Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-Sigurtà tal-Ikel: 35 sena ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali

European Commission - IP/14/675   13/06/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijia għall-istampa

Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2014

Is-Sigurtà tal-Ikel: 35 sena ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali

Issa aktar minn qatt qabel, l-Ewropa tiddependi fuq is-Sistema ta’ Allarm fil-Pront għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) tagħha biex tiżgura li l-ikel tagħna jkun jissodisfa xi wħud mill-ogħla standards tas-sigurtà tal-ikel fid-dinja. Mill-ħolqien tagħha 35 sena ilu, l-RASFF dejjem kellha l-kompitu ewlieni li tiżgura s-sigurtà tal-ikel iżda, barra minn hekk, ir-Rapport Annwali tal-RASFF tal-2013 juri li din hija wkoll għodda kruċjali għall-ittraċċar u l-irtirar tal-prodotti mis-suq, f'każ li tiġi individwata frodi.

Il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa, Tonio Borg qal: “L-RASFF hija għodda essenzjali biex tindirizza r-riskji ta' sigurtà tal-ikel fl-Ewropa, billi tippermetti skambju rapidu tal-informazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi Ewropej. Il-ħidma tas-sistema RASFF dehret fl-iskandlu tal-laħam taż-żiemel, meta prodotti tal-ikel imħallta bil-laħam taż-żiemel ġew traċċati għas-sors u rtirati mis-suq”. Bħala konklużjoni: “Illum qed noqorbu aktar lejn il-konsumaturi Ewropej permezz tal-għodda onlajn innovattiva - il-portal tal-konsumaturi ġdid tal-RASFF - li jagħtihom aċċess għall-informazzjoni dwar avviżi tal-irtirar u twissijiet pubbliċi minn awtoritajiet tas-saħħa pubblika u operaturi ta' negozju f’pajjiż partikolari tal-UE.”

Riżultati ġenerali

Ir-rapport annwali attwali jkopri l-perjodu ta’ rappurtar tal-2013, fejn total ta’ 3 205 notifika oriġinali ġew trażmessi permezz tal-RASFF, li 596 minnhom ġew ikklassifikati bħala twissija, 442 bħala informazzjoni għal azzjonijiet ta' segwitu, 705 bħala informazzjoni għall-attenzjoni u 1 462 bħala notifika ta’ rifjut mal-fruntiera. Dawn in-notifiki oriġinali wasslu għal 5 158 notifika ta’ segwitu, li jirrappreżentaw medja ta’ madwar 1.6 azzjonijiet ta’ segwitu għal kull notifika oriġinali. In-notikifi ta' segwitu jistgħu jwasslu għal serje ta' azzjonijiet, pereżempju: is-sejħa lura, l-irtirar, is-sekwestru u l-qerda ta' prodotti tal-ikel mis-suq. L-għadd totali ta’ notifiki trażmessi permezz tal-RASFF fl-2013, meta mqabbel mal-2012, naqas b’9%.

Xi wħud mill-aktar kwistjonijiet notevoli kienu t-tifqigħat mill-ikel minħabba l-preżenza ta’ virus tal-epatite A f'taħlitiet ta' frott żgħir u fil-frawli, reazzjonijiet avversi kkawżati minn supplimenti tal-ikel b’ingredjenti potenzjalment perikolużi, E. coli li jipproduċi t-tossina shiga (STEC) fil-laħam u residwi ta’ pestiċidi fuq prodotti tal-pjanti.

L-oriġini tan-notifiki

Mit-3 205 notifika oriġinali trażmessi fl-RASFF fl-2013, il-maġġoranza kbira (2 710, 84.6%) kienu dwar l-ikel, 272 kienu dwar l-għalf (8.5%) u 223 (6.9 %) kienu dwar materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel.

Kwistjonijiet oħra: azzjoni kontra l-frodi tal-ikel

Għalkemm ma ġe identifikat l-ebda riskju għas-sigurtà tal-ikel, is-sistema tal-RASFF kienet strumentali biex tiżgura skambju rapidu tal-informazzjoni kollha relatata mal-prodotti tal-ikel imħallta bil-laħam taż-żiemel. Fl-ewwel semestru tal-2013 u lil hinn, dan għen lill-Istati Membri tal-UE biex iħaffu l-investigazzjonijiet tagħhom u jibnu stampa aktar komprensiva li tippermettilhom jittraċċaw is-sors tal-frodi.

Passi li jmiss

L-indikazzjonijiet juru l-ħtieġa dejjem tikber ta' skambju ta' informazzjoni dwar każijiet ta’ frodi tal-ikel bejn il-pajjiżi li qegħdin isiru dejjem aktar sofistikati.

Il-Kummissjoni qed tiżviluppa sistema tal-IT kontra l-frodi tal-ikel, ispirata mill-RASFF li se ssaħħaħ il-ħidma tan-netwerk li nħoloq reċentement kontra l-frodi tal-ikel fl-UE. Din is-sistema tal-IT se tipprovdi pjattaforma għal kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali bejn l-awtoritajiet nazzjonali għall-iskambjar rapidu ta' informazzjoni dwar attivitajiet qarrieqa u ta' frodi fis-settur tal-ikel, biex dawn jiġu ttraċċati bejn il-fruntieri.

Tagħrif eżistenti

L-RASFF tniedet 35 sena ilu bħala netwerk li jiffaċilita l-fluss transkonfinali ta’ informazzjoni bejn il-membri tagħha u għandha rwol ewlieni li tiżgura livell għoli ta’ sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-Ewropa u mxiet ħafna 'l quddiem mill-ħolqien umli tagħha.

In-netwerk tal-RASFF jippermetti l-iskambju rapidu ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni meta jiġu identifikati riskji għas-saħħa tal-bniedem fil-katina tal-ikel u tal-għalf. Il-Membri kollha tal-RASFF (it-28 pajjiż tal-UE, il-Kummissjoni, l-EFSA, l-ESA, in-Norveġja, il-Liechtenstein, l-Iżlanda u l-Iżvizzera) għandhom servizz ta' 24 siegħa kuljum biex jiżguraw li n-notifiki urġenti jintbagħtu, jaslu u jitwieġbu b'mod kollettiv u effiċjenti. Bis-saħħa tal-RASFF, ġew evitati ħafna riskji b'rabta mas-sigurtà tal-ikel qabel ma dawn setgħu jkunu ta' ħsara lill-konsumaturi.

Għal aktar informazzjoni:

Aktar informazzjoni dwar l-RASFF:

http://ec.europa.eu/food/safety/rasff/index_en.htm

L-aħħar rapport tal-RASFF u materjali viżivi:

http://ec.europa.eu/food/safety/rasff/reports_publications/index_en.htm

Portal tal-konsumaturi tal-RASFF:

http://ec.europa.eu/food/safety/rasff/for_consumers/index_en.htm

Segwina fuq Twitter:

@EU_Consumer

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil- posta elettronika


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website