Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell/Strasburgu, l-1 ta’ Lulju 2014

Il-Kummissjoni tippreżenta azzjonijiet għall-protezzjoni aħjar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u għall-infurzar tagħhom

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ komunikazzjonijiet — Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi indirizzat il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-UE u Strateġija għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (intellectual property rights - IPR) f’pajjiżi terzi.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE jistabbilixxi numru ta’ azzjonijiet biex tiġi ffukata l-politika ta' infurzar tal-IPR fejn jidħol ksur fuq skala kummerċjali (l-hekk imsejjaħ approċ “follow the money”). L-istrateġija li tistabbilixxi approċ internazzjonali tifli t-tibdil li kien hemm dan l-aħħar u tippreżenta modi għat-titjib tal-mezzi ta' azzjoni li għandha bħalissa l-Kummissjoni biex tippromwovi standards ta' IPR itjeb f'pajjiżi terzi u biex trażżan il-kummerċ fi prodotti li jiksru l-IPR.

L-adozzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni juri kif irridu nirriorjentaw il-politika tagħna lejn konformità aħjar mad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali mis-settur privat,” qal il-Kummissarju tal-UE għas-Suq Intern u s-Servizzi Michel Barnier. “Aktar milli nippenalizzaw lill-individwu għall-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, li ħafna drabi sseħħ mingħajr intenzjoni, l-azzjonijiet imfissra hawnhekk iwittu t-triq lejn approċ “follow the money”, bil-għan li t-trasgressuri fuq skala kummerċjali jinċaħdulhom il-flussi ta' introjtu tagħhom.

In-negozji, il-kreaturi u l-inventuri tagħna għandhom jiġu ppremjati kif dovut għall-isforzi kreattivi tagħhom”, qal il-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Karel De Gucht. Għal dan il-għan, u sabiex jinżammu l-inċentivi li jixprunaw l-innovazzjoni u l-kreattività, irridu nibqgħu naħdmu fuq it-titjib tal-istandards mal-imsieħba internazzjonali tagħna. Aħna se nibqgħu miftuħa biex nadattaw l-approċ tagħna skont il-livelli tagħhom ta’ żvilupp, iżda nenfasizzaw l-impatti pożittivi li l-proprjetà intellettwali jista’ jkollha fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-konsumaturi.”

"Infurzar effettiv tal-IPR irid ikun mirfud b'kooperazzjoni mill-qrib fost l-awtoritajiet tal-infurzar, u bejn dawk l-awtoritajiet u l-parteċipanti kkonċernati fin-negozju. Dan huwa essenzjali kemm fi ħdan l-UE kif ukoll mal-isħab internazzjonali tagħna," qal Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE għad-Dwana. "Hija sfida li jitmexxa 'l quddiem dan l-approċ li jinvolvi l-partijiet ikkonċernati multipli, iżda huwa l-uniku mod biex naraw li jkun hemm protezzjoni kif jixraq tal-proprjeta intellettwali tagħna fl-UE u fil-kummeċ internazzjonali."

L-ekonomija globalizzata tal-lum tiddependi dejjem aktar fuq industriji bbażati fuq l-għarfien, li rreżistiet il-kriżi sewwa u qed tikber qatigħ. L-għadd ta’ reġistrazzjonijiet ta’ privattivi Ewropej, ta' trade marks Komunitarji u ta' Disinji Komunitarji aktar minn irdoppja bejn l-2003 u l-2012. Iżda n-numri kbar ta' attivitajiet li jiksru d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPR) jistgħu jkunu ta' ħsara għal din ix-xejra pożittiva. Fl-2012 biss, l-aġenziji ta’ kontroll mal-fruntieri tal-UE rreġistraw 90 000 każ ta’ merkanzija ssuspettata li tikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (meta mqabbel ma’ anqas minn 27 000 fl-2005). L-OECD tistima li t-telf annwali għall-ekonomija minn ksur tal-IPR jlaħħaq madwar EUR 200 biljun.

