Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tiswir tat-tkabbir: Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2014

European Commission - IP/14/623   02/06/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT FI EL CS ET HU LT LV PL SL RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2014

It-tiswir tat-tkabbir: Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2014

Brussell, it-2 ta' Ġunju, 2014 - Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat sensiela ta' rakkomandazzjonijiet ta' politika ekonomika lil Stati Membri individwali biex jissaħħaħ l-irkupru ekonomiku li beda sena ilu. Ir-rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq analiżi ddettaljata tas-sitwazzjoni ta' kull pajjiż, u jipprovdu gwida dwar kif għandu jingħata imbuttatura 'l quddiem it-tkabbir, tiżdied il-kompetittività u jinħolqu l-impjiegi fl-2014-2015.

Din is-sena, l-enfażi ddawret minn fuq l-indirizzar tal-problemi urġenti kkawżati mill-kriżi għat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli u għall-impjiegi fl-ekonomija ta' wara l-kriżi. Bħala parti mill-pakkett tal-lum, li jimmarka l-kulminu tar-raba' Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomija, il-Kummissjoni adottat ukoll diversi deċiżjonijiet dwar il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri skont il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir. Flimkien, dawn jirrappreżentaw sett ambizzjuż ta' riformi għall-ekonomija tal-UE.

Il-President José Manuel Barroso, qal: "Qegħdin nitkellmu dwar l-għoti ta' għajnuna biex l-Istati Membri jkunu jistgħu joħorġu tassew mill-kriżi u jmorru lura lejn it-tkabbir, bir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjżi li jservu bħala boxxla li turi d-direzzjoni. L-isforzi u s-sagrifiċċji li saru madwar l-Ewropa bdew jagħtu l-frott. It-tkabbir qed iħaffef il-pass u - filwaqt li għadu żgħir - minħabba fih se jkun hemm żieda fl-impjiegi minn din is-sena 'l quddiem. L-isfida fundamentali għall-UE issa hija politika: Kif sejrin nagħmlu biex insostnu r-riforma hekk kif tbatti l-pressjoni tal-kriżi? Jekk il-politiċi juru sens ta' tmexxija u juru rieda politika biex jaraw li r-riforma titwettaq - anki jekk dan ma jkunx popolari - nistgħu nwettqu rkupru aktar qawwi u livell ta' għajxien aħjar għal kulħadd."

Skont l-analiżi tal-Kummissjoni, l-isforzi sostnuti fil-livelli kollha fis-snin riċenti poġġew l-ekonomija tal-UE fuq sisien ħafna aktar sodi. Madankollu, it-tkabbir mhux se jkun ekwu, u se jkun fraġli matul l-2014-2015, u għalhekk il-pass tar-riforma għandu jinżamm. Għat-tul, il-potenzjal għat-tkabbir tal-UE għadu relattivament baxx: il-livelli għolja tal-qgħad u s-sitwazzjoni soċjali diffiċli mhux se jitjiebu malajr, u jrid jgħaddi ż-żmien biex jonqos id-distakk kbir ta' investiment

Ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tal-2014

Din is-sena, saru rakkomandazzjonijiet lil 26 pajjiż (ħlief lill-Greċja u lil Ċipru, li qed jimplimentaw programmi ta' aġġustament ekonomiku). Dawn jirriflettu l-progress li sar sa mill-fażi tal-2013 ta' rakkomandazzjonijiet, li wasslet għal riżultati pożittivi.

  1. Reġa' kien hemm tkabbir, inkluż fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi affettwati mill-kriżi. Huma biss Ċipru u l-Greċja li mistennija jkollhom tnaqqis fl-ekonomija tagħhom din is-sena, u sal-2015, l-ekonomiji kollha tal-UE mistennija li jerġgħu jkunu qed jikbru.

  2. Il-finanzi pubbliċi għadhom qed jitjiebu. Fl-2014, id-defiċits aggregati tal-baġit fil-pajjiżi tal-UE mistennija li jinżlu għal taħt il-limitu tat-3% tal-PDG għall-ewwel darba mindu faqqgħet il-kriżi. Il-Kummissjoni qed tirrakkomanda li l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, is-Slovakkja, u l-Pajjiżi l-Baxxi jinħarġu mill-Proċedura dwar Defiċit Eċċessiv, biex l-għadd ta' pajjiż li għadhom fi Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv jinżel għal 11 (minn 24 fl-2011).

  3. Ir-riformi fl-aktar pajjiżi vulnerabbli qed jagħtu l-frott. L-Irlanda ħarġet mill-programm ta' assistenza finanzjarja li kienet fih f'Diċembru 2013, Spanja f'Jannar 2014 u l-Portugall f'Mejju 2014. Il-Greċja mistennija li jerġa' jkollha tkabbir fl-2014, filwaqt li s-sitwazzjojni f'Ċipru stabbilizzat. Bis-saħħa tar-rieda determinata għar-riformi, il-Latvja setgħet tissieħeb mal-euro f'Jannar.

  4. Qed iseħħ ibbilanċjar mill-ġdid, bil-pożizzjonijiet fejn jidħol il-kont kurrenti jitjiebu f'għadd ta' pajjiżi. F'Marzu 2014, għall-ewwel darba mindu ddaħħlet il-Proċedura dwar l-Iżbilanċi Makroekonomiċi, il-Kummissjoni kkonkludiet li żewġ pajjiżi (id-Danimarka u Malta) m'għadhomx għaddejjin minn żbilanċi, u li Spanja ma kinitx għadha f'sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv.

