Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2014

Servizzi pubbliċi aħjar u aktar rapidi għan-negozji u għaċ-ċittadini: il-Kummissjoni tipproponi programm ġdid biex jitneħħew l-ostakli elettroniċi

Il-Kummissjoni llum adottat proposta għal programm ġdid li se jgħin lill-Istati Membri jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet tagħhom, u se jipprovdi servizzi diġitali interoperabbli f'livell nazzjonali u Ewropew. Il-programm il-ġdid, ISA2,se jibni fuq is-suċċess tal-predeċessur tiegħu, ISA (Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej), billi jiżgura interazzjoni transfruntiera jew transsettorjali bla intoppi bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

Dan huwa essenzjali fl-Ewropa tal-lum, għaliex ħafna aktar ċittadini jaħdmu u jgħixu f'pajjiżi oħra tal-UE, u l-impriżi jagħmlu negozju u joperaw madwar l-Unjoni. Meta jagħmlu hekk, huma frekwentement ikollhom jinteraġixxu elettronikament mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri.

Sfortunatament, problemi bħal kumplessità organizzattiva, proċeduri skaduti u ineffiċjenti, u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni ħafna drabi joħolqu ostakli elettroniċi li jimpedixxu liċ-ċittadini u lin-negozji milli jużaw is-servizzi pubbliċi b’mod effiċjenti, u jfixklu l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

Il-Viċi President Maroš Šefčovič qal: "L-Istati Membri, minħabba l-pressjoni tal-kriżi ekonomika reċenti, diġà qed inaqqsu l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi billi jintroduċu servizzi diġiali u jtejbu l-proċessi tal-kummerċ. Madankollu, minħabba li dawn ħafna drabi jseħħu fuq livell dipartimentali u jkollhom nieqsa l-interoperabbiltà f'livell transsettorjali u Ewropew, dawn il-bidliet kemm-il darba joħolqu ostakli elettroniċi. Dawn jistgħu jkunu ta' frustrazzjoni, għax jaħlu l-ħin u l-flus tan-negozji u taċ-ċittadini.

“Is-snin ta’ ħidma fuq l-interoperabbiltà, il-gvern elettroniku u d-dejta miftuħa jfissru li l-pjattaformi interoperabbli issa għandhom il-potenzjal li jwasslu s-servizzi pubbliċi b'rapidità, effiċenza u kwalità bla preċedent. Il-programm ISA2 huwa ċ-ċavetta li se tiftaħ dan il-potenzjal. Huwa ċentrali għall-aġenda diġitali tal-Ewropa."

Rapport ippubblikat ix-xahar li għadda (EC eGovernment Report 2014) juri li l-gvernijiet tal-Istati Membri għad fadlilhom x'jaqdfu biex jagħtu lin-negozji u liċ-ċittadini aċċess għas-servizzi pubbliċi onlajn bla problemi ta' xejn, anki fl-Istat Membru stess. Barra minn hekk, id-disponibbiltà ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera għal ċittadini ta’ pajjiż differenti tal-UE hija biss ta’ 42 % - 30 punt perċentwali taħt id-disponibbiltà ta’ servizzi pubbliċi għal ċittadini tal-pajjiż.

F'livell Ewropew, ħafna oqsma ta’ politika tal-Unjoni jiddependu fuq l-interoperabbiltà biex l-implimentazzjoni tagħhom jkollha suċċess, bħalma huma s-suq intern, l-ambjent, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, id-dwana u t-tassazzjoni, is-saħħa, l-identità elettronika u l-akkwist pubbliku. Dawn is-setturi se jibbenefikaw mill-ISA2.

Il-kuntest

Il-programmi ta' interoperabbiltà għamlu ħafna progress minn mindu ddaħħlu għall-ewwel darba fl-1995. L-ISA2 huwa bbażat fuq l-esperjenza kollettiva u r-riżultati ta’ żewġ deċennji ta’ programmi tal-Kummissjoni, li għall-ewwel appoġġaw it-twaqqif tal-konnessjonijiet elettroniċi fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi, imbagħad id-disponibbiltà tal-informazzjoni fuq l-internet, wara l-kollaborazzjoni elettronika tas-servizzi pubbliċi u issa l-implimentazzjoni tas-servizzi tranżazzjonali madwar l-Ewropa.

L-ISA2 se jkopri l-perjodu 2016-2020, b'allokazzjoni finanzjarja ta' EUR 131 miljun. Huwa jissostitwixxi l-programm ISA attwali li se jintemm f’Diċembru 2015, li bis-saħħa tiegħu kien hemm għadd ta’ inizjattivi ta’ valur għoli, inklużi l-e-Prior (sistema tal-IT għall-fatturazzjoni elettronika u għall-iskambju ta’ dokumenti ta' akkwist pubbliku), is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, l-IMI (li tippermetti l-iskampju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali), MT@EC (servizz tat-traduzzjoni awtomatika fil-lingwi uffiċjali kollha għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri), u sistema li tippermetti l-ġbir onlajn ta' dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej.

It-test kollu tal-proposta:

http://ec.europa.eu/isa/documents/isa_2_proposal_en.pdf

Aġenda Diġitali għall-Ewropa:

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52010DC0245R(01)

Kuntatti:

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website