Sabiex tiġi indirizzata din l-isfida, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) jipprevedi:

  • l-impenn fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati (pereżempju, l-aġenziji tar-reklamar onlajn u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagamenti) biex jitnaqqsu l-profitti minn ksur fuq skala kummerċjali fuq l-internet;

  • il-promozzjoni ta' diliġenza dovuta fost l-atturi kollha involuti fil-produzzjoni ta’ prodotti bi grad għoli ta’ proprjetà intellettwali, peress li verifika responsabbli tal-katina tal-provvista u l-applikazzjoni ta’ diliġenza dovuta jnaqqsu r-riskju ta’ ksur tal-IP;

  • l-għoti ta' għajnuna lin-negozji ż-żgħar biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom ta’ proprjetà intellettwali b’mod iktar effettiv billi jittejbu l-proċeduri tal-Qorti; sabiex jintlaħaq dan, il-Kummissjoni se tħares għall-ewwel darba lejn skemi nazzjonali li jassistu direttament l-SMEs biex jaċċessaw sistemi ġudizzjarji;

  • it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-iffaċilitar tal-iskambju tal-aħjar prattiki;

  • jiġi pprovdut programm komprensiv ta’ taħriġ għall-awtoritajiet tal-Istati Membri bil-ħsieb li jsiru azzjonijiet preventivi aktar rapidi kontra attivitajiet ta' ksur tal-IPR fuq skala kummerċjali madwar l-UE kollha u l-identifikazzjoni ta’ ostakli għall-kooperazzjoni transkonfinali.

Fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-Kummissjoni tipproponi:

li jitkomplew l-isforzi multilaterali għat-titjib tal-qafas internazzjonali tal-IPR u jiġi żgurat li l-kapitoli dwar l-IPR fi ftehimiet kummerċjali bilaterali joffru protezzjoni adegwata u effiċjenti għal detenturi tad-drittijiet;

li ssir ħidma mal-pajjiżi sħab, permezz ta’ djalogi dwar il-proprjetà intellettwali (PI) u gruppi ta’ ħidma dwar il-PI, biex jiġu indirizzati kwistjonijiet sistemiċi dwar l-IP u nuqqasijiet ewlenin fis-sistemi tal-IPR tagħhom;

li jsir stħarriġ regolari sabiex tiġi identifikata lista ta’ “pajjiżi ta’ prijorità” għal sforzi ffukati tal-UE;

li tingħata għajnuna lill-SMEs u lid-detenturi tad-drittijiet fuq il-post permezz ta’ proġetti bħal Helpdesks tal-IPR filwaqt li titwieżen u tissaħħa il-kompetenza espeerta fil-PI fir-rappreżentanzi tal-UE u tal-Istati Membri f'pajjiżi terzi;

li jitqajjem u jiġi sostnut għarfien xieraq dwar programmi xierqa ta' assistenza teknika marbuta mal-PI lil pajjiżi terzi (pereż. it-taħriġ, il-bini tal-kapaċità, valorizzazzjoni tal-potenzjal tal-PI).

Il-passi li jmiss

L-azzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Komunikazzjonijiet se jiġu mnedija u mwettqa fl-2014 u l-2015. Il-Kummissjoni se żżomm għajnejha fuq it-twettiq ta’ dawn l-inizjattivi, u tistieden lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Istati Membri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-partijiet ikkonċernati (inkluż l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) permezz tal-Osservatorju Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali) biex jikkontribwixxu b’mod attiv fil-ħidma li ġejja. Il-Kummissjoni se tikkunsidra fi stadju aktar tard jekk ikunx hemm bżonn ta' aktar miżuri, li jistgħu jkunu leġiżlattivi.

Ara wkoll MEMO/14/449

Għal aktar tagħrif:

Infurzar tal-IPR

http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/action-plan/index_en.htm

Il-kummerċ u l-proprjetà intellettwali

http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/intellectual-property/

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

John Clancy (+32 2 295 37 73)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Maria Lyra Traversa (+32 2 295 63 68)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz tal-posta elettronika


Side Bar