  5. Il-perspettiva hija li se jkun hem żieda żgħira fl-impjiegi minn din is-sena 'l quddiem, u tnaqqis fil-qgħad sa 10.4% sal-2015, hekk kif l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol normalment isegwu l-PDG wara intervall ta' sitt xhur jew aktar Iddaħħlu riformi maġġuri biex titjieb ir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol f'diversi Stati Membri, inkluż fi Spanja, il-Portugall, l-Italja u Franza.

Madankollu, peress li l-irkupru għadu mhux mifrux b'mod ugwali, u għadu fraġli, ir-riformi strutturali tal-ekonomiji tagħha jeħtieġ li jkomplu, b'mod speċifiku:

  1. Biex jiġu attakkati l-qgħad, l-inugwaljanza u l-faqar: Il-kriżi ħalliet impatt qawwi u għat-tul fuq il-livell tal-qgħad fl-UE, li għadu drastikament għoli fil-livell ta' 10.8% fl-2013, b'differenzi li jvarjaw minn 4.9% fl-Awstrija għal 27.3% fil-Greċja. Dan jirrikjedi riformi kontinwati fil-politika tal-impjiegi, kif ukoll kopertura u prestazzjoni aħjar mis-sistemi tal-edukazzjoni u tal-benefiċċji soċjali. Qed tingħata attenzjoni partikolari fir-rakkomandazzjonijiet dwar kif għandu jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ, speċjalment bl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

  2. Biex issir trasformazzjoni bejn tassazzjoni li tkun ta' għajnuna akbar għall-impjiegi: Ħafna pajjiżi straħu fuq żidiet fit-taxxa aktar milli fuq tnaqqis fl-infieq matul il-kriżi u l-piż ġenerali tat-taxxa żdied. Peress li hemm lok limitat għall-immanuvrar fil-finanzi pubbliċi, numru ta' rakkomandazzjonijiet huma ffukati fuq tibdil li jwassal biex il-piż tat-taxxa jitneħħa primarjament minn fuq ix-xogħol u jinxteħet aktar lejn taxxi aktar rikorrenti fuq proprjetà, fuq il-konsum u fuq taxxi ambjentali, sabiex titqawwa l-konformità mat-taxxa u tiġi miġġielda l-frodi tat-taxxa.

  3. Biex tingħata mbuttatura lill-investiment privat: L-iffinanzjar mill-banek għadu ssikkat fl-Italja, il-Greċja Spanja, il-Litwanja, is-Slovenja, il-Kroazja u Ċipru, speċjalment fejn jidħlu impriżi żgħar u medji. Ir-rakkomandazzjonijiet jindikaw il-ħtieġa li s-settur bankarju jkompli jiġi stabilizzat u jiġu sostnuti forom alternattivi ta' ffinanzjar - pereżempju, skemi ta' garanziji fuq is-self jew bonds korporattivi.

  4. Biex l-ekonomiji tagħna jsiru aktar kompetittivi: Il-progress fejn jidħlu r-riformi strutturali ta' ċerti setturi kruċjali għadu wieħed limitat meta mqabbel mal-2013. Għadd ta' rakkomandazzjonijiet li saru din is-sena jimbuttaw lejn aktar riformi fis-settur tas-servizzi, fl-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport, is-sistemi tar-riċerka u l-iżvilupp u l-liġi tal-kompetizzjoni.

  5. Biex jitnaqqas id-dejn: Minħabba l-akkumulazzjoni ta' defiċits matul iż-żmien, id-dejn pubbliku mistenni li jilħaq il-quċċata tiegħu din is-sena, u jeħtieġ li jitqiegħed fuq it-triq 'l isfel, b'mod partikolari fil-Belġju, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, l-Italja, Ċipru u l-Portugall, fejn għadu ogħla minn 100% tal-PDG. L-isfida għall-finanzi pubbliċi hija dik li tiġġestixxi il-kosti tat-tixjiħ - b'mod partikolari l-pensjonijiet u s-saħħa - u li tinżamm in-nefqa li tgħin fit-tkabbir fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Deċiżjonijiet baġitarji

Il-Kummissjoni Ewropea llum irrakkomandat li l-Kunsill tal-Ministri tal-UE għandu jagħlaq il-Proċedura dwar Defiċit Eċċessiv (PDE) għal sitt pajjiżi: l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi u s-Slovakkja.

Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll rapport li janalizza r-raġunijiet għal ksur ippjanat u previst tal-valur ta' referenza tat-Trattat għad-dejn pubbliku (60% tal-PDG) fil-każ tal-Finlandja. Hija kkonkludiet li t-tnedija ta' PDE mhix meritata peress li l-eċċes huwa dovut għall-kontribuzzjonijiet tal-pajjiż lejn operazzjonijiet ta' solidarjetà lejn pajjiżi taż-żona tal-euro.

Barra minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li żewġ pajjiżi, il-Polonja u l-Kroazja, ħadu azzjoni effettiv b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill lil dawk il-pajjiżi skont il-PDE.

Il-Passi li jmiss

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi se jiġu diskussi mill-mexxejja tal-UE u mill-ministru tal-UE f'Ġunju. Dawn jiġu formalment adottati mill-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi tal-UE fit-8 ta' Lulju. Imbagħad ikun f'idejn l-Istati Membri li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet billi jinkludhom meta jkunu qed ifasslu l-baġits nazzjonali, u l-linji relevanti oħra ta' politika tagħhom għall-2015. Ir-rakkomandazzjonijiet skont il-Patt ta' Stabilita u Tkabbir jiġu diskussi u adottati fil-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi tal-UE fl-20 ta' Ġunju.

Għal aktar informazzjoni:

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2014:

http://ec.europa.eu/europe2020/making-it-happen/country-specific-recommendations/index_mt.htm

Deċiżjonijiet skont il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/corrective_arm/index_en.htm

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Sarah Collins (+32 2 296 80 76)

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website