Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Ġunju 2014

Ambjent: EUR 239 miljun disponibbli fl-2014 għall-proposti tal-proġetti

Illum, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-ewwel sejħa għal proposti taħt il-programm ta’ finanzjament LIFE għal proġetti għall-ambjent. Fl-2014, is-sottoprogramm għall-ambjent LIFE se jipprovdi EUR 238,86 miljun biex jiġu żviluppati u implimentati metodi innovattivi li jwieġbu għall-isfidi ambjentali madwar l-Ewropa, b'attenzjoni speċjali għall-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-governanza ambjentali u l-informazzjoni.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Il-proġetti innovattivi fis-settur tal-ambjent u tal-konservazzjoni tan-natura fl-Ewropa se jirċievu aktar fondi minn qatt qabel. Dan se jikkontribwixxi għall-ksib ta' tkabbir sostenibbli permezz ta' investimenti f'ekonomija li tuża b'mod effiċjenti r-riżorsi u se jgħin lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jimplimentaw pjanijiet u strateġiji f'oqsma politiki ewlenin bħan-natura, l-iskart, l-arja u l-ilma."

Is-sottoprogramm huwa parti mill-programm LIFE tal-UE għall-perjodu 2014-2020 u se jipprovdi EUR 2 592 miljun għall-ambjent matul is-seba’ snin li ġejjin. Se jappoġġa wkoll it-titjib tal-governanza, it-tixrid tal-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni ta' kwistjonijiet ambjentali.

L-organizzazzjonijiet interessati mħeġġa jibdew iħejju ruħhom minn kmieni billi jiżviluppaw l-ideat tal-proġetti tagħhom, jingħaqdu fi sħubijiet ma' partijiet interessati rilevanti u jidentifikaw appoġġ finanzjarju kumplimentari. Għall-"proġetti tradizzjonali", il-Kummissjoni tilqa' b'mod partikolari l-proposti li huma konformi mas-suġġetti tal-proġetti prijoritarji ddefiniti fil-programm ta' ħidma pluriennali LIFE għall-2014-2017.

Id-data ta' skadenza tal-applikazzjonijiet għall-proġetti tradizzjonali hija s-16 ta' Ottubru 2014, filwaqt li dik għall-proġetti integrati ġiet iffissata għall-10 ta' Ottubru 2014. Is-sejħa li jmiss għall-proposti LIFE se tkun immirata lejn l-għotjiet operattivi għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ attivi fil-livell Ewropew fi kwistjonijiet klimatiċi u ambjentali u se titnieda fil-ħarifa li ġejja.

Sfond

LIFE huwa programm ta’ finanzjament tal-UE li ilu għaddej mill-1992 u li kkofinanzja aktar minn 4,000 proġett. Il-Programm LIFE tal-UE għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika 2014-2020 huwa maqsum f'żewġ perjodi ta' programmazzjoni: 2014-2017 u 2018-2020.

Aktar informazzjoni

Dettalji dwar is-sejħa għall-proposti

Il-Programm ta' Ħidma Pluriennali LIFE għall-2014-2017

Il-paġna ewlenija tal-programm LIFE

Kuntatti:

Għall-istampa:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Andreja Skerl (+32 2 295 14 45)

Għall-pubbliku: Europe Direct bin-numru tat-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika


Side Bar