Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2014

Is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol: Qafas Strateġiku li jistabbilixxi l-objettivi tal-UE għall-2014-2020

Biex tħares aħjar 'il fuq minn 217-il miljun ħaddiem fl-UE minn inċidenti u mard relatat max-xogħol, illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Qafas Strateġiku ġdid dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol 2014 – 2020, li jidentifika l-isfidi ewlenin u l-objettivi strateġiċi għas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, u li jippreżenta azzjonijiet ewlenin u jidentifika strumenti biex jindirizzahom. Dan il-qafas ġdid għandu l-għan li jiżgura li l-pajjiżi tal-UE jibqa’ jkollhom rwol ewlieni fil-promozzjoni ta’ standards għoljin kemm għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa kif ukoll fuq livell internazzjonali, f’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020.

László Andor, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, qal: “Illum qed inġeddu l-impenn tal-Kummissjoni għaż-żamma ta' titjib kontinwu tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nies fl-UE. In-nies għandhom id-dritt jaħdmu mingħajr ma jaffaċċjaw riskji tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Madanakollu, kull sena aktar minn 3 miljun ħaddiem jisfaw vittmi ta’ inċident serju fuq ix-xogħol, u 4 000 minnhom imutu f'inċidenti fuq il-post tax-xogħol. L-inċidenti u l-mard relatati max-xogħol jaffettwaw is-setturi u l-professjonijiet kollha, irrispettivament minn jekk in-nies għandhomx xogħol f'uffiċċju, jekk humiex sewwieqa tat-trakkijiet jew jekk hux qed jaħdmu f'minjiera jew f'sit ta' kostruzzjoni. Mhux biss jikkawżaw tbatija personali, iżda wkoll jimponu spejjeż kbar fuq il-kumpaniji u s-soċjetà inġenerali. Dan il-Qafas Strateġiku ġdid għandu l-għan li jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-impjiegi u s-sodisfazzjon professjonali, filwaqt li jtejjeb il-kompetittività u l-produttività tal-kumpaniji Ewropej, speċjalment tan-negozji ż-żgħar, u jnaqqas l-ispejjeż għas-sistemi tas-sigurtà soċjali.”

Il-Qafas Strateġiku jidentifika tliet sfidi ewlenin tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol:

li tittejjeb l-implimentazzjoni ta’ regoli eżistenti dwar is-saħħa u s-sikurezza, b’mod partikolari billi tissaħħaħ il-kapaċità ta’ intrapriżi mikro u żgħar li jimplimentaw strateġiji ta’ prevenzjoni tar-riskju effettivi u effiċjenti

li tittejjeb il-prevenzjoni ta’ mard relatat max-xogħol billi jiġu ttrattati r-riskji ġodda u emerġenti mingħajr ma jiġu ttraskurati r-riskji eżistenti

li jitqies it-tixjiħ tal-forza tax-xogħol tal-UE.

Il-Qafas Strateġiku jipproponi li dawn l-isfidi jiġu indirizzati b’firxa ta’ azzjonijiet taħt seba’ objettivi strateġiċi ewlenin:

Il-konsolidament ulterjuri tal-istrateġiji nazzjonali għas-saħħa u s-sikurezza pereżempju permezz ta’ koordinazzjoni politika u tagħlim reċiproku.

L-għoti ta' appoġġ prattiku għall-intrapriżi żgħar u mikro biex jgħinhom jikkonformaw aħjar mar-regoli tas-saħħa u tas-sikurezza. In-negozji se jibbenefikaw minn assistenza teknika u għodod prattiċi, bħall-Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Onlajn (OiRA), pjattaforma tal-internet li tipprovdi għodod ta’ valutazzjoni tar-riskju settorjali.

It-titjib fl-infurzar mill-Istati Membri, pereżempju billi tiġi evalwata l-prestazzjoni tal-ispettorati nazzjonali tax-xogħol.

