Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tnedija tal-Premjijiet Ewropej tal-2014 għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi

European Commission - IP/14/74   27/01/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2014

It-tnedija tal-Premjijiet Ewropej tal-2014 għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi

Illum il-Kummissjoni Ewropea nediet l-edizzjoni tal-2014 tal-Premjijiet Ewropej għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi, kompetizzjoni li tippremja lill-aktar inizjattivi immaġinattivi u ta' suċċess tal-korpi pubbliċi tal-UE u tas-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat li jappoġġjaw l-intraprenditorija, u b'mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju. Il-kompetizzjoni fil-livell nazzjonali se tibda minn issa, u f'Mejju se jintgħażlu r-rebbieħa mill-pajjiżi differenti biex jikkompetu fil-livell internazzjonali. L-għan ewlieni tal-parteċipanti huwa li jirbħu l-Premju Ewlieni tal-Ġurija f'Napli f'Ottubru.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, li huwa wkoll il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "Ħames snin wara l-implimentazzjoni tal-Att tal-UE dwar in-negozji ż-żgħar, nistgħu naraw kif l-SMEs għamlu passi ta' ġgant. Madanakollu għad fadlilna ħafna xogħol x'nagħmlu. Meta nenfasizzaw dawn l-istejjer ta' suċċess tal-promozzjoni tal-intraprenditorija, ngħinu biex nixprunaw lill-korpi pubbliċi Ewropej u lis-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat jiffukaw iktar fuq in-negozju u jiffavorixxuh. Aħna ninsabu ħerqana biex naraw liema proġetti eċċitanti u innovattivi se jiġu ppreżentati mill-parteċipanti għall-Premjijiet Ewropej għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi tal-2014."

Kif tipparteċipa

Għal aktar informazzjoni dwar il-Premjijiet Ewropej għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi, żur is-sit tal-internet, segwi l-Premjijiet fuq Twitter bl-Ingliż, bil-Franċiż, bl-Ispanjol, bit-Taljan jew bil-Ġermaniż jew żur is-sit uffiċjali tal-Premjijiet fuq Facebook.

Il-premjijiet jingħataw għas-sitt kategoriji li ġejjin:

  • il-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali;

  • l-investiment fil-ħiliet;

  • it-titjib fl-ambjent tan-negozju;

  • l-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tan-negozji;

  • l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ swieq ekoloġiċi u tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

  • l-intraprenditorija responsabbli u inklużiva.

L-istadji tal-kompetizzjoni

Il-kompetizzjoni għandha żewġ stadji; l-ewwel, l-applikanti jridu jikkompetu fil-livell nazzjonali, u mbagħad ikunu eliġibbli biex jikkompetu fil-livell Ewropew. Għall-kompetizzjoni nazzjonali, sa Mejju 2014, kull pajjiż se jagħżel żewġ inizjattivi biex jinħatru għall-kompetizzjoni Ewropea.

Il-ġurija Ewropea se tfassal lista qasira ta' dawk l-inizjattivi nnominati. Dawk kollha nnominati mill-kompetizzjonijiet nazzjonali u Ewropej se jkunu mistiedna jattendu ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet, li tippremja lir-rebbieħa għall-isforzi tagħhom u tagħtihom l-opportunità jippreżentaw lilhom infushom f'ambjent pan-Ewropew. Ir-rebbieħa se jirċievu l-premjijiet tagħhom waqt ċerimonja li se ssir bejn it-2 u t-3 ta' Ottubru f'Napli, l-Italja, fl-okkażjoni tal-Assemblea tal-2014 tal-SMEs.

Sfond

Il-Premjijiet Ewropej għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi ilhom mill-2006 jirrikonoxxu l-eċċellenza fil-promozzjoni tal-intraprenditorija u tan-negozji ż-żgħar fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Minn mindu tnedew dawn il-premjijiet, ġew ippreżentati aktar minn 2 500 proġett għalihom, li flimkien appoġġjaw il-ħolqien ta' ħafna aktar minn 10 000 kumpanija ġdida. L-għanijiet tal-Premjijiet huma li jidentifikaw u jirrikonoxxu l-attivitajiet u l-inizjattivi ta' suċċess imwettqa biex jippromwovu l-intrapriżi u l-intraprenditorija, li juru eżempji tal-aqwa politiki u prattiki tal-intraprenditorija u jaqsmuhom ma' ħaddieħor, li joħolqu aktar għarfien dwar ir-rwol li għandhom l-intraprendituri fis-soċjetà Ewropea u li jħeġġu u jispiraw lill-intraprendituri potenzjali.

Ara vidjow dwar ir-Rebbieħa tal-Premju Ewlieni tal-Ġurija għall-2013, li kienet il- Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija tal-Latvja

Aktar informazzjoni fuq ir-rebbieħa kollha tal-2013

Kuntatti :

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52) Twitter: @ECspokesCorazza

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website