Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 3 ta’ Lulju 2014

Għid tiegħek dwar il-futur tax-xjenza: konsultazzjoni pubblika dwar ix-Xjenza 2.0

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet konsultazzjoni pubblika dwar “Ix-Xjenza 2.0”, sabiex tkejjel ix-xejra lejn mod aktar miftuħ ta’ kif issir ir-riċerka u l-innovazzjoni, abbażi tad-dejta u b'attenzjoni fuq il-poplu. Ir-riċerkaturi qed jużaw għodda diġitali biex iħajru eluf ta’ persuni jipparteċipaw fir-riċerka, pereżempju billi jitolbuhom jirrappurtaw jekk ikollhom l-influwenza sabiex jimmonitorjaw tifqigħat u jbassru epidemiji possibbli. Ix-xjenzjati qed juru wkoll aktar disponibbiltà: jaqsmu ma ħadd ieħor l-iskoperti fuq l-internet fi stadju bikri, iqabblu u jiddiskutu xogħlhom għal riżultati aħjar. Kulma jmur, il-pubblikazzjonijiet xjentifiċi huma disponibbli b’xejn fuq l-internet. Skont xi stimi, 90 fil-mija tad-dejta kollha disponibbli fid-dinja ġiet iġġenerata fl-aħħar sentejn, u l-produzzjoni ta' dejta xjentifika qed tikber b’rata ta’ 30 fil-mija kull sena.

Il-konsultazzjoni se tħares lejn l-għarfien u l-parteċipazzjoni f’dawn ix-xejriet, kif ukoll se tikseb l-opinjonijiet dwar l-opportunitajiet maħluqa minn “Xjenza 2.0" għat-tisħiħ tal-kompetittività tax-xjenza u tar-riċerka Ewropea. Id-data tal-għeluq għat-tweġibiet hija t-30 ta' Settembru 2014.

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire Geoghegan-Quinn, qalet: "Xjenza 2.0 hija rivoluzzjoni ta' kif nipprattikaw ix-xjenza - mill-analizzar u l-qsim tad-dejta u l-pubblikazzjonijiet sal-kooperazzjoni madwar id-dinja. Hija wkoll tippermetti liċ-ċittadini jingħaqdu fit-tfittxija għal għarfien ġdid. Il-proċess xjentifiku kollu qed isir aktar trasparenti u effiċjenti, iżda dan joħloq ukoll mistoqsijiet dwar l-integrità u l-kwalità — għalhekk irridu nisimgħu l-fehmiet tan-nies dwar kif nistgħu niżguraw li x-Xjenza 2.0 tiżviluppa b’mod li huwa pożittiv għall-Ewropa.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mill-Aġenda Diġitali qalet: "Illum il-ġurnata t-teknoloġija diġitali toffri l-possibbiltà ta' trasformazzjoni ġdida, bit-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni u billi jsiru aktar rilevanti għaċ-ċittadini u s-soċjetà. Mixjin lejn ix-xjenza diġitali miftuħa — xejra li hija gradwali iżda ma jżommha xejn. Din ix-xejra, u x-xewqa li tintlaqa', mhux ġejja mill-politiċi, iżda mill-komunitajiet xjentifiċi u akkademiċi nfushom. U jiena determinata li nappoġġjaha.”

Il-Kummissjoni Ewropea diġà integrat xi aspetti ta’ “Xjenza 2.0" fil-politika tagħha. B’mod partikolari, l-aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi huwa obbligatorju għar-riċerka Orizzont 2020, il-programm ġdid tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. Tnieda wkoll proġett pilota dwar Dejta għal Riċerka Miftuħa. Permezz tal-programmi ta’ riċerka tagħha, l-UE tiffinanzja wkoll għadd ta’ proġetti ta’ xjenza taċ-ċittadini u tappoġġja xi infrastruttura elettronika li permezz tagħha x-Xjenza 2.0 issir possibbli.

Skema: Bidliet bla waqfien li għandhom impatt fuq iċ-ċiklu kollu tar-riċerka, mill-bidu sal-evalwazzjoni u l-pubblikazzjoni

Il-konsultazzjoni, kif ukoll informazzjoni ta’ sfond, jinstabu fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea: Il-vuċi tiegħek fl-Ewropa (http://ec.europa.eu/research/science-2.0). Tista’ ssegwi d-dibattiti fuq il-midja soċjali wkoll, permezz tal-hashtag #Xjenza20.

Sfond

"Xjenza 2.0" miexja b'pass qawwi mad-dinja kollha bħala riżultat tat-teknoloġiji diġitali u bi tweġiba għan-nuqqasijiet attwali fix-xjenza, inkluż il-proċess tal-pubblikazzjoni xjentifika li jimxi bil-mod u jiswa l-flus, il-kritika tas-sistema ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u l-isfida tar-riproduzzjoni tar-riżultati tar-riċerka minħabba nuqqas ta’ dejta li tista' terġa tintuża u tiġi replikata.

Dan qed iseħħ fil-kuntest ta’ xejriet ewlenin u interkonnessi:

żieda sinifikanti fil-produzzjoni xjentifika u xejra lejn aċċess miftuħ għall-informazzjoni xjentifika u kollaborazzjoni fir-riċerka miftuħa (kollaborazzjoni mill-bogħod ta’ xjenzjati);

żieda kostanti fl-għadd ta’ atturi fix-xjenza (illum, id-dinja għandha l-ikbar għadd ta’ xjenzjati) u involviment akbar taċ-ċittadini fir-riċerka (fir-riċerka nnifsha jew bħala finanzjaturi jew bħala dawk li jfasslu l-aġenda);

modi ġodda ta’ kif issir ix-xjenza grazzi għad-disponibbiltà ta’ settijiet ta’ dejta fuq skala kbira (90% tad-dejta kollha fid-dinja ġiet iġġenerata matul l-aħħar sentejn) u tkabbir kostanti fil-qawwa tal-kompjuters.

Ħoloq

Orizzont 2020: http://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/

L-Aġenda Diġitali: http://ec.europa.eu/digital-agenda/

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)

Ryan Heath (+32 2 296 17 16) Twitter: @RyanHeathEU

Siobhan Bright (32 2 295 73 61) Email: comm-kroes@ec.europa.eu

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar