Navigation path

Left navigation

Additional tools

Irkuprati l-istokkijiet tal-ħut fil-Grigal tal-Atlantiku, b'kuntrast mas-sajd eċċessiv fil-Mediterran: Il-Kummissjoni tistabbilixxi pjanijiet għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2015

European Commission - IP/14/724   26/06/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL ET LT LV PL SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarria għall-istampa

Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2014

Irkuprati l-istokkijiet tal-ħut fil-Grigal tal-Atlantiku, b'kuntrast mas-sajd eċċessiv fil-Mediterran: Il-Kummissjoni tistabbilixxi pjanijiet għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2015

L-istokkijiet tal-ħut fit-Tramuntana u fil-Punent tal-Ewropa qed jirkupraw, iżda għad hemm problemi serji ta’ sajd eċċessiv fil-Baħar Mediterran. Dan huwa l-messaġġ ewlieni li tgħaddi Maria Damanaki, il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, fir-rapport ta’ din is-sena dwar il-qagħda tal-istokkijiet tal-ħut u l-preparazzjoni għall-istabbiliment tal-kwoti tal-ħut għas-snin li ġejjin. Id-dokument issa huwa miftuħ għall-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati permezz ta’ konsultazzjoni pubblika onlajn, qabel ma l-Kummissjoni tagħmel il-proposti tagħha għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 matul il-ħarifa.

Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra l-parir xjentifiku dwar il-qagħda tal-istokkijiet fil-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed.

  • Id-dejta dwar l-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran turi sitwazzjoni diżastruża: 96 % jew aktar tal-ħut li jgħix fil-qiegħ tal-Mediterran jiġu mistada b'mod eċċessiv, u għall-istokkijiet pelaġiċi bħas-sardin u l-inċova, iċ-ċifra hija 71 % jew aktar. Għall-Baħar l-Iswed, l-istokkijiet kollha tal-ħut li jgħix f'qiegħ il-baħar u 33 % tal-istokkijiet pelaġiċi huma mistada b'mod eċċessiv.

  • Iżda minn xi mkien ieħor tasal aħbar tajba, billi fiż-żona tal-Grigal tal-Atlantiku, li tinkludi l-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana, is-sajd eċċessiv naqas minn 86 % fl-2009 (30 stokk minn 35 stokk evalwat kienu mistada b'mod eċċessiv) għal 41 % fl-2014 (19-il stokk minn 46 stokk).

“Is-sitwazzjoni li sejra daqshekk ħażin fil-Baħar Mediterran tħassibni ħafna”, qalet il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki. "Issa li x-xjentisti vvalutaw ħafna iktar stokkijiet tal-ħut matul dawn l-aħħar ħames snin, ma nistgħux niċħdu iktar: fil-Baħar Mediterran qed isir sajd eċċessiv Quddiemna nara taqbida twila u ħidma iebsa: Jeħtieġ li nibnu d-dejta xjentifika u nadottaw pjanijiet dwar is-sajd reġjonali sabiex innaqqsu s-sajd għal-livelli sostenibbli. Jekk ma niħdux azzjoni issa, il-ġenerazzjonijiet li ġejjin se jitilfu l-potenzjal tremend ta’ dawn ir-riżorsi. Il-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida toffri opportunità li trid tiġi rrispettata, u jien se nkun qed niddiskuti dan kollu mal-Ministri tas-Sajd tal-Istati Membri tal-Mediterran”.

Dwar is-sitwazzjoni taż-żona tal-Grigal tal-Atlantiku, il-Kummissarju Damanaki sostniet: "Għalija, is-suċċess tal-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut fil-Grigal tal-Atlantiku juri li bl-istabbiliment tar-regoli t-tajbin, nistgħu ntemmu s-sajd eċċessiv. Meta jkollna l-għarfien xjentifiku disponibbli, meta l-qabdiet ikunu stabbiliti f'livell xieraq u - l-aktar importanti - meta s-sajjieda jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-istokkijiet, jiena ċerta li fil-futur ikompli jseħħ aktar titjib. Dawn huma l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Politika Komuni tas-Sajd riformata.”

Kuntest

Fid-dokument ta’ konsultazzjoni annwali tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tistipula l-fehmiet u l-intenzjonijiet tagħha għall-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd - il-livelli tal-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs), il-kwoti u l-isforz tas-sajd - għall-2015 u titlob l-opinjonijiet tal-Istati Membri, tal-industrija tas-sajd u organizzazzjonijiet mhux governattivi f’Kunsilli Konsultattivi reġjonali, kif ukoll iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet interessati permezz ta’ konsultazzjoni pubblika onlajn.

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni se tagħmel il-proposti sodi tagħha għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 matul il-ħarifa.

Dan huwa l-ewwel dokument ta’ konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd wara d-dħul fis-seħħ tal-Politika Komuni tas-Sajd riformata fil-1 ta’ Jannar 2014. L-intenzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni huma l-eliminazzjoni gradwali tas-sajd eċċessiv skont l-objettiv tal-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida, l-eliminazzjoni gradwali tal-prattika li l-ħut mhux mixtieq jintrema lura fil-baħar u l-għoti tas-setgħa tat-teħid ta' deċiżjonijiet mill-ġdid lill-partijiet ikkunċernati reġjonali.

Il-Kummissjoni tiddependi ħafna fuq il-pariri xjentifiċi tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) u korpi indipendenti oħra.

Għal aktar tagħrif

Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-UE għall-2015: MEMO/14/442

Il-Komunikazzjoni tista' tinqara hawn: Ħolqa

Kuntatti:

Helene Banner (+32 2 295 24 07)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefon00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website