Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni timmira għal riformi fis-settur tal-innovazzjoni għas-sostenn tal-irkupru ekonomiku

European Commission - IP/14/646   10/06/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2014

Il-Kummissjoni timmira għal riformi fis-settur tal-innovazzjoni għas-sostenn tal-irkupru ekonomiku

Illum il-Kummissjoni Ewropea saħqet fuq l-importanza tal-investimenti u r-riformi tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) għall-irkupru ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u għamlet proposti biex tgħin lill-Istati Membri tal-UE jimmassimizzaw l-impatt tal-baġits tagħhom fi żmien meta ħafna pajjiżi għadhom qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet fl-infiq. Iż-żieda tal-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni tista' tkun mutur ewlieni tat-tkabbir, filwaqt li t-titjib fl-effiċjenza u fil-kwalità tal-infiq pubbliku għar-R&I huwa wkoll kruċjali biex l-Ewropa żżomm jew tikseb pożizzjoni ta' tmexxija f’ħafna oqsma ta’ għarfien u teknoloġiji ewlenin. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tappoġġa lill-Istati Membri fit-twettiq tar-riformi tar-R&I l-aktar adattati għall-bżonnijiet tagħhom, inkluż appoġġ politiku, dejta mill-aqwa u eżempji tal-aħjar prattika.

Olli Rehn, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro qal: “L-Irkupru ekonomiku Ewropew qed isir iktar mgħaġġel filwaqt li l-konsolidazzjoni fiskali qed tnaqqas il-pass, skont il-qafas fiskali msaħħaħ tal-UE. Madankollu, ir-restrizzjonijiet baġitarji se jibqgħu, u għalhekk huwa aktar importanti minn qatt qabel li l-Istati Membri jimmiraw ir-riżorsi tagħhom b’mod intelliġenti. Il-baġit tal-UE qed jgħin biex jagħti spinta lill-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni għat-titjib tat-tkabbir u l-ideat tal-lum se jgħinu biex jimmassimizzaw l-impatt ta’ kull euro li jintnefaq.”

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: “It-trawwim tal-innovazzjoni huwa aċċettat b’mod wiesa’ bħala l-element ewlieni tal-kompetittività u ta' kwalità ta’ ħajja aħjar, speċjalment fl-Ewropa, fejn ma nistgħux nikkompetu fuq l-ispejjeż. Dan għandu jkun ta' twissija għall-gvernijiet u n-negozji ta' madwar l-Ewropa. Irridu naħdmu tajjeb, inkella se jkollna nħallsu l-prezz ta' dan għas-snin li ġejjin.”

Il-Komunikazzjoni ppubblikata llum tenfasizza tliet oqsma ewlenin ta’ riforma:

  • It-titjib tal-kwalità tal-iżvilupp ta’ strateġija u tal-proċess tat-tfassil tal-politika, billi jinġabru flimkien l-attivitajiet ta’ riċerka u ta' innovazzjoni, appoġġati minn baġit multiannwali stabbli li jiffoka b'mod strateġiku fuq ir-riżorsi;

  • It-titjib tal-kwalità tal-programmi tar-R&I, anke permezz ta' tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u l-allokazzjoni aktar kompetittiva tal-finanzjamenti;

  • It-titjib tal-kwalità tal-istituzzjonijiet pubbliċi ta' riċerka u innovazzjoni, anke permezz ta’ sħubijiet ġodda mal-industrija.

Il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lir-R&I, hekk kif l-awtoritajiet pubbliċi jerġgħu jiksbu marġini fuq l-investiment għat-titjib tat-tkabbir. L-infiq attwali għar-R&I fis-settur pubbliku u dak privat jiswa ftit iktar minn 2% tal-PDG, għalhekk l-UE għadha ferm lura meta mqabbla ma’ kompetituri internazzjonali bħall-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel. Anke ċ-Ċina tinsab qrib ħafna li taqbeż lill-UE (ara l-grafika). Għalhekk iż-żieda tal-infiq għar-R&I ta' 3% tal-PDG tibqa’ mira ewlenija għall-UE, iżda l-Komunikazzjoni tal-lum turi wkoll li t-titjib tal-kwalità tal-infiq pubbliku f’dan il-qasam huwa essenzjali sabiex jiżdied l-impatt ekonomiku tal-investiment. Il-Komunikazzjoni tenfasizza bl-istess mod dwar il-ħtieġa tal-UE li tistabbilixxi kundizzjonijiet ta' qafas tajbin li jinkoraġġixxu l-kumpaniji Ewropej biex jinnovaw aktar.

Intensità tal-investiment pubbliku u privat fir-R&Ż fl-2012 fl-UE u f'xi pajjiżi terzi

Tagħrif eżistenti

L-innovazzjoni hija fattur ewlieni li jwassal għat-tkabbir ekonomiku u għall-kompetittività tan-negozji u tinsab fil-qalba tal- Istrateġija Ewropa 2020. Il-proposti attwali jkomplu fuq dawk tar- Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tal-2014, fejn għadd ta' Stati Membri rċevew rakkomandazzjonijiet għal riforma tal-politiki ta' riċerka u ta' innovazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni llum ħarġet ukoll Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni li juri l-progress fl-34 impenji li saru u jenfasizza l-ħtieġa għal aktar sforzi.

Il-baġit tal-UE għall-2014-20 jimmarka ċaqliqa deċiżiva lejn ir-R&I u fatturi oħra għat-titjib tat-tkabbir, b’żieda f’termini reali ta’ 30% tal-baġit għall-Orizzont 2020, il-programm il-ġdid tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. EUR 83 biljun oħra huma mistennija li jiġu investiti fir-R&I kif ukoll fl-SMEs permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment ġodda.

Unjoni tal-Innovazzjoni: http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_mt.cfm

Orizzont 2020: http://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/

MEMO/14/405

Kuntatti:

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website