Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE u l-Grupp tal-BEI jingħaqdu flimkien biex joffru sa €48 biljun għal investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni

European Commission - IP/14/670   12/06/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-12 ta' Ġunju 2014

L-UE u l-Grupp tal-BEI jingħaqdu flimkien biex joffru sa €48 biljun għal investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni

Illum il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI) nedew għadd ġdid ta' strumenti finanzjarji tal-UE u servizzi ta' konsulenza biex jgħinu lill-intrapriżi innovattivi jaċċessaw aħjar il-finanzi. Matul is-seba' snin li ġejjin, il-prodotti "InnovFin – Finanzi tal-UE għall-Innovaturi" mistennija joffru finanzjament ta' aktar minn €24 biljun għar-riċerka u l-innovazzjoni lil kumpaniji żgħar, medji u kbar u lill-promoturi tal-infrastrutturi tar-riċerka. Dan il-finanzjament mistenni jappoġġa sa €48 biljun għal investimenti finali fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire Geoghegan-Quinn, qalet: "L-istrumenti finanzjarji joffru mod innovattiv ta' investiment f'kumpaniji u attivitajiet li jżidu t-tkabbir. L-UE nqatgħet lura mill-kompetituri dinjin fejn jidħol l-investiment kummerċjali fl-innovazzjoni, u allura rridu nħeġġu lill-banek biex isellfu lil dawn il-proġetti u ngħinu lill-kumpaniji intensivi fir-riċerka biex jaċċessaw dawn il-finanzjamenti. Dan kollu se jgħinna nilħqu l-mira tal-UE li għamilna biex ninvestu 3% tal-PDG fir-riċerka u l-innovazzjoni sal-2020."

"InnovFin – Finanzi tal-UE għall-Innovaturi" huma firxa ta' prodotti mfassla apposta – li jvarjaw minn garanziji għal intermedjarji li jsellfu lill-SMEs, għal self dirett lill-intrapriżi — jgħinu biex jappoġġaw lill-iżgħar sal-akbar proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati ma' Orizzont 2020, il-programm il-ġdid tar-riċerka tal-UE għall-2014-20. Innovfin isejsu fuq is-suċċess tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji li nħolqot bis-Seba' Programm Kwadru tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (l-FP7), li għenet biex jinstabu finanzi li jaqbżu l-€11 biljun għal 114-il proġett tar-riċerka u l-innovazzjoni li jiswew aktar minn €30 biljun.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment se jipprovdi self lil kumpaniji medji u kbar, jew garanziji lill-banek biex isellfuhom. Il-Fond Ewropew għall-Investiment se jipprovdi garanziji lill-banek li jsellfu lill-intrapriżi żgħar u medji u – aktar tard – jinvestu f'fondi ta' kapital tar-riskju li jipprovdu ekwità lil kumpaniji li għadhom jibdew jew li qed jikbru malajr.

It-tnedija saret waqt konferenzata' jumejn li organizzat il-Presidenza Griega tal-UE biex issir diskussjoni fuq kif jista' jitjieb l-aċċess għal finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Innovfin jagħtu garanziji u self bl-appoġġ ta' fondi mwarrba mill-programm Orizzont 2020 u mill-Grupp tal-BEI bil-għan li jkun appoġġat l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni li min-natura tiegħu hu aktar riskjuż u diffiċli biex jiġi vvalutat mill-investimenti tanġibbli. Ilkoll huma strumenti mmexxija mid-domanda, bl-ebda allokazzjoni minn qabel bejn is-setturi, il-pajjiżi jew ir-reġjuni. Fil-futur qrib, dawn l-istrumenti tad-dejn se jingħaqdu magħhom għadd ta' strumenti ta' ekwità amministrati mill-FEI. B'kollox, dawn l-istrumenti finanzjarji se jappoġġaw madwar €2.7 biljun mill-baġit ta' kważi €80 biljun tal-programm Orizzont 2020.

