Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tħeġġeġ l-azzjoni hekk kif stħarriġ juri li aktar minn 80% tal-għalliema fl-UE jħossuhom sottovalutati

European Commission - IP/14/734   25/06/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 25 ta’ Ġunju 2014

Il-Kummissjoni tħeġġeġ l-azzjoni hekk kif stħarriġ juri li aktar minn 80% tal-għalliema fl-UE jħossuhom sottovalutati

Aktar minn terz tal-għalliema fl-Unjoni Ewropea jaħdmu fi skejjel b’nuqqas ta’ persunal ikkwalifikat u kważi nofs il-kapijiet tal-iskejjel irrappurtaw nuqqas ta’ għalliema għall-istudenti bi bżonnijiet speċjali. Filwaqt li kważi 90% tal-għalliema fl-UE jgħidu li huma sodisfatti b’xogħolhom, 81% iħossu li l-għalliema ma jingħatawx valur fis-soċjetà. Għalkemm l-għalliema jħossuhom ippreparati sew biex iwettqu xogħolhom, l-appoġġ fil-bidu tal-karriera ma jinstabx minn kulħadd. Dawn huma fost is-sejbiet ewlenin tal-Istħarriġ Internazzjonali dwar l-Edukazzjoni u t-Tagħlim (TALIS), imwettaq mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). L-istħarriġ huwa bbażat fuq il-perċezzjoni tal-għalliema dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u jinkludi t-tweġibiet ta' 55 000 għalliema tas-sekondarja tal-ewwel livell u kapijiet tal-iskejjel fl-UE. Il-Kummissjoni Ewropea analizzat is-sejbiet tat-TALIS u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-politika tal-UE dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ f’rapport ippubblikat illum.

It-TALIS jirrifletti l-opinjoni tal-għalliema ta' skejjel sekondarji tal-ewwel livell fi 19-il pajjiż jew reġjun tal-UE (BE nl, BG, ES, CZ, CY, DK, EE, FI, FR, HR, IT, LV, NL, PL, PT, RO, SE, SK, UK-ENG), kif ukoll 15-il pajjiż ieħor: l-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Brażil, iċ-Ċilì, is-Serbja, Singapor, l-Iżlanda, l-Iżrael, il-Ġappun, il-Malasja, il-Korea t'Isfel, il-Messiku, in-Norveġja, Abu Dabi u Alberta fil-Kanada.

“Xi wħud mill-messaġġi li ħarġu mit-TALIS għandhom implikazzjonijiet preokkupanti dwar l-għażla tat-tagħlim bħala karriera fil-futur. Jekk l-Istati Membri ma jieħdux azzjoni biex jattiraw u jżommu lill-aqwa għalliema, il-progress fit-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni fl-Ewropa se jiddgħajjef. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tgħin lill-Istati Membri jfasslu politiki u miżuri biex jagħmlu l-professjoni tal-għalliema waħda aktar attraenti," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Is-sejbiet tat-TALIS fl-UE u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea:

36% tal-għalliema fl-UE jaħdmu fi skejjel fejn hemm nuqqas ta’ għalliema ikkwalifikati u/jew bi prestazzjoni tajba (b'mod partikolari il-Pajjiżi Baxxi, ir-Rumanija, l-Estonja, fir-Renju Unit, l-Ingilterra, filwaqt li Franza, il-Pajjiżi Baxxi, il-Kroazja, Spanja, u l-Estonja rrappurtaw nuqqas ta’ għalliema għall-istudenti bi bżonnijiet speċjali), skont il-kapijiet tal-iskejjel (il-prinċipali). Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni: L-Istati Membri għandhom jimplimentaw strateġiji fit-tul biex jattiraw u jżommu l-aqwa għalliema. L-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu jinkludu t-tisħiħ tal-programmi ta' edukazzjoni għall-għalliema; iktar flessibbiltà fil-professjoni (anki f’nofs il-karriera); opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali u għall-progress fil-karriera bbażat fuq kriterji trasparenti.

Huwa probabbli li l-għalliema jħossuhom iktar ippreparati għax-xogħol tagħhom meta l-edukazzjoni formali tagħhom tkun tinkludi varjetà ta' kontenut u metodi ta' tagħlim, kif ukoll il-prattika fil-klassi tas-suġġetti li jgħallmu . Rakkomandazzjoni: L-edukazzjoni tal-għalliema għandha tkopri dawn l-oqsma kollha biex l-għalliema jkunu ppreparati aħjar għall-karriera tagħhom. F’dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp professjonali tal-għalliema, l-użu tal-ICT fil-klassi u l-ħiliet meħtieġa għat-tagħlim ta' studenti bi bżonnijiet speċjali għandhom jiġu enfasizzati aktar.

