Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-12 ta’ Ġunju 2014

L-UE tniedi kampanja biex tiġi miġġielda l-vjolenza sesswali kontra l-minorenni matul it-Tazza tad-Dinja

ll-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso llum nieda kampanja ġdida biex jitqajjem għarfien dwar l-isfruttament sesswali tal-minorenni fil-Brażil matul it-Tazza tad-Dinja.

Il-kampanja "Iddawwarx Wiċċek" (jew “Não desvie o olhar” bil-Portugiż) hija appoġġata minn plejers tal-futbol Brażiljani magħrufa sew, bħalma huma Kaká u Juninho Pernambucano, u hija mmirata lejn dawk il-Brażiljani u l-barranin li se jattendu għat-Tazza tad-Dinja 2014, u tqajjem għarfien li l-isfruttar sesswali huwa delitt.

Il-proġett jinvolvi l-organizzazzjoni ta’ seminars ta’ taħriġ għal maniġers pubbliċi u dibattiti dwar is-suġġett f’kull belt ospitanti tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja, kif ukoll iż-żieda tal-appoġġ fil-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali u biex il-vittmi jsiru konxji tad-drittijiet tagħhom. Hija tinkludi l-promozzjoni wiesgħa tal-linja diretta "Call 100" biex kull min ikun xhud ta' xi każ ta' sfruttament sesswali ta' minorenni jkun jista' jirrappurtah.

Il-Kummissarju għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, qal: “Il-Brażil għandu storja inkredibbli x’jirrakkonta f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp tiegħu, fejn madwar 40 miljun ruħ intrefgħu mill-faqar f'perjodu ta' 10 snin. Madankollu xi partijiet tas-soċjetà għadhom mhux qed igawdu d-drittijiet tal-bniedem li aħna nqisuhom bħala ovvji. L-UE ħadmet fuq proġetti kruċjali biex jiġi indirizzat dan fit-12-il belt ospitanti tat-Tazza tad-Dinja; bħal pereżempju li jingħata appoġġ lid-drittijiet ta' persuni żgħar fl-età fil-favelas ta' Rio, għajnuna lill-komunitajiet fi Cuiaba biex ikollhom aktar kontroll fuq dak li jolqothom, jew il-ħarsien tal-aktar ħaddiema fqar f'São Paulo."

Il-kampanja internazzjonali "Iddawwarx Wiċċek", organizzata mid-delegazzjoni tal-UE fil-Brażil, qed titmexxa f’aktar minn 15-il pajjiż bi sħab man-netwerk ECPAT (End Child Prostitution, Pornography and Trafficking). Is-sindki tat-12-il belt ospitanti tat-Tazza tad-Dinja laqgħu tajjeb din il-kampanja, bil-ħsieb li tkompli titjieb il-protezzjoni tat-tfal u tal-adoloxxenti, matul it-Tazza tad-Dinja tal-2014 u avvenimenti ewlenin oħra, bħalma huma l-logħob Olimpiku tal-2016, li wkoll se jsiru fil-Brażil.

Tagħrif ta' sfond

Id-drittijiet tal-bniedem huma wieħed mill-oqsma ewlenin tal-ħidma tal-UE fil-Brażil. L-UE qed tmexxi proġetti kruċjali f'dan il-qasam fit-12-il belt ospitanti tat-Tazza tad-Dinja;

Dawn jinkludu:

  • Proġett għall-protezzjoni tan-nisa mill-vjolenza f’Paraíba (stat fin-nofsinhar ta' Natal) — fejn jingħataw għajnujna biex jinvolvu ruħhom fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet legali u jingħataw taħriġ f’materji relatati ma’ vjolenza, ġeneru, razza u parteċipazzjoni politika. In-nisa involuti fil-proġett jinkludu bdiewa nisa, gruppi indiġeni u n-nisa ta' dawk li fiż-żona jiġbru l-iskart riċiklat.

  • Programm ġdid għad-difiża tad-drittijiet tat-tfal u tal-adolexxenti f’Salvador, imfassal biex jiġu enfasizzati l-problemi tal-vjolenza domestika, l-abbuż sesswali, it-trattament ħażin, is-serq u t-traffikar tad-droga fiż-żona. Bis-saħħa tal-proġett, 1,120 tifel u tifla u adolexxenti se jingħataw kura matul il-ġurnata, jew faċilitajiet residenzjali, u se titqajjem kuxjenza fost aktar minn 15,000 ċittadin dwar il-konsegwenzi drammatiċi tal-isfruttament sesswali u tal-vjolenza fuq il-vittmi żgħar fl-età.

  • Proġett biex tingħata għajnuna legali biex il-popli indiġeni ta’ Xingu, fi Cuiaba u żoni oħra tal-istat ta' Mato Grosso, u l-komunitajiet ta' Quilombos f’Ribeira Valley, f'Sao Paolo, jiġu assistiti jiddefendu d-drittijiet territorjali tagħhom. Il-komunitajiet Quilombos ibatu min-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ drittijiet territorjali tagħhom u tal-identità tagħhom bħala komunità. Dan il-proġett josserva l-azzjonijiet legali li qed jheddu d-dritt tal-popli indiġeni għat-territorji tradizzjonali tagħhom, u jżommhom informati dwar l-iżviluppi dwarhom (bħal tilwim dwar il-konfini diġà approvati.)

Bejn l-2007-2013, il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet EUR 61 miljun f’finanzjament lill-Brażil għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil (pereż. fil-kummerċ, fid-drittijiet tal-bniedem, fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali u fl-ambjent).

Bejn l-2014-2020, il-Kummissjoni Ewropea se tipprovdi EUR 7.5 miljun f’fondi lill-Brażil għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil (edukazzjoni għolja permezz ta’ Erasmus Mundus u proġett ta' Djalogi Settorjali, li jinkludi fost temi oħra, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u x-xjenza u t-teknoloġija).

L-Istrument ta’ Sħubija (IS) il-ġdid, li għalih qed jitħejjew xi proġetti, se jkun ukoll ta' kontribut b’ riżorsi ġodda għal kooperazzjoni mal-Brażil f’diversi setturi bħalma huma t-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli, d-diplomazija pubblika, u l-promozzjoni tal-kummerċ u l-investiment, fost oqsma oħra.

Għal aktar informazzjoni

Bħala parti mill-Kampanja tat-Tazza tad-Dinja se jkun hemm disponibbli fuljetti mimlija fatti - wieħed għal kull belt ospitanti - dwar il-proġetti ċentrali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Link għall-fuljetti:

http://www.eidhr.eu/side-panels/what-s-on/events/eidhr-campaign-world-cup-2014/fact-sheets

Ħames vidjows, ibbażati fuq proġetti fl-ibliet fejn se jsiru l-finali, is-semifimali u l-kwarti tal-finali, se jkunu wkoll disponibbli fuq:

http://www.eidhr.eu/events/eidhr-campaign-world-cup-2014

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Il-websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm

Kuntatti:

Alexandre Polack (+32 2 299 06 77)

Maria Sanchez Aponte (+32 2 298 10 35)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefown 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website