Il-kuntest tal-prodotti ta' InnovFin

Il-Proġetti l-Kbar ta' InnovFin għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess għal finanzjament tar-riskju għal proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni li jagħmlu kumpaniji kbar u kumpaniji medji u kbar b’kapitalizzazzjoni medja; universitajiet u istituti tar-riċerka; infrastrutturi tar-riċerka u l-innovazzjoni (fosthom infrastrutturi li jippermettu l-innovazzjoni); sħubijiet pubbliċi-privati; u strumenti jew proġetti b'għan speċjali (fosthom dawk li jippromwovu proġetti ta' dimostrazzjoni industrijali fi skala kummerċjali li qatt ma jkunu saru qabel). Il-Bank Ewropew tal-Investiment se jagħti self dirett li jvarja minn €7.5 miljun sa €300 miljun.

Il-Finanzi ta' InnovFin għal Tkabbir fil-Kumpaniji b'Kapitalizzazzjoni Medja joffru self jew garanziji superjuri u subordinati (inkluż finanzjament mezzanin u kważi ta' ekwità) sabiex jitjieb l-aċċess għal finanzjament, l-aktar għal kumpaniji akbar innovattivi b’kapitalizzazzjoni medja (li jħaddmu sa 3,000 impjegat), iżda anki għall-SMEs u l-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja. Il-Bank Ewropew tal-Investiment se jagħti self dirett li jvarja minn €7.5 miljun sa €25 miljun lil benefiċjarji eliġibbli fl-Istati Membri tal-UE u l-Pajjiżi Assoċjati.

Il-Garanziji ta' InnovFin għal Kumpaniji b'Kapitalizzazzjoni Medja joffru garanziji jew self kontinġenti li jvarjaw minn €7.5 miljun sa €25 miljun biex jitjieb l-aċċess għal finanzjamenti l-aktar għal kumpaniji akbar innovattivi b’kapitalizzazzjoni medja (li jħaddmu sa 3,000 impjegat). Din il-faċilità jimplimentaha l-Bank Ewropew tal-Investiment, u titwassal permezz ta' intermedjarji finanzjarji – banek u istituti finanzjarji – fl-Istati Membri tal-UE u fil-Pajjiżi Assoċjati. B'din il-faċilità, l-intermedjarji finanzjarji jkollhom garanziji mill-BEI għal proporzjon tat-telf potenzjali tagħhom, u dan joffri wkoll kontrogaranziji lill-istituzzjonijiet ta' garanzija.

Il-Garanziji ta' InnovFin għall-SMEs jipprovdu garanziji u kontrogaranziji fuq finanzjament tad-dejn li jvarjaw minn €25,000 sa €7.5 miljun biex jitjieb l-aċċess għal finanzjament tas-self għal intrapriżi żgħar u medji innovattivi u għal kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja (li jħaddmu sa 499 impjegat). Din il-faċilità jimplimentaha l-Bank Ewropew tal-Investiment, u titwassal permezz ta' intermedjarji finanzjarji – banek u istituti finanzjarji – fl-Istati Membri tal-UE u fil-Pajjiżi Assoċjati. B'din il-faċilità, l-intermedjarji finanzjarji jkollhom garanziji mill-FEI għal proporzjon tat-telf tagħhom li jġarrbu bil-finanzjament tad-dejn li tkopri din il-faċilità.

Is-Servizzi ta' Konsulenza ta' InnovFin li jipprovdi l-BEI sa €28 miljun mill-baġit tal-programm Orizzont 2020, għandhom l-għan li jtejbu l-"bankabbiltà" u l-prontezza tal-investiment ta' proġetti kbar li jeħtieġu investimenti sostanzjali fit-tul. Dawn jipprovdu wkoll konsulenza biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-aċċess għal finanzjament tar-riskju għar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-klijenti ewlenin maħsuba huma promoturi ta' proġetti kbar tar-riċerka u l-innovazzjoni li jissodisfaw l-Isfidi Soċjetali ta' Orizzont 2020. Is-servizzi ta' konsulenza mistennija jħaffu l-iżvilupp ta' proġetti b'valur tal-investiment ta' madwar €20 biljun.

Informazzjoni oħra:

Il-programm Orizzont 2020

Il-Portal tal-Aċċess għall-Finanzi tal-UE

Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Il-Fond Ewropew għall-Investiment

Kuntatti oħra għall-istampa:

Il-BEI: Helen Kavvadia, Tel.: +352 4379 84486

Il-FEI: Susanne Gutjahr, +352 426 688 487

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website