Kważi 40% tal-kapijiet tal-iskejjel irrappurtaw li fl-iskejjel tagħhom ma jingħata l-ebda taħriġ inizjali formali jew appoġġ fil-bidu tal-karriera; id-disponibbiltà ta’ programmi ta' dan it-tip hija nieqsa b'mod partikolari fil-Portugall, fil-Polonja u fi Spanja. Rakkomandazzjoni: L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-edukazzjoni tal-bidu tal-karriera tal-għalliema tkun segwita minn appoġġ sistematiku fl-istadju bikri tal-karriera. Il-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE dan l-aħħar qablu biex isaħħu l-edukazzjoni tal-għalliema u biex jiżviluppaw oqfsa ta’ kompetenza li juru b’mod ċar il-ħiliet u l-kwalitajiet meħtieġa mill-għalliema fi stadji differenti tal-karriera tagħhom.

15% tal-għalliema rrappurtaw li ma pparteċipaw f’ebda attività ta’ żvilupp professjonali matul is-sena li għaddiet; madwar 50% tal-għalliema qatt ma osservaw il-klassijiet ta’ għalliema oħra; kważi 20% qatt ma jieħdu sehem f’tagħlim kollaborattiv. Rakkomandazzjoni: L-Istati Membri jridu jenfasizzaw aktar l-iżvilupp professjonali effikaċi u t-tagħlim kollaborattiv biex iħeġġu lill-għalliema biex jużaw tagħlim u metodi ta’ tagħlim innovattivi (bħal pereżempju t-tagħlim ta' gruppi żgħar; l-użu tal-ICT) kif ukoll biex jiżdied is-sodisfazzjon professjonali tagħhom. Varjetà ta' metodi ta’ tagħlim jippreparaw lill-istudenti b'mod aħjar għall-edukazzjoni għolja u għas-suq tax-xogħol, kif jidher fl-inizzjattivi politiċi tal-Kummissjoni Ewropea fi Reviżjoni tal-Edukazzjoni u Niftħu l-Edukazzjoni.

Tagħrif dwar it-TALIS

Ir-riżultati tat-TALIS se jiġu ppreżentati uffiċjalment fil-25 ta’ Ġunju f’Tokjo, fejn se jsiru s-17-il Seminar u Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-OECD fil-Ġappun. Jan Truszczynski, id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Edukazzjoni u l-Kultura, se jippreżenta wkoll l-analiżi tal-politika tal-Kummissjoni.

Fil-25 ta' Gunju fis-14:30, fil-Madou Auditorium (Place Madou 1) se ssir ukoll laqgħa ta' tagħrif tekniku (miftuħa għall-midja) għall-partijiet interessati fl-edukazzjoni u t-taħriġ dwar is-sejbiet tat-TALIS u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Se jippreżentaw ir-rapporti Michael Davidson, il-mexxej tat-tim tat-TALIS tal-OECD, u Jan Pakulski, il-Kap tal-Unità għall-Istatistika, l-Istudji u l-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Kummissjoni.

Kuntest

Stħarriġ Internazzjonali dwar il-kuntest tal-Edukazzjoni u t-Tagħlim (TALIS)

Dan huwa t-tieni stħarriġ TALIS ippubblikat mill-OECD (l-ewwel wieħed kien ġie ppubblikat fl-2009). L-istħarriġ huwa s-sors ewlieni tal-informazzjoni mingħand l-għalliema u l-kapijiet tal-iskejjel dwar it-tagħlim, il-kundizzjonijiet tal-karriera u l-ambjent fl-iskejjel. L-istħarriġ huwa bbażat fuq kwestjonarju mibgħut lill-għalliema u lill-kapijiet tal-iskejjel. L-għalliema li wieġbu l-kwestjonarju tat-TALIS jinkludu aktar minn 55 000 għalliema tas-sekondarja tal-ewwel livell f’3 300 skola fl-UE, li huwa stmat li jirrappreżentaw kważi 1.5 miljun mid-19-il pajjiż tal-UE li ħadu sehem. Jekk jiġu inklużi l-15-il pajjiż l-ieħor involut fl-istħarriġ, kważi 110 000 għalliem wieġbu l-kwestjonarju, dawn huma stmati li jirrappreżentaw kważi 4 miljun għalliem.

Erasmus+

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE jaħdmu flimkien biex jidentifikaw u jaqsmu prattika ta’ politika effettiva u biex joffru appoġġ u pariri. L-Erasmus+, il-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport (2014-2020), joffri għotjiet għal skambji tal-għalliema bil-għan li jtejbu l-iżvilupp professjonali tagħhom, u jappoġġa sħubijiet bejn l-iskejjel, l-universitajiet u l-kulleġġi ta’ edukazzjoni tal-għalliema biex dawn jiżviluppaw approċċi ta' tagħlim innovattivi. Permezz tan-netwerk tal-Ġemellaġġ elettroniku (eTwinning) tal-iskejjel, l-għalliema jistgħu jaqsmu l-ideat mal-kollegi tagħhom madwar l-Ewropa.

Għal aktar tagħrif

Council Conclusions on Effective Teacher Education (2014)

Council conclusions on Effective Leadership in Education (2013)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2013), Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta' Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2012), Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-Ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (2012): Appoġġ għall-Professjoni tal-Għalliema għal eżiti tat-tagħlim aħjar

OECD, TALIS 2013 Riżultati

Is-sit tal-internet tal-Kummissarju Vassiliou

Il-Kummissjoni Ewropea: Sit elettroniku tal-Edukazzjoni u Taħriġ

Segwi lill-Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website