Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE ES IT EL LV BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2014

Is-sajd: Il-Kummissjoni tintensifika l-azzjoni rigward il-kontroll permezz tal-adozzjoni ta' pjan Franċiż

Illum, il-Kummissjoni Ewropea saħħet aktar l-impenn tagħha li ttejjeb il-kontroll tas-sajd fl-Ewropa. Adottat pjan ta’ azzjoni miftiehem ma’ Franza biex is-sistema ta’ kontroll tas-sajd Franċiża tiġi adattata mal-istandards Ewropej. Il-pjan jiffissa għadd ta’ miżuri biex jittejjeb il-kontroll tas-sajd Franċiż biex ikun żgurat li Franza tkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament tal-UE dwar il-kontroll tas-sajd1 li daħal fis-seħħ fl-2010.

Il-pjan ta’ azzjoni jiffoka fuq is-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-qbid Franċiża biex jiġi żgurat li d-dejta disponibbli għall-kontrolluri nazzjonali tkun kompluta, affidabbli u f’waqtha. L-iżvilupp ta’ għodod tal-IT u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll se jiżguraw l-effiċjenza tal-miżuri proposti.

Il-pjan ta’ azzjoni ġie mfassal wara verifika tal-Kummissjoni Ewropea, li investigat il-konformità tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd Franċiża mar-Regolament Ewropew. Il-verifika b’mod partikolari ssottolineat il-kumplessità amministrattiva, in-nuqqas ta’ validazzjoni sħiħa u ta’ kontroverifiki tad-dejta, u l-iskambju insuffiċjenti ta’ dokumenti ta’ kontroll ma’ Stati Membri oħra. In-nuqqas ta' puntwalità u n-nuqqas ta' preċiżjoni ġew enfasizzati wkoll bħala sorsi ta' tħassib. Id-dejta tal-qbid hija rrappurtata mis-sajjieda sabiex l-awtoritajiet ta’ kontroll ikunu jistgħu jissorveljaw il-kwoti tas-sajd u b’hekk jgħinu biex jiġi evitat is-sajd eċċessiv.

Kontrolli sodi għal sajd sostenibbli

Dan il-pjan ta’ azzjoni huwa l-aktar pass riċenti f’approċċ strutturat tal-Kummissjoni biex tindirizza n-nuqqasijiet fil-kontroll tas-sajd. Mingħajr kontroll effettiv u sistemi ta’ infurzar fl-Istati Membri, il-miri tas-sostenibbiltà ambizzjużi tal-Kummissjoni se jkunu f’riskju li ma jintlaħqux u s-saħħa tal-istokkijiet tal-ħut tal-Ewropa għall-ġenerazzjonijiet futuri tkun mhedda. Sistema ta’ kontroll effettiva tiżgura wkoll kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda mal-Ewropa kollha sabiex ikunu jafu li s-sajjieda kollha jirrispettaw l-istess regoli.

Il-pjanijiet ta’ azzjoni huma mfassla biex jindirizzaw il-problemi organizzattivi sistemiċi, filwaqt li biex jiġu ttrattati kwistjonijiet aktar iżolati jintużaw mezzi ta’ infurzar oħra. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri b’mod individwali biex ikun determinat liema passi għandhom jittieħdu biex jintlaħqu dawk l-istandards. Sa issa diġà ġew adottati u implimentati pjanijiet ta’ azzjoni ma’ Spanja, Malta, l-Italja, u l-Latvja, filwaqt li tlieta oħra qegħdin jitħejjew għall-Portugall, il-Bulgarija u r-Rumanija.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, qalet: “Li nimxu ma' regoli li ntlaħaq qbil komuni dwarhom hija neċessità assoluta għas-sajd sostenibbli. Mingħajr kontrolli effettivi u infurzar xieraq, ir-regoli tal-politika tas-sajd tagħna jibqgħu biss fuq il-karta. Ir-regoli ġew ivvutati mill-Istati Membri nfushom, u ninsab kuntenta li qed nagħmlu progress tajjeb biex isegwihom kulħadd."

Sfond

Ir-regoli tas-sajd u tas-sistemi ta’ kontroll jiġu miftehma fil-livell tal-UE, iżda jiġu implimentati u mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali u l-ispetturi tal-Istati Membri tal-UE.

Biex jiġu infurzati r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE, hemm sistema ta’ kontroll Ewropea fis-seħħ, imfassla biex ikun żgurat li jinqabdu biss il-kwantitajiet permessi ta’ ħut, li tinġabar id-dejta meħtieġa għall-ġestjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, u biex jiġi żgurat li r-regoli jiġu applikati għas-sajjieda mal-UE kollha bl-istess mod.

Is-sistema hija stabbilita fir-Regolament tal-UE dwar il-Kontroll, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010 u li mmodernizza radikalment l-approċċ tal-UE għall-kontroll tas-sajd. Ir-Regolament jipprevedi sensiela ta’ strumenti ġodda biex jassistu lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-regoli maqbula, inkluż is-sistema ta' verifika u pjanijiet ta’ azzjoni bħal dak żvelat illum għal Franza.

Flimkien mar-Regolament IUU tal-UE2 — li jisħaq fuq il-ġlieda kontra s-sajd illegali b’mod partikolari meta jidħol fl-UE u jiżgura l-legalità ta’ prodotti tas-sajd impurtati, ir-Regolament ta' Kontroll jifforma sistema ta' kontroll b’saħħitha u konsistenti li tiżgura kundizzjonijiet ekwi kemm għall-ħut maqbud fl-ilmijiet tal-UE u kemm għall-ħut importat.

Għal aktar tagħrif

MEMO/14/404

Ir-Regolament ta' Kontroll: REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1224/2009

Kuntatti:

Helene Banner (+32 2 295 24 07)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website