Is-simplifikar tal-leġiżlazzjoni eżistenti fejn xieraq biex jiġu eliminati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema.

L-indirizzar tat-tixjiħ tal-forza tax-xogħol Ewropea u t-titjib tal-prevenzjoni ta’ mard relatat max-xogħol biex jiġu indirizzati riskji eżistenti u ġodda bħan-nanomaterjali, it-teknoloġija ekoloġika u l-bijoteknoloġiji.

Il-ġbir ta’ dejta statistika għal evidenza aħjar u l-iżvilupp ta' għodod ta’ monitoraġġ.

It-tisħiħ tal-koordinazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (fosthom l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD)) u mal-imsieħba sabiex jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta’ inċidenti fuq ix-xogħol u l-mard ikkaġunat mix-xogħol, u għat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol madwar id-dinja.

Il-Qafas Strateġiku jidentifika l-istrumenti għall-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet: id-djalogu soċjali, is-sensibilizzazzjoni, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE, is-sinerġiji ma' oqsma oħra ta' politika (eż. is-saħħa pubblika, l-edukazzjoni). Fondi tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew (ESF) u l-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali, huma disponibbli biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-regoli tas-saħħa u s-sikurezza.

Il-Qafas se jiġi rivedut fl-2016 sabiex isir rendikont tal-implimentazzjoni tiegħu u sabiex jitqiesu r-riżultati tal-valutazzjoni komprensiva li għaddejja tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, li se tkun disponibbli sa tmiem l-2015.

Sfond

L-investiment f’kultura ta’ prevenzjoni tar-riskju u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet aħjar fuq il-post tax-xogħol, speċjalment fil-kuntest tal-kriżi ekonomika, joffri benefiċċji ekonomiċi u soċjali, bħal inqas inċidenti relatati max-xogħol, benessri tal-persunal imtejba u s-sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol. Regoli simili madwar l-UE joħolqu wkoll kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kollha fi ħdan is-Suq Uniku, u fl-istess ħin jindirizzaw il-ħtieġa li jiġi evitat id-dumping soċjali.

Il-Qafas Strateġiku l-ġdid jibni fuq l-Istrateġija tal-UE 2007-2012 dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq ix-xogħol, li kienet ta’ suċċess, b’mod partikolari, biex tnaqqsu n-numru ta’ inċidenti fuq ix-xogħol li jwasslu għal assenza ta’ aktar minn tlett ijiem b’27.9 % fl-UE. Din l-istrateġija pprovdiet qafas komuni għal koordinazzjoni u sens komuni ta’ direzzjoni. 27 Stat Membru issa għandhom strateġija nazzjonali dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, adattata għall-kuntest nazzjonali u l-oqsma ewlenin ta’ prijorità. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-istrateġija għas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol għall-perjodu 2007-12 ikkonfermaw il-valur ta’ qafas strateġiku tal-UE għal azzjoni politika f'dan il-qasam, u saħqu fuq il-bżonn li jkunu riveduti objettivi, prijoritajiet u metodi ta’ ħidma biex il-qafas politiku tal-UE jiġi adattat għal mudelli ta’ xogħol li qed jinbidlu, u għal riskji ġodda u li qegħdin jitfaċċaw.

Il-Qafas iqis l-opinjonijiet espressi mill-istituzzjonijiet tal-UE u minn rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u tal-impjegaturi, u r-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika tal-2013 bil-għan li tiġbor l-ideat dwar sfidi attwali u futuri fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol (IP/13/491), u jqis ukoll l-opinjonijiet espressi fil-Konferenza dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fit-28 ta’ April 2014 li għalqet iċ-ċiklu tal-konsultazzjonijiet.

Għal aktar tagħrif

Ara MEMO/14/400

Qafas strateġiku dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2014-2020

Il-websajt ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Abbona mingħajr ħlas għall-bulettin b'email dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)

Għall-pubbliku: Europe Direct bit-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew bil-posta elettronika


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website