L-ewwel sett ta’ indikaturi għandu jkun disponibbli fi żmien sentejn sa tliet snin. Wara dan, se tinġabar informazzjoni li gradwalment se jkollha impatt fuq il-bini ġdid u rinnovat. Il-Kummissjoni se tagħti wkoll spinta lis-suq tar-riċiklaġġ ta’ skart ta’ kostruzzjoni u ta’ twaqqigħ permezz ta’ aktar appoġġ għal proġetti ta’ riċerka u dimostrazzjoni, u aktar kollaborazzjoni mal-Istati Membri biex jagħmlu r-riċiklaġġ aktar attraenti ekonomikament.

Tagħrif eżistenti

Il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi adottat fl-2011 wera kif in-nutrizzjoni, il-mobbiltà u l-akkomodazzjoni huma tipikament responsabbli għal 70-80% tal-impatti ambjentali kollha fil-pajjiżi industrijalizzati. Għalhekk, hemm bżonn li l-politiki eżistenti għal promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fil-bini jiġu kkumplimentati minn politiki għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi li jħarsu lejn firxa usa’ ta’ impatti ambjentali tul iċ-ċiklu ta' ħajja tal-bini. Barra minn hekk, tali politiki jistgħu jikkontribwixxu għal settur tal-kostruzzjoni kompetittiv u għal żvilupp ta’ stokk tal-bini effiċjenti fir-riżorsi. Il-Pjan Direzzjonali jiddefinixxi l-miri għall-2020 u jistabbilixxi azzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea. Jappella wkoll għal Komunikazzjoni dwar il-bini sostenibbli li tgħin sabiex jintlaħqu l-miri tal-Pjan Direzzjonali.

L-inizjattivi jipproponu approċċi għar-rikonoxximent reċiproku jew l-armonizzazzjoni tad-diversi metodi ta' valutazzjoni eżistenti u jagħmilhom ukoll aktar operazzjonali u affordabbli għall-intrapriżi tal-kostruzzjoni, l-industrija tal-assigurazzjoni u l-investituri. Dan huwa skont l-Istrateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-intrapriżi tiegħu, li jistabbilixxi l-azzjonijiet ta' politika sal-2020 fil-qasam tal-investiment, il-kapital uman, ir-rekwiżiti ambjentali, ir-regolament u l-aċċess għas-swieq.

Aktar informazzjoni

Link għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/environment/circular-economy/

Ara wkoll

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-bini sostenibbli MEMO/14/451

http://ec.europa.eu/environment/eussd/buildings.htm

http://ec.europa.eu/enterprise/magazine/articles/sustainable-industry-innovation/article_11121_en.htm

IP/14/763

Kuntatti:

Għall-istampa:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Andreja Skerl (+32 2 295 14 45)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